Nisa “li Qegħdin Jitħabtu fil-Mulej”
1 B’dan il-kliem t’hawn fuq, Pawlu ddeskriva lil Trifena u Trifosa, żewġt aħwa nisa li ħadmu iebes fil-kongregazzjoni taʼ Ruma. Dwar mara oħra, Persi, hu qal: “Tħabtet ħafna fil-Mulej.” Hu semma wkoll b’mod favorevoli lil Febi bħala li kienet “taʼ għajnuna għal ħafna.” (Rum. 16:2, 12) Fl-Iskrittura, Għażżiela [Dorkas, NW], kienet ġiet identifikata bħala li “tagħmel ħafna opri taʼ karità u għemejjel tajba.” (Atti 9:36) X’barka huma għall-kongregazzjoni n-nisa spiritwali!
2 Napprezzawhom aħna lill-aħwa nisa li jaħdmu iebes fil-kongregazzjoni tagħna? Huma jagħmlu l-parti l-kbira tax-xogħol taʼ l-ippridkar, jikkonduċu l-biċċa l-kbira taʼ l-istudji, u jgħinu ħafna mill-uħud ġodda. Huma jqattgħu wkoll ħin konsiderevoli f’li jgħinu lit-tfal jagħmlu progress spiritwali. In-nisa Kristjani jagħmlu l-parti tagħhom f’li jibnu l-ispirtu taʼ mħabba, ferħ, paċi, u żelu fil-kongregazzjoni. Huma t’appoġġ f’ħafna modi sabiex żwieġhom u membri oħrajn tal-familja jkunu jistgħu jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Jehovah.
3 Aħwa Nisa fis-Servizz Full-Time: Fost dawk li jaħdmu iebes ħafna fil-Mulej hemm l-aħwa nisa missjunarji, li ħafna minnhom ħadu sehem f’li jiżviluppaw ix-xogħol f’artijiet barranin. Fil-kongregazzjonijiet fejn jaqdu żwieġhom, in-nisa taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw għandhom ħafna x’jagħmlu fil-ministeru taʼ l-għalqa, billi jinkuraġġixxu lil ħafna aħwa nisa. M’għandniex ukoll ninjoraw l-aħwa nisa taʼ Betel, li jwettqu servizz sagru b’mod żeluż għall-appoġġ taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. U l-aħwa nisa li huma pijunieri regulari, li permezz taʼ l-isforzi leali tagħhom f’li jfaħħru lil Alla, qed jgħinu lil eluf jitgħallmu l-verità.
4 Dawn in-nisa leali jsibu sodisfazzjon kbir fil-mod taʼ ħajja tagħhom li jissagrifikaw lilhom infushom. (1 Tim. 6:6, 8) Huma denji taʼ tifħir u taʼ kull inkuraġġiment u appoġġ li nistgħu nagħtuhom.
5 L-aħwa nisa Kristjani huma taʼ siwi kbir għall-organizzazzjoni taʼ Jehovah, billi jwettqu servizz leali li huwa taʼ barka għal kulħadd. Jalla nkomplu napprezzaw nisa bħal dawn u nitolbu li l-barka taʼ Jehovah tkun fuqhom hekk kif jibqgħu “jitħabtu fil-Mulej.”