Tistaʼ Tagħti Daqqa t’Id?
1 L-appostlu Pawlu ta l-parir lill-membri tal-kongregazzjoni biex “kollha jaħsbu f’xulxin.” (1 Kor. 12:25) Għaldaqstant, għandna nuru interess persunali f’xulxin u nkunu lesti li nagħtu l-għajnuna bl-imħabba meta tkun meħtieġa. Biex nagħtu eżempju wieħed, xi wħud mill-aħwa spiritwali nisa fostna qed irabbu lil uliedhom fil-verità waħedhom. Dawn l-aħwa qed iġorru t-tagħbija kollha taʼ responsabbiltà għat-taħriġ spiritwali taʼ wliedhom. Ċertament li jistħoqqilhom l-inkuraġġiment b’qalb tajba u l-assistenza prattika tagħna “skond il-ħtiġijiet tagħhom.” (Rum. 12:13a, New World Translation) Tistaʼ tagħtihom daqqa t’id?
2 Modi kif Tistaʼ Tgħin: Il-fatt li toffri li twassal għal-laqgħat u għall-assembleat lil dawk li jridu jiddependu mit-trasport pubbliku jistaʼ jirriżulta f’li dik il-familja tiffranka finanzjarjament b’mod konsiderevoli. L-għajnuna li tagħti lil omm biex tieħu ħsieb it-tfal żgħar tagħha fil-laqgħat għandha mnejn tfisser li hi tistaʼ tibbenefika iktar bis-sħiħ mill-programm. Bl-istess mod, jekk toffri li tgħinha meta toħroġ lit-tfal tagħha fis-servizz taʼ l-għalqa tkun tistaʼ tipprovdilha ftit serħan. Il-fatt li turi interess ġenwin fit-tfal—billi ssir ħabib tagħhom—jistaʼ jagħmel ħafna biex jinfluwenza liż-żgħażagħ tagħna b’mod pożittiv. Darba kultant stedina lil familja b’ġenitur wieħed, biex toqgħod għall-istudju tagħkom tal-familja, se tipprovdi inkuraġġiment spiritwali rifreskanti.
3 Kun Diskret: Għandna noqogħdu attenti li ma nimponux l-għajnuna tagħna fuq xi ħadd li ma jħossx li għandu bżonnha. Lanqas ma rridu nindaħlu fl-affarijiet persunali taʼ l-individwu waqt li nagħtu l-għajnuna meħtieġa. M’għandniex xi ngħidu, aħwa nisa u koppji miżżewġin huma fl-aħjar qagħda li jgħinu lil oħt fil-bżonn.
4 Il-Kristjani kollha huma inkuraġġiti li ‘jsegwu l-korsa taʼ l-ospitalità’ lejn xulxin. (Rum. 12:13b, NW) Wieħed mill-ħafna modi kif nuru l-imħabba bħal taʼ Kristu li għandna bejnietna hu li nagħtu daqqa t’id lil ħutna spiritwali.—Ġw. 13:35.