Il-Qaddejja Ministerjali Jagħtu Servizz Prezzjuż
1 “Huma wrew li huma rġiel tassew iddedikati li l-fidi tagħhom intweriet b’servizz żeluż tas-Saltna u bl-għajnuna li jagħtu lil oħrajn biex jissodaw fil-fidi.” Hekk jgħid il-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry, f’paġna 57, dwar il-qaddejja ministerjali. Tabilħaqq, l-eżempju spiritwali li jingħata mill-qaddejja ministerjali huwa taʼ min jimitah. Il-fatt li naħdmu flimkien magħhom u maʼ l-anzjani jgħin għat-‘tkabbir tal-ġisem u fil-bini tiegħu fl-imħabba.’—Efes. 4:16.
2 Il-qaddejja ministerjali jwettqu xogħol vitali fil-kongregazzjoni. Aħsbu ftit dwar is-servizzi prezzjużi tagħhom! Huma jieħdu ħsieb il-kontijiet, il-letteratura, ir-rivisti, l-abbonamenti, u t-territorji; jaġixxu bħala attendants, jieħdu ħsieb l-apparat tas-sawnd, u jgħinu fil-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna. Huma jipparteċipaw fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u fil-Laqgħa tas-Servizz. Xi wħud minnhom għandhom mnejn ukoll jagħtu taħditiet pubbliċi jew jikkonduċu xi wħud mil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Bħal membri tal-ġisem fiżiku, il-qaddejja ministerjali jwettqu servizzi li għandna bżonnhom.—1 Kor. 12:12-26.
3 Meta oħrajn jaraw il-qaddejja ministerjali jikkooperaw f’armonija maʼ l-anzjani bħala parti minn ġisem servili wieħed b’rispett u fehma reċiproċi, dan jinkuraġġihom biex jagħmlu l-istess. (Kol. 2:19) Billi fedelment iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom ġimgħa wara l-oħra u billi juru interess persunali f’oħrajn, dawn jikkontribwixxu għal kongregazzjoni progressiva spiritwalment.
4 X’nistgħu nagħmlu biex nuru l-apprezzament tagħna lejn il-qaddejja ministerjali li jaħdmu iebes? Għandna bżonn inkunu familjari mad-dmirijiet assenjati lilhom u nkunu lesti li nikkooperaw meta tinħtieġ l-assistenza tagħna. Bil-kliem u bil-fatti, nistgħu ngħarrfuhom li xogħolhom napprezzawh. (Prov. 15:23) Dawk li jaħdmu iebes minħabba fina jistħoqqilhom rikonoxximent sinċier.—1 Tess. 5:12, 13.
5 Il-Kelma t’Alla tistabbilixxi l-irwol u l-kwalifiki tal-qaddejja ministerjali. (1 Tim. 3:8-10, 12, 13) Is-servizz sagru u prezzjuż tagħhom huwa indispensabbli biex il-kongregazzjoni tiffunzjona. Dawn l-irġiel jixirqilhom l-inkuraġġiment kontinwu tagħna, minħabba li kollha ‘jħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej.’—1 Kor. 15:58.