L-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali—Bieb Kbir Miftuħ għax-Xogħol
1 Permezz tal-profeta Ġeremija, Jehovah bassar: “Nqiegħed fuqhom [in-nies tiegħi] rgħajja li jirgħuhom, u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; u ħadd minnhom ma jonqos.” (Ġer. 23:4) Xogħol taʼ indokrar bħal dan qiegħed jitwettaq illum fost nies mill-ġnus kollha. Dan qiegħed isir minn eluf t’anzjani fil-kongregazzjoni. Barra minn hekk, irġiel żgħażagħ kotrana daqs in-nida offrew lilhom infushom minn rajhom fis-servizz taʼ Jehovah. (Salm 110:3, Saydon) Dawn l-aħwa umli huma tassew barka għall-kongregazzjonijiet tal-poplu t’Alla! Hekk kif ikompli x-xogħol tal-ġbir spiritwali, għad hemm il-bżonn taʼ rġiel kwalifikati li joffru li jaqdu lil ħuthom.
2 L-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali hija provvediment mill-isbaħ sabiex anzjani u qaddejja ministerjali mhux miżżewġin jiġu mħarrġin għal iktar responsabbiltajiet. Mindu bdiet din l-iskola fl-1987, kien hemm total taʼ 22,000 student minn xi 140 pajjiż li rċivew dan it-taħriġ fid-999 klassi li saru s’issa. Għal dawn l-aħwa, l-iskola kienet “bieb kbir miftuħ” għax-xogħol.—1 Kor. 16:9.
3 L-Iskop taʼ l-Iskola: L-għan taʼ l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali huwa li tħarreġ u tħejji rġiel għal responsabbiltajiet kulfejn jistaʼ jkun hemm bżonn fl-organizzazzjoni. L-iskola ttejjeb l-abbiltajiet tagħhom biex ikunu minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar, jieħdu sehem fl-indokrar tal-merħla, u jgħallmu fil-kongregazzjoni. Wara li jiggradwaw, xi studenti jiġu inkarigati bħala pijunieri speċjali jew indokraturi li jivvjaġġaw f’art twelidhom jew f’pajjiż ieħor. Oħrajn jirċievu inkarigi biex jaqdu fil-kongregazzjonijiet fejn kienu qabel jew inkella f’xi parti mit-territorju tal-fergħa fejn hemm iktar bżonn.
4 Matul il-kors taʼ tmien ġimgħat, l-istudenti jagħmlu studju intensiv tal-Bibbja. Huma jikkunsidraw bir-reqqa ammont kbir taʼ tagħlim Bibliku kif ukoll ir-responsabbiltajiet tar-rgħajja u linji taʼ gwida fuq kif jittrattaw problemi fil-ħajja Kristjana. Huma jitgħallmu wkoll x’tgħallem l-Iskrittura dwar kwistjonijiet amministrattivi, ġudizzjarji, u organizzazzjonali. Dawn jirċievu taħriġ speċjalizzat fuq kif jitkellmu fil-pubbliku u jingħataw għajnuna persunali biex jiżviluppaw iktar malajr spiritwalment.
5 X’Inhu Meħtieġ: M’għandniex xi ngħidu, il-ħtiġijiet biex jattendu l-iskola huma restrittivi. L-applikanti jridu jkunu qdew bħala anzjani jew qaddejja ministerjali għal mill-inqas sentejn wara xulxin. Ilkoll kemm huma ma jridux ikunu miżżewġin u jrid ikollhom bejn 23 u 50 sena. L-applikanti jridu jkunu jafu jaqraw, jiktbu, u jitkellmu tajjeb il-lingwa li se tintuża fl-iskola, u jridu jkunu f’saħħithom, mhux jeħtieġu xi kura jew dieta speċjali. Tingħata preferenza lil dawk li jkunu fis-servizz taʼ pijunier regulari.
6 Dawk li jagħtu isimhom iridu jkunu lesti u kapaċi jaqdu kulfejn hemm bżonnhom. Dan jitlob spirtu bħalma wera l-profeta Isaija, li offra lilu nnifsu bil-ħerqa sabiex jagħmel xogħol speċjali, billi qal: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Is. 6:8) Hu wera wkoll l-umiltà matul ħajtu. Dawk li japplikaw għall-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali għandhom ikunu mqanqlin minn imħabba għal ħuthom u xewqa li jaqduhom minflok ma jkollhom xewqa għal prominenza jew pożizzjoni speċjali. Wara li jirċievu taħriġ mill-aħjar bħal dan, il-gradwati huma mistennijin li japplikaw dak li jkunu tgħallmu għall-ġid taʼ ħaddieħor.—Lq. 12:48.
7 Benefiċċji: Matul it-tmien ġimgħat taʼ taħriġ intensiv, il-gradwati jiġu ‘mrawmin fil-kliem tal-fidi u fit-tagħlim tajjeb.’ (1 Tim. 4:6) Dan jikkwalifikahom biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil oħrajn fil-kongregazzjonijiet u fis-circuits fejn jiġu inkarigati. F’ħafna mill-postijiet fejn intbagħtu gradwati taʼ l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali, l-attività fis-servizz taʼ l-għalqa żdiedet; ġie inkuraġġit is-servizz taʼ pijunier, speċjalment fost iż-żgħażagħ; u ngħatat iktar attenzjoni persunali lill-ħafna wħud ġodda li jissieħbu mal-poplu t’Alla.
8 Int anzjan jew qaddej ministerjali li għadek ma żżewwiġtx u li għandek bejn 23 u 50 sena? Għala ma taħsibhiex biex tapplika għall-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali? Int ħu żagħżugħ li qed tikkunsidra x’se jkunu l-miri tiegħek għall-futur fis-servizz taʼ Jehovah? Għala ma żżommx ħajtek sempliċi u mingħajr tfixkil sabiex tkun tistaʼ tgħaddi minn dan il-“bieb kbir miftuħ” għax-xogħol? Dan jistaʼ jġiblek ħafna ferħ u sodisfazzjon. Tabilħaqq, l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali wriet li hija barka mhux biss għall-gradwati taʼ l-iskola imma wkoll għall-kongregazzjonijiet tal-poplu t’Alla madwar id-dinja.
[Kaxxa f’paġna 3]
Kif Ibbenefikaw mit-Taħriġ
“It-taħriġ verament tejjibli l-ministeru tiegħi u l-abbiltà li nindokra bl-għerf, billi nuża l-Iskrittura.”
“L-iskola tatni ħafna iktar kunfidenza biex nieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet differenti fil-kongregazzjoni.”
“Tistaʼ tgħid li biddlitli kważi kull aspett taʼ ħajti, inkluż il-mod kif inħossni dwar it-teokrazija u l-organizzazzjoni t’Alla.”
“It-taħriġ li rċivejt għenni nirrealizza kemm għandi bżonn noffri li naqdi fejn jeħtieġ.”