Qiegħed Tissaporti Int?
1 “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta . . . wliedi mexjin fil-verità.” (3 Ġw. 4) Ġwanni kellu ferħ kbir mill-fatt li l-ulied spiritwali tiegħu kienu qed jissaportu. Kemm iktar jitgħaxxaq Missierna tas-sema meta jara miljuni mill-ulied prospettivi tiegħu “mexjin fil-verità”!—Prov. 23:15, 16; 27:11.
2 Filwaqt li n-nies t’Alla bħala poplu qed jippersistu fl-attività żeluża Kristjana, xi wħud naqqsu bil-mod il-mod. Għalkemm forsi dawn kellhom il-ħeġġa meta saru jafu bil-verità, maż-żmien, huma draw li jkollhom biss sehem żgħir jew taʼ kultant fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli.
3 Nistgħu nifhmu li xi wħud forsi naqqsu minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi u l-effetti taʼ l-età avanzata. Madankollu, huwa taʼ min ifaħħarhom għall-fatt li qed jissaportu. Huma qed jagħmlu dak kollu li jistgħu. Imma kulmin iddedika ħajtu lil Alla għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Spiċċajt nikkonċentra żżejjed fuq il-ġiri persunali li l-interessi tas-Saltna saru jagħmlu biss parti żgħira minn ħajti? Sirt kemxejn “biered,” jew għadni ‘nitħabat’?’ (Apk. 3:15, 16; Lq. 13:24) Jalla lkoll kemm aħna nirriflettu bit-talb fuq dak li qegħdin nagħmlu u nitjiebu kemm u fejn hemm bżonn, billi nżommu f’moħħna li Jehovah jwiegħed li jipprovdi “glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb.”—Rum. 2:10.
4 Kif Tissaporti: X’għen lil Ġesù jissaporti? Pawlu spjega: “[Għall-]hena li kellu quddiemu, qagħad . . . [għaz-zokk tat-tortura] bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron taʼ Alla.” (Lhud 12:1-3) L-hena li Ġesù kellu quddiemu kien jisboq ferm iktar il-provi temporanji li kellu jiffaċċja. Li nżommu f’moħħna l-hena li għandna quddiemna jistaʼ jgħinna wkoll biex nissaportu. (Apk. 21:4, 7; 22:12) Jekk induru lejn Jehovah sabiex jagħtina s-saħħa permezz taʼ l-istudju persunali, l-attendenza regulari għal-laqgħat, u t-talb persistenti, se nkunu kapaċi nipperseveraw fix-xogħol li tana.
5 Jehovah jifraħ meta l-uħud leali tiegħu jissaportu. Mela ejja nżidulu l-ferħ billi nibqgħu “mexjin fil-verità.”