LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/15 pp. 10-13
  • Skola li l-Gradwati Tagħha Jgħinu lin-Nies Madwar id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Skola li l-Gradwati Tagħha Jgħinu lin-Nies Madwar id-Dinja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iħejju biex Jattendu
  • “Mgħallma mill-​Mulej”
  • Evanġelizzaturi, Rgħajja, u Għalliema
  • Titjib fl-​Indokrar tal-​Kongregazzjoni
  • Jaqdu f’Territorji Iżolati
  • Jgħinu liż-​Żgħażagħ
  • Jaqdu f’Kongregazzjonijiet taʼ Lingwi Barranin
  • Jaqdu bl-​Umiltà f’Oqsma Oħrajn
  • L-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali—Bieb Kbir Miftuħ għax-Xogħol
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Anzjani Ħarrġu lil Oħrajn biex Iġorru t-Tagħbija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/15 pp. 10-13

Skola li l-​Gradwati Tagħha Jgħinu lin-​Nies Madwar id-​Dinja

F’IKTAR minn 98,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’iktar minn 200 pajjiż, nies li ġejjin minn kull livell tal-​ħajja qed jiġu mgħallmin minn Alla. Il-​ktieb prinċipali tagħhom huwa l-​Bibbja, u l-​iskop taʼ din l-​edukazzjoni hu biex individwi jiġu megħjunin jimxu ’l quddiem spiritwalment billi jitgħallmu x’inhi r-​rieda t’Alla u kif jgħixu fi qbil magħha. Dawk li jaċċettaw din l-​edukazzjoni jibbenefikaw bil-​kbir. Dak li jitgħallmu huma jaqsmuh ukoll m’oħrajn, fi qbil maʼ l-​istruzzjoni li tana Ġesù Kristu biex nagħmlu dixxipli.​—Mattew 28:​19, 20.

Flimkien mal-​programm taʼ tagħlim li dejjem għaddej fil-​kongregazzjonijiet, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova stabbilew għadd taʼ skejjel speċjalizzati oħra. Waħda minn dawn hija l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. Din ġiet inawgurata f’Ottubru taʼ l-​1987 f’Pittsburgh, Pennsylvania, l-​Istati Uniti. Fl-​ewwel klassi kien hemm 24 student li kienu jitkellmu bl-​Ingliż. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, il-​korsijiet inżammu b’21 lingwa fi 43 pajjiż. S’issa attendew anzjani u qaddejja ministerjali mhux miżżewġin minn 90 pajjiż differenti. Meta l-​kors taʼ tmien ġimgħat jispiċċa, il-​gradwati jiġu inkarigati biex jaqdu fejn ikun hemm il-​bżonn, fil-​pajjiż tagħhom jew f’xi pajjiż ieħor. Sa l-​aħħar taʼ l-​2005, kien hemm iktar minn 22,000 ministru Kristjan li ħadu dan il-​kors. L-​isforzi umli tagħhom biex jippromwovu l-​interessi tas-​Saltna u biex jgħinu lil ħaddieħor ġew imberkin bil-​kbir.​—Proverbji 10:22; 1 Pietru 5:5.

Iħejju biex Jattendu

Sabiex ikunu jistgħu jattendu l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, ħafna mill-​istudenti jkollhom jitolbu l-​leave mix-​xogħol sekulari tagħhom part-time jew full-time. Kultant dan joħloq sfida. Fil-​Ħawajj, żewġ Kristjani li ġew mistidnin jattendu l-​iskola kellhom jitolbu l-​leave mix-​xogħol tagħhom bħala għalliema fi skola. B’fiduċja li Ġeħova kien se jgħinhom, huma applikaw għal-​leave u spjegaw għala riedu jattendu u kif kienu se jibbenefikaw. It-​tnejn li huma ngħataw il-​permess għal-​leave.

Ħafna drabi, Xhieda li talbu għal-​leave ntqalilhom li malli jiġu lura kienu se jkunu bla xogħol. Huma għażlu li jieħdu t-​taħriġ mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, avolja dan kien se jfisser li jitilfu x-​xogħol. Xi wħud minn dawn l-​individwi iktar tard ġew mistidnin mill-​imgħallmin tagħhom biex jerġgħu jibdew jaħdmu magħhom wara li jkunu lestew l-​iskola. Determinazzjoni bħal din biex jattendu l-​iskola tistaʼ tinġabar f’dan il-​kliem: Itlob lill-​imgħallem għal-​leave, itlob lil Ġeħova għall-​għajnuna, u ħalli f’idejh.​—Salm 37:5.

“Mgħallma mill-​Mulej”

F’dan il-​kors li jdum tmien ġimgħat isir studju fil-​fond tal-​Bibbja. L-​istudenti jitgħallmu kif il-​poplu taʼ Ġeħova huwa organizzat biex jagħmel ir-​rieda t’Alla u kif huma personalment jistgħu jużaw il-​Bibbja b’mod iktar effettiv fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u fl-​assembleat.

Gradwat li verament kien grat talli attenda dan il-​kors kiteb lil student li kien għadu se jattendi: “Emminni, għandek quddiemek l-​aqwa esperjenza t’edukazzjoni li qatt tistaʼ tieħu. L-​iskrittura li tgħid li ‘nkunu mgħallma mill-​Mulej’ tassew tieħu iktar tifsir. L-​esperjenza kollha ssawwarlek u tirfinalek qalbek u l-​personalità tiegħek sabiex iġġib ħajtek iktar fi qbil maʼ l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu. Se tkun l-​aqwa esperjenza taʼ ħajtek.”​—Isaija 54:13.

Evanġelizzaturi, Rgħajja, u Għalliema

Il-​gradwati taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali bħalissa qed jaqdu f’117-il pajjiż. Dawn jinkludu gżejjer fl-​inħawi taʼ l-​Atlantiku, il-​Karibew, u l-​Paċifiku kif ukoll f’ħafna pajjiżi fejn hemm uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. L-​uffiċċji tal-​fergħa jgħidu li t-​taħriġ mill-​aqwa li l-​istudenti jirċievu jidher fl-​attivitajiet tagħhom t’evanġelizzar, indokrar, u tagħlim. It-​taħriġ tagħhom jgħinhom ikunu iktar effettivi meta jużaw il-​Bibbja fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. (2 Timotju 2:​15) Meta jwieġbu l-​mistoqsijiet taʼ l-​inkwilini, huma spiss jużaw ukoll il-​ktieb Reasoning From the Scripturesa u jħarrġu lil pubblikaturi tas-​Saltna oħrajn biex jagħmlu l-​istess. Iż-​żelu tal-​gradwati jittieħed, u l-​attivitajiet tagħhom isaħħu lill-​kongregazzjonijiet.

L-anzjani tal-​kongregazzjoni għandhom il-​privileġġ li ‘jirgħu l-​merħla,’ billi jgħinu f’li jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali t’oħrajn. (1 Pietru 5:​2, 3) Wieħed anzjan qal hekk dwar dan l-​arranġament: “Aħna napprezzaw il-​fatt li l-​uffiċċju tal-​fergħa jibgħat aħwa li ġew imħarrġin sew biex jgħinuna nġorru t-​tagħbija taʼ li nirgħu l-​merħla t’Alla.” Uffiċċju tal-​fergħa fil-​Lvant Imbiegħed qal xi ħaġa simili: “Il-​gradwati juru ħafna mogħdrija. Huma jaħdmu iebes u jiksbu r-​rispett tal-​kongregazzjoni. L-​umiltà, l-​imħabba, u ż-​żelu tagħhom huma magħrufin sew u apprezzati ħafna. Huma jissagrifikaw ruħhom minn jeddhom u bil-​ferħ imorru jaqdu f’kongregazzjonijiet li għandhom bżonn ir-​rgħajja.” (Filippin 2:4) Irġiel bħal dawn huma sors taʼ serħan għal sħabhom fit-​twemmin u ħaqqhom it-​tifħir.​—1 Korintin 16:18.

Fost affarijiet oħrajn, l-​għalliema taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali jgħinu lill-​istudenti biex itejbu l-​abbiltajiet tagħhom bħala kelliema. Billi japplikaw is-​suġġerimenti u l-​pariri li jingħataw, ħafna mill-​gradwati malajr jistgħu jibdew jintużaw fil-​programmi taʼ l-​assemblea tas-​circuit u tal-​konvenzjoni distrettwali. Wieħed indokratur tas-​circuit qal li l-​gradwati jagħtu “taħditiet mill-​aqwa u japplikaw il-​materjal billi jużaw irraġunar tajjeb.”—1 Timotju 4:13.

Il-kwalità tat-​tagħlim fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni f’pajjiż Afrikan tjiebet ħafna wara li saret Skola tat-​Taħriġ Ministerjali hemmhekk u meta l-​gradwati ngħataw l-​inkarigi tagħhom fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. L-​anzjani li ntbagħtu mill-​iskola jgħinu fl-​evanġelizzar, fl-​indokrar, u fit-​tagħlim, u b’hekk il-​kongregazzjonijiet jissaħħu spiritwalment.​—Efesin 4:​8, 11, 12.

Titjib fl-​Indokrar tal-​Kongregazzjoni

F’ħafna postijiet, hemm bżonn taʼ iktar anzjani u qaddejja ministerjali. Xi kongregazzjonijiet ma kien ikollhom l-​ebda anzjan kieku ma ntbagħtilhomx gradwat mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. Għalhekk, ħafna gradwati jiġu inkarigati biex jaqdu f’postijiet fejn hemm bżonnijiet bħal dawn.

Għadd t’uffiċċji tal-​fergħa jirrapportaw li dawn l-​irġiel “jafu tajjeb l-​arranġamenti taʼ l-​organizzazzjoni,” “jieħdu r-​responsabbiltajiet tagħhom bis-​serjetà,” “jgħinu lil oħrajn japprezzaw u jirrispettaw l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova,” u “jikkontribwixxu għall-​imħabba u l-​ispiritwalità tal-​kongregazzjonijiet tagħhom.” Dan jiġri minħabba li dawk li jiggradwaw mill-​iskola jsegwu dak li hemm miktub fil-​Kelma t’Alla u ma jistriħux fuq l-​għaqal tagħhom u ma jaħsbux li saru għorrief. (Proverbji 3​:​5-7) Irġiel bħal dawn isiru barka spiritwali għall-​kongregazzjonijiet li jiġu inkarigati jaqdu fihom.

Jaqdu f’Territorji Iżolati

Xi gradwati jiġu maħturin bħala pijunieri speċjali sabiex ikunu jistgħu jgħinu gruppi iżolati jsiru kongregazzjonijiet. Filwaqt li esprima l-​apprezzament tiegħu għall-​għajnuna tagħhom, anzjan li jaqdi f’post imbiegħed fil-​Gwatemala jgħid: “Kont ili 20 sena ninkwieta fuq kif nistgħu nieħdu ħsieb dan it-​territorju kbir. Spiss tlabt dwar dan. L-​aħwa mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali huma mħarrġin sew bħala kelliema kif ukoll fl-​affarijiet taʼ l-​organizzazzjoni, u nħossni grat meta nara li din l-​akkwata issa qed tingħata attenzjoni mimlija mħabba.”

Il-gradwati tgħallmu jkunu effettivi f’territorji fejn hemm bżonn li jivvjaġġaw distanzi twal f’art kollha muntanji sabiex jilħqu rħula żgħar imferrxin. Hemmhekk huma malajr jistabbilixxu u jorganizzaw gruppi iżolati, anki meta oħrajn ma setgħux jagħmlu dan. Per eżempju, anzjan f’Niger talab għall-​għajnuna tal-​gradwati minħabba li ħass li huma setgħu jagħmlu xogħol mill-​aqwa fit-​territorju tiegħu. B’mod speċjali f’postijiet imbegħdin, jistaʼ jkun iktar faċli għal irġiel mhux miżżewġin biex jaqdu bħala pijunieri speċjali u bħala indokraturi tas-​circuit. Bħall-​appostlu Pawlu, huma jiffaċċjaw ‘perikli mix-​xmajjar, perikli mill-​ħallelin, perikli fix-​xagħri,’ u skumditajiet persunali kif ukoll ansjetà dwar il-​kongregazzjonijiet li jaqdu fihom.​—2 Korintin 11:​26-​28.

Jgħinu liż-​Żgħażagħ

L-​Iskrittura tħeġġeġ liż-​żgħażagħ biex jiftakru fil-​Ħallieq tagħhom. (Koħèlet 12:1) Gradwati żelużi taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali huma eżempji mill-​aqwa għaż-​żgħażagħ Kristjani. Wara li żewġ gradwati waslu f’kongregazzjoni waħda fl-​Istati Uniti, l-​ammont taʼ sigħat li l-​aħwa bdew iqattgħu fil-​ministeru rdoppja. Iktar minn hekk, in-​numru taʼ pijunieri regulari, jew proklamaturi tas-​Saltna full-time, żdied minn 2 għal 11. Dan huwa dak li ġeneralment jiġri f’ħafna kongregazzjonijiet.

Il-gradwati wkoll jinkuraġġixxu lil irġiel iżgħar biex jikkunsidraw li jattendu l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. Dan ħeġġeġ lil xi wħud li għadhom mhux qed jaqdu bħala qaddejja ministerjali biex jirsistu għal dan il-​privileġġ. L-​uffiċċju tal-​fergħa fl-​Olanda jsejjaħ lill-​gradwati taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali “eżempji ħajjin għal irġiel iżgħar li qed jaħsbu dwar x’se jagħmlu b’ħajjithom.”

Jaqdu f’Kongregazzjonijiet taʼ Lingwi Barranin

F’ħafna pajjiżi, l-​isforzi biex tiġi pridkata l-​aħbar tajba lin-​nies bil-​lingwa tagħhom qed jiżdiedu b’mod kostanti. Il-​gradwati taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali ħafna drabi jitgħallmu lingwi oħrajn u jaqdu f’territorji fejn hemm popolazzjonijiet kbar taʼ immigranti. Per eżempju, fil-​Belġju hemm bżonn taʼ iktar proklamaturi tas-​Saltna biex jagħtu xiehda lil dawk li jitkellmu bl-​Albaniż, il-​Persjan, u r-​Russu.

Kongregazzjonijiet u gruppi taʼ lingwi barranin fil-​Britannja, il-​Ġermanja, l-​Istati Uniti, l-​Italja, il-​Messiku, u f’pajjiżi oħrajn diġà qed jibbenefikaw ħafna minn indokraturi li jivvjaġġaw, anzjani, u qaddejja ministerjali li ggradwaw mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. L-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Korea jirrapporta li “iktar minn 200 gradwat għandhom irwol importanti f’li jgħinu lill-​kongregazzjonijiet u l-​gruppi taʼ lingwi barranin.”

Jaqdu bl-​Umiltà f’Oqsma Oħrajn

Minbarra li jaqdu f’kongregazzjonijiet u gruppi taʼ lingwi barranin, dawk li jiggradwaw mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali jaqdu bħala anzjani, qaddejja ministerjali, u indokraturi li jivvjaġġaw. Oħrajn jaċċettaw inkarigi f’pajjiżi oħrajn, forsi billi jieħdu ħsieb bżonnijiet urġenti fid-​Dipartiment tas-​Servizz f’xi uffiċċju tal-​fergħa. Dawk li huma tas-​sengħa fil-​kostruzzjoni għandhom mnejn jieħdu sehem fil-​programm tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna.

Iż-żjieda taʼ kongregazzjonijiet u circuits madwar id-​dinja kollha tfisser li dejjem hemm bżonn taʼ iktar indokraturi li jivvjaġġaw. Sabiex jgħinu f’li jieħdu ħsieb dawn il-​bżonnijiet, il-​gradwati li jiġu magħżulin mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali jirċievu taħriġ t’għaxar ġimgħat fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, u mbagħad jaqdu bħala indokraturi tas-​circuit li jkunu sostituti jew regulari. Bħalissa madwar 1,300 gradwat qed jaqdu bħala indokraturi li jivvjaġġaw f’97 pajjiż. F’wieħed mill-​pajjiżi Afrikani, 55 fil-​mija taʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw iggradwaw mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. F’pajjiż Afrikan ieħor, il-​persentaġġ hu taʼ 70 fil-​mija.

Fl-Awstralja, l-​Ewropa, l-​Istati Uniti, il-​Kanada, u l-​Lvant Imbiegħed, mijiet taʼ gradwati mill-​iskola ntbagħtu biex jieħdu ħsieb bżonnijiet speċifiċi f’pajjiżi oħrajn. B’dan il-​mod, il-​benefiċċji taʼ din l-​iskola qed jinħassu madwar id-​dinja kollha.

Permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, Ġeħova inkariga evanġelizzaturi, rgħajja, għalliema, u oħrajn li jippromwovu l-​interessi tas-​Saltna f’dawn l-​aħħar jiem. Hemm prospetti għal saħansitra iktar żjieda fost il-​poplu t’Alla? Dażgur! Mela hemm bżonn li dejjem jiżdied taʼ rġiel dedikati li jirsistu għal iktar responsabbiltà. (Isaija 60:22; 1 Timotju 3:​1, 13) L-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali tagħti lill-​anzjani u lill-​qaddejja ministerjali l-​opportunità li jsiru armati bis-​sħiħ biex ikabbru l-​ministeru tagħhom, u dan iġib benefiċċji għalihom infushom u għal oħrajn fl-​għalqa madwar id-​dinja.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampi f’paġna 10]

L-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali qed tmexxi ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna madwar id-​dinja

[Stampi f’paġna 13]

Tixtieq int tattendi l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, u mbagħad tgħin lil oħrajn?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja