LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 1/1 pp. 29-31
  • Anzjani Ħarrġu lil Oħrajn biex Iġorru t-Tagħbija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Anzjani Ħarrġu lil Oħrajn biex Iġorru t-Tagħbija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Segwu l-​Eżempju taʼ Jehovah
  • Tibżgħux Tafdaw lil Oħrajn bir-​Responsabbiltà
  • Anzjani, Ħarrġu lil Oħrajn!
  • Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • X’Inhu l-Irwol tal-Qaddejja Ministerjali?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • L-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali—Bieb Kbir Miftuħ għax-Xogħol
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Tikkwalifika Int Biex Taqdi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 1/1 pp. 29-31

Anzjani Ħarrġu lil Oħrajn biex Iġorru t-​Tagħbija

FIL-​KONGREGAZZJONIJIET tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja, hemm ħtieġa urġenti għal irġiel li jistgħu jaqdu f’pożizzjonijiet taʼ indokrar. Hemm tliet raġunijiet prinċipali għal dan l-​iżvilupp.

L-ewwel, Jehovah qed iwettaq il-​wegħda tiegħu li “l-​iċken isir ġens qawwi.” (Isaija 60:22) Bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, fit-​tliet snin li għaddew kważi miljun dixxiplu ġdid tgħammdu bħala Xhieda taʼ Jehovah. Għaldaqstant, hemm bżonn taʼ rġiel responsabbli biex jgħinu lil dawn li m’ilhomx li tgħammdu jipprogressaw u jsiru Kristjani maturi.—Lhud 6:1.

It-tieni, xi wħud li qdew bħala anzjani għal għaxriet taʼ snin, kellhom inaqqsu t-​tagħbija taʼ xogħol li qegħdin iġorru fil-​kongregazzjoni minħabba l-​età jew problemi taʼ saħħa.

It-tielet, għadd taʼ anzjani Kristjani żelużi issa qegħdin jaqdu bħala membri f’Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet, f’Kumitati Reġjonali tal-​Bini, jew f’Kumitati tas-​Swali taʼ l-​Assembleat. F’xi każi dawn kellhom juru bilanċ billi jneħħu minn fuq spallejhom għall-​inqas ftit mir-​responsabbiltajiet li kellhom fil-​kongregazzjoni lokali tagħhom.

Kif tistaʼ tintlaħaq il-​ħtieġa urġenti għal iktar irġiel kwalifikati? It-​taħriġ hu t-​tweġiba għal dan. Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lil indokraturi Kristjani biex iħarrġu lil ‘nies taʼ fiduċja biex huma stess ikollhom il-​ħila jgħallmu wkoll lil oħrajn.’ (2 Timotju 2:2) Il-​verb “tħarreġ” ifisser li tgħallem sabiex l-​individwu jsir addattat, kwalifikat, jew tas-​sengħa. Ejja nikkunsidraw kif l-​anzjani jistgħu jħarrġu lil irġiel kwalifikati oħrajn.

Segwu l-​Eżempju taʼ Jehovah

Ġesù Kristu ċertament li kien addattat, kwalifikat, u tas-​sengħa fix-​xogħol tiegħu—u dan ma jissorprendiniex! Hu kien imħarreġ minn Alla Jehovah innifsu. Liema fatturi għamlu dan il-​programm taʼ taħriġ daqshekk effettiv? Ġesù semma tlieta, kif insibu fi Ġwann 5:20: “Il-​Missier lill-​Iben [1] iħobbu u [2] jurih kull ma jagħmel, anzi [3] ħwejjeġ akbar minn dawn jurih.” (Korsiv tagħna.) Eżami taʼ kull wieħed minn dawn il-​fatturi se jipprovdi dehen rigward is-​suġġett tat-​taħriġ.

Innota li Ġesù qal l-​ewwel: “Il-​Missier lill-​Iben iħobbu.” Mill-​bidunett tal-​ħolqien, kienet teżisti rabta intima bejn Jehovah u Ibnu. Proverbji 8:30 jixħet dawl fuq din ir-​relazzjoni: “Jien [Ġesù] kont maġenbu [Alla Jehovah] bħala tfajjel, l-​għaxqa tiegħu, jum wara ieħor, nitliegħeb il-​ħin kollu quddiemu.” (Korsiv tagħna.) Ma kien hemm ebda dubju f’moħħ Ġesù li Jehovah kien ‘jitgħaxxaq’ bih. U Ġesù ma ħebiex il-​ferħ li ħass waqt li kien jaħdem maġenb Missieru. Kemm tkun ħaġa sabiħa meta jkun hemm relazzjoni intima u sinċiera bejn l-​anzjani Kristjani u dawk li qegħdin jitħarrġu magħhom!

It-tieni fattur li semma Ġesù huwa li l-​Missier “jurih kull ma jagħmel.” Dan il-​kliem jikkonferma dak li jintqal fi Proverbji 8:​30, jiġifieri, li Ġesù ‘kien maġenb’ Jehovah waqt li kien qed jinħoloq l-​univers. (Ġenesi 1:26) L-​anzjani jistgħu jsegwu dan l-​eżempju eċċellenti billi jaħdmu mill-​qrib mal-​qaddejja ministerjali, u juruhom kif iwettqu d-​dmirijiet tagħhom b’mod effiċjenti. Madankollu, il-​qaddejja ministerjali li għadhom kif inħatru m’humiex l-​uniċi li għandhom bżonn taħriġ progressiv. Xi ngħidu għal dawk l-​aħwa leali li ilhom jirsistu għal ħafna snin għall-​kariga taʼ indokratur imma li qatt ma ġew maħturin? (1 Timotju 3:1) L-​anzjani għandhom jagħtu pariri speċifiċi lil dawn l-​irġiel sabiex ikunu jafu f’liema aspetti jeħtieġ li jitjiebu.

Per eżempju, qaddej ministerjali jistaʼ jkun taʼ min joqgħod fuqu, puntwali, u kuxjenzjuż fil-​qadi taʼ dmirijietu. Forsi hu wkoll għalliem mill-​aħjar. F’ħafna aspetti hu għandu mnejn qed jagħmel xogħol eċċellenti fil-​kongregazzjoni. Madankollu, forsi ma jirrealizzax li qed ikun aħrax meta jittratta maʼ sħabu l-​Kristjani. L-​anzjani jeħtieġ li juru “ħlewwa għaqlija.” (Ġakbu 3:13) Ma tkunx qalb tajba min-​naħa taʼ l-​anzjan li jitkellem mal-​qaddej ministerjali, jurih ċar x’inhi l-​problema, jagħtih eżempji speċifiċi u suġġerimenti prattiċi fejn jistaʼ jitjieb? Jekk l-​anzjan joqgħod attent biex ‘iħawwar il-​pariri tiegħu bil-​melħ taʼ l-​għerf,’ il-​kummenti tiegħu x’aktarx li se jintlaqgħu tajjeb. (Kolossin 4:6) M’għandniex xi ngħidu, ix-​xogħol taʼ l-​anzjan se jsir ferm iktar pjaċevoli jekk il-​qaddej ministerjali jkun sinċier u lest li jilqaʼ kwalunkwe parir li jirċievi.—Salm 141:​5, Karm Żammit.

F’xi kongregazzjonijiet, l-​anzjani qegħdin jipprovdu taħriġ prattiku u kontinwu lill-​qaddejja ministerjali. Per eżempju, meta jżuru lill-​morda jew lix-​xjuħ huma jieħdu magħhom qaddejja ministerjali li huma kwalifikati. B’dan il-​mod il-​qaddejja ministerjali jiksbu l-​esperjenza fix-​xogħol pastorali. M’għandniex xi ngħidu, qaddej ministerjali għandu ħafna x’jistaʼ jagħmel hu stess biex ikompli jipprogressa spiritwalment.—Ara l-​kaxxa hawn taħt intitolata “Dak li Jistgħu Jagħmlu l-​Qaddejja Ministerjali.”

It-tielet fattur li bih it-​taħriġ taʼ Ġesù sar daqshekk effettiv kien il-​fatt li Jehovah ħarrġu waqt li żamm f’moħħu l-​progress taʼ Ġesù fil-​futur. Ġesù qal dwar il-​Missier li lill-​Iben kien se jurih “ħwejjeġ akbar minn dawn.” Bis-​saħħa taʼ l-​esperjenza li kiseb meta kien fuq l-​art, Ġesù setaʼ jiżviluppa l-​kwalitajiet li kien jeħtieġ biex iwettaq l-​inkarigi li kien se jkollu fil-​futur. (Lhud 4:15; 5:​8, 9) Per eżempju, Ġesù dalwaqt se jirċievi inkarigu taʼ responsabbiltà kbira—dak li jqajjem u jiġġudika lil biljuni taʼ nies li issa huma mejtin!—Ġwann 5:​21, 22.

Meta jħarrġu lill-​qaddejja ministerjali, l-​anzjani llum għandhom iżommu f’moħħhom il-​ħtiġijiet li jistgħu jqumu fil-​futur. Jekk ikun jidher li hemm biżżejjed anzjani u qaddejja ministerjali biex jieħdu ħsieb il-​ħtiġijiet preżenti, se jkun dan il-​każ jekk tiġi fformata kongregazzjoni ġdida? Jekk jiġu fformati diversi kongregazzjonijiet? Fit-​tliet snin li għaddew, kien hemm iktar minn 6,000 kongregazzjoni ġdida mad-​dinja kollha. Tassew hemm bżonn taʼ għadd kbir t’anzjani u qaddejja ministerjali biex jieħdu ħsieb dawn il-​kongregazzjonijiet ġodda!

Anzjani, qegħdin intom issegwu l-​eżempju taʼ Jehovah billi tikkultivaw relazzjoni persunali u mill-​qalb maʼ l-​irġiel li qegħdin tħarrġu? Qegħdin turuhom kif għandhom iwettqu x-​xogħol tagħhom? Qegħdin iżżommu f’moħħkom il-​ħtiġijiet li jistgħu jqumu fil-​futur? Li ssegwu l-​eżempju taʼ Jehovah fil-​mod kif ħarreġ lil Ġesù se jirriżulta f’barkiet għonja għal ħafna.

Tibżgħux Tafdaw lil Oħrajn bir-​Responsabbiltà

Anzjani kapaċi li huma mdorrijin jieħdu ħsieb għadd taʼ inkarigi b’responsabbiltà kbira għandhom mnejn ma tantx ikunu lesti li jafdaw lil oħrajn b’awtorità. Forsi dan ipprovaw jagħmluh fil-​passat imma ma kinux sodisfatti bir-​riżultat. Għalhekk, għandhom mnejn jadottaw din l-​attitudni, ‘Jekk trid li biċċa xogħol issir sew, trid tagħmilha int.’ Imma hija din l-​attitudni fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah, kif insibu fl-​Iskrittura, li rġiel b’inqas esperjenza jirċievu taħriġ minn dawk li għandhom iktar esperjenza?—2 Timotju 2:2.

L-appostlu Pawlu ħassu diżappuntat meta Ġwanni Marku, wieħed minn sħabu li vvjaġġaw miegħu, abbanduna l-​inkarigu li kellu f’Pamfilja u mar lura d-​dar. (Atti 15:​38, 39) Madankollu, Pawlu ma ħalliex li din l-​esperjenza tiskuraġġih milli jħarreġ lil oħrajn. Hu għażel lil ħu żagħżugħ ieħor, lil Timotju, u ħarrġu fix-​xogħol taʼ missjunarju.a (Atti 16:​1-3) F’Berija l-​missjunarji ltaqgħu m’oppożizzjoni tant ħarxa li ma kienx jaqbel li Pawlu jibqaʼ hemmhekk. Għalhekk, hu ħalla l-​kongregazzjoni l-​ġdida f’idejn Sila, ħu ixjeħ li kien matur, u f’idejn Timotju. (Atti 17:​13-15) Bla dubju Timotju tgħallem ħafna mingħand Sila. Iktar tard, meta Timotju kien lest li jassumi iktar responsabbiltà, Pawlu bagħtu Tessalonika biex jinkuraġġixxi lill-​kongregazzjoni t’hemmhekk.—1 Tessalonikin 3:​1-3.

Ir-​relazzjoni bejn Pawlu u Timotju ma kinitx formali, bierda, jew indifferenti. Kien hemm rabta intima bejniethom. Meta kiteb lill-​kongregazzjoni f’Korintu, Pawlu rrefera għal Timotju, li kien bi ħsiebu jibagħtu hemmhekk, bħala “ibni l-​għażiż u fidil fil-​Mulej.” Hu żied: “[Timotju] jfakkarkom fl-​imġiba [“metodi,” “NW”] tiegħi fi Kristu Ġesù.” (1 Korintin 4:​17, korsiv tagħna.) Timotju aċċetta t-​taħriġ li rċieva mingħand Pawlu u sar kwalifikat biex iwettaq l-​inkarigi li ngħata. Kien hawn kemm-il żagħżugħ li sar effiċjenti bħala qaddej ministerjali, anzjan, jew saħansitra indokratur li jivvjaġġa għaliex ibbenefika mit-​taħriġ li rċieva minn irġiel ixjeħ li interessaw ruħhom fih bis-​serjetà, bħalma għamel Pawlu fil-​każ taʼ Timotju.

Anzjani, Ħarrġu lil Oħrajn!

M’għandniex l-​iċken dubju li l-​profezija taʼ Isaija 60:22 qed titwettaq illum. Jehovah qed iġiegħel li “l-​iċken isir ġens qawwi.” Sabiex dan il-​ġens jibqaʼ “qawwi,” irid ikun organizzat sew. Anzjani, għax ma tikkunsidrawx kif tistgħu tagħtu iktar taħriġ lil irġiel dedikati li jikkwalifikaw biex jirċivuh? Kunu ċerti li kull qaddej ministerjali jkun konxju taʼ kwalunkwe titjib li għandu bżonn jagħmel sabiex jipprogressa. U intom aħwa rġiel mgħammdin, ipprofittaw ruħkom minn kwalunkwe attenzjoni persunali li tirċievu. Ħudu vantaġġ mill-​opportunitajiet biex iżżidu l-​abbiltà, l-​għarfien, u l-​esperjenza tagħkom. Jehovah ċertament li se jbierek dan il-​programm t’assistenza li jsir bl-​imħabba.—Isaija 61:5.

[Nota taʼ taħt]

a Iktar tard, Pawlu ħadem għal darb’oħra maʼ Ġwanni Marku.—Kolossin 4:10.

[Kaxxa f’paġna 30]

Dak li Jistgħu Jagħmlu l-​Qaddejja Ministerjali

Waqt li l-​anzjani għandhom jipprovdu t-​taħriġ għall-​qaddejja ministerjali, hemm ħafna li l-​qaddejja ministerjali jistgħu jagħmlu huma stess biex ikomplu jipprogressaw spiritwalment.

—Il-​qaddejja ministerjali għandhom ikunu bil-​għaqal u taʼ min joqgħod fuqhom fil-​qadi taʼ l-​inkarigi tagħhom. Għandhom jiżviluppaw ukoll drawwiet taʼ studju tajbin. Sa ċertu punt, il-​progress jiddependi mill-​istudju u l-​applikar taʼ l-​affarijiet li jitgħallmu.

—Meta qaddej ministerjali jipprepara biex jagħti taħdita f’laqgħa Kristjana, m’għandux jaħsibha darbtejn biex jitlob lil xi anzjan kapaċi għal suġġerimenti dwar kif se jippreżenta l-​materjal.

​—Il-​qaddej ministerjali jistaʼ jitlob ukoll lil xi anzjan biex josservah kif jagħti taħdita Biblika u biex jagħtih pariri dwar kif jistaʼ jitjieb.

Il-​qaddejja ministerjali għandhom ifittxu, jaċċettaw, u japplikaw il-​pariri li jingħataw mill-​anzjani. B’dan il-​mod, ‘kulħadd jara li huma mexjin ’il quddiem.’—1 Timotju 4:15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja