Inwettqu L-Wegħda Tagħna Jum Wara L-Ieħor
1 Is-salmista David ġie mqanqal biex jiddikjara lil Jehovah: “Jien se nagħmel melodija lil ismek għal dejjem, biex inkun nistaʼ nwettaq il-wegħdi tiegħi jum wara jum.” (Salm 61:8) David kien jaf li meta wieħed jagħmel wegħda, jagħmel hekk minn jeddu. Madankollu, irrikonoxxa wkoll li jekk għamel wegħda, kellu d-dmir li jwettaqha. Minkejja dan, hu faħħar lil Jehovah għall-opportunità li jwettaq il-wegħdi tiegħu jum wara l-ieħor.
2 Meta għamilna d-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah, aħna wegħedna minn jeddna li nagħmlu r-rieda tiegħu. Ċħadna lilna nfusna u għamilnieha l-mira primarja tagħna fil-ħajja li naqdu lil Jehovah. (Luqa 9:23) B’hekk, aħna wkoll irridu nwettqu l-wegħda tagħna jum wara l-ieħor. (Ekkl. 5:4-6) Id-dikjarazzjoni pubblika tagħna li għamilna meta tgħammidna bl-ilma għandha tiġi riflessa mill-bixra tal-ħajja tagħna kollha kemm hi, peress li nafu li “bil-fomm wieħed jagħmel dikjarazzjoni pubblika għas-salvazzjoni.” (Rum. 10:10) Dan jinkludi li nippridkaw l-aħbar tajba. (Ebr. 13:15) Iċ-ċirkostanzi persunali jvarjaw ħafna, imma lkoll kemm aħna nistgħu nżommu quddiem għajnejna jum wara l-ieħor l-importanza taʼ li naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn.
3 Noħolqu Opportunitajiet Biex Nippridkaw Kuljum: Li wieħed jaqsam l-aħbar tajba maʼ xi ħadd ieħor hija esperjenza mimlija ferħ. Sabiex nagħmlu dan kuljum, jeħtieġ li noħolqu opportunitajiet biex nippridkaw meta ċ-ċirkostanzi tagħna jippermettu. Kienu ħafna l-esperjenzi sbieħ li gawdew dawk li ħadu l-inizjattiva biex jagħtu xiehda informali lil individwi fuq ix-xogħol jew fl-iskola u lil ġirien jew oħrajn li jiltaqgħu magħhom kuljum. Saħansitra li niktbu l-ittri jew li nużaw it-telefon jistgħu jkunu mezz biex nagħtu xiehda lil oħrajn. Li nieħdu vantaġġ minn dawn il-mezzi kollha, flimkien maʼ li nwarrbu ħin regolarment għal għoti taʼ xiehda minn dar għal dar u li nagħmlu żjajjar lura, jistgħu jwasslu għall-ferħ speċjali li jiġi meta nikkonduċu studju tal-Bibbja fid-dar. Iva, kuljum jistaʼ jirnexxilna noħolqu opportunitajiet biex nippridkaw.
4 Waħda oħt bdiet taqra Examining the Scriptures Daily waqt il-ħin tal-mistrieħ tagħha fuq ix-xogħol. Hi stiednet lil waħda li kienet taħdem magħha biex taqra t-test tal-ġurnata magħha, u dan malajr wassal għal studju tal-Bibbja mal-mara. Kienu jistudjaw nofs siegħa kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa. Xi ħadd ieħor li kien jaħdem magħhom osserva l-istudju taʼ kuljum tagħhom. Eventwalment hu identifika lilu nnifsu bħala ħu inattiv. Imqanqal miż-żelu taʼ l-oħt, dan għamel kuntatt m’anzjan sabiex jerġaʼ jsir attiv. Din l-oħt messet b’mod pożittiv lil żewġ ħajjiet oħrajn billi baqgħet twettaq il-wegħda tagħha jum wara l-ieħor.
5 Se jkollna l-ferħ u s-sodisfazzjon jekk aħna, imqanqlin minn qalb imfawra b’apprezzament għall-affarijiet tajbin kollha li Jehovah għamel għalina, inwettqu l-wegħda tagħna taʼ dedikazzjoni bl-aħjar mod li nistgħu kuljum. Bħas-salmista, nistgħu niddikjaraw: “Jien infaħħrek, O Jehovah Alla tiegħi, b’qalbi kollha, u se nigglorifika lil ismek għal żmien indefinit.”—Salm 86:12.