Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
1 Ġrajja straordinarja sseħħ fis-sena 778 Q.E.K. Fil-viżjoni, il-profeta Isaija jara lil Jehovah “bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq.” Isaija mbagħad jismaʼ lis-serafini jiġbdu l-attenzjoni lejn il-glorja taʼ Jehovah, billi jgħidu: “Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej taʼ l-eżerċti.” Min jaf kemm kienet taʼ l-għaġeb dik il-viżjoni! F’dik ix-xena, Jehovah jagħmel mistoqsija li tpoġġi sfida: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar x’kellu jkun l-inkarigu jew jekk dak li joffri lilu nnifsu kienx se jikseb xi ħaġa minnu. Madankollu, fil-pront Isaija jwieġeb: “Hawn jien: ibgħat lili!”—Is. 6:1, 3, 8.
2 Dan l-ispirtu taʼ li jkunu lesti li jagħmlu minn qalbhom dak kollu li jrid Jehovah jiddistingwi lin-nies tiegħu. (Salm 110:3, Saydon) U issa qed issir sejħa speċjali għal dawk kollha li jistgħu jagħmlu lilhom infushom disponibbli. Inti lest li twieġeb bl-istess spirtu taʼ Isaija u toffri ruħek minn jeddek?
3 L-uffiċċji tas-Soċjetà u d-dar missjunarja fil-Mosta qed jiġu organizzati sabiex jaħdmu kemm jistaʼ jkun bħala Betel. Dan fetaħ opportunità għall-aħwa f’Malta sabiex joffru lilhom infushom ħalli jaqdu bħala volontieri full-time f’Betel. Fil-fatt, numru taʼ aħwa diġà qed jaqdu bħala membri full-time tal-familja taʼ Betel. Dan jirrikjedi li jkollhom xewqa profonda li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel u li jkunu lesti li jagħmlu minn qalbhom kulma hu meħtieġ sabiex jappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja. (Mt. 6:33) Fil-fatt, li wieħed jaqdi bħala membru tal-familja taʼ Betel jagħtih opportunità unika biex jaqdi lil Jehovah b’ruħu kollha. Dan kif?
4 Ix-Xogħol li Qed Isir f’Betel: Aħseb dwar dak kollu li jitwettaq b’mod regulari fil-Betel taʼ Malta. It-12-il membru tal-familja taʼ Betel flimkien mal-volontieri l-oħra li jaħdmu part-time għandhom il-privileġġ li jkunu involuti f’li jagħtu appoġġ mill-qrib lill-ilsir leali u diskret u lill-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. Huma jappoġġawhom fil-produzzjoni taʼ letteratura Biblika biex tintuża fil-ministeru taʼ l-għalqa u fl-istudju persunali. (Mt. 24:45) Per eżempju, matul din l-aħħar sena taʼ servizz, ġew tradotti kotba, fuljetti, rivisti u outlines tat-taħditiet pubbliċi għall-kongregazzjonijiet u għall-programmi tal-konvenzjoni u ntbagħtu l-Britannja jew Brooklyn għall-istampar. Dan seħħ minħabba l-ispirtu taʼ Jehovah flimkien maʼ l-isforzi magħqudin tal-familja taʼ Betel taʼ Malta. Jinħtieġ sforz tremend biex isiru riċerki u jintgħażel “kliem li jogħġob” u ‘kliem is-sewwa miktub bir-reqqa’ għat-traduzzjoni taʼ dawn il-pubblikazzjonijiet. (Qohelet 12:9, 10, Saydon) Ukoll, tingħata direzzjoni għas-7 kongregazzjonijiet li jinsabu f’Malta u Għawdex, billi jiġu megħjuna biex jimxu mill-qrib mal-proċeduri teokratiċi, u biex iwettqu għalkollox l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Hemm bżonn taʼ volontieri disposti sabiex jieħdu ħsieb it-traduzzjoni tal-letteratura, it-tindif, il-manutenzjoni, it-tħejjija taʼ l-ikel, ix-xiri, u xogħlijiet oħra li jsiru f’Betel.
5 Biex jitwettaq dan kollu jinħtieġ ħafna xogħol, iżda dan jagħti sodisfazzjon spiritwali. Meta nkunu nafu li s-saħħa u l-enerġija kollha tagħna qed nużawhom biex nappoġġaw l-attività taʼ l-ippridkar u t-tagħlim, iġibilna ħafna ferħ. Is-servizz f’Betel jgħinna nsiru nafu ħafna iktar fid-dettall l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Dan ifakkarna f’meta s-salmista ħeġġeġ lill-Iżraelin biex isiru jafu b’mod iktar intimu l-qalba tat-tmexxija teokratika fuq l-art fi żmienhom.—Salm 48:13, 14 [48:12, 13, NW].
6 Il-Barkiet tas-Servizz f’Betel: Dawk li jaqdu f’Betel kif iħossuhom dwar il-privileġġi taʼ servizz li għandhom? Ara x’qalu fil-kummenti tagħhom membri kemm żgħażagħ u kemm kbar fl-età f’waħda mill-familji taʼ Betel minn madwar id-dinja. Oħt li bi pjaċir ilha taqdi f’Betel għal tliet snin tgħid: “Il-fatt li qiegħda f’Betel saħħaħli r-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah. Iktar ma ndum naqdi hawn u iktar ma nitgħallem dwar kif taħdem Betel, iktar nitgħallem dwar il-personalità taʼ Jehovah. Is-servizz f’Betel fetaħli għajnejja biex nara li Jehovah juża lin-nies—kull tip taʼ nies. U ma tridx tkun perfett biex tkun aċċettat minnu.”
7 Ħu żagħżugħ jiftakar: “Jien niftakarni naħseb bejni u bejn ruħi, ‘Kemm se jkun sabiħ x’ħin nidħol fid-dinja l-ġdida u ngħid lill-irġiel leali tal-qedem li qdejt għal ħafna snin f’Betel, u mhux fid-dinja nipprova nakkwista l-flus.’”
8 Żagħżugħ ieħor qal dan meta qagħad jaħseb fuq it-taħriġ li ngħata: “Tgħallimt dwari nnifsi u fuq liema kwalitajiet għandi naħdem u mbagħad żviluppajthom, u dan ġabli ħafna barkiet. Issa nħossni li nistaʼ naqdih b’mod aħjar lil Jehovah. Inħoss li issa sirt ftit iktar paċenzjuż, għandi naqra iktar kontroll fuqi nnifsi, u nistaʼ nuri iktar imħabba.”
9 Waħda oħt taħseb dan dwar il-barkiet li rċiviet sa issa: “Il-programmi spiritwali li jsiru hawn għallmuni iktar fuq Jehovah u fuq kif jien nistaʼ nimitah aħjar bil-ħsieb, bis-sentimenti u bl-azzjoni. U peress li t-taħriġ ma jiqafx, il-barkiet ma jiqfux.”
10 Ħu li qattaʼ 59 sena fil-ministeru full-time, ’il fuq minn 43 sena minnhom f’Betel, qal: “Betel m’hijiex bħal xi monasterju, bħalma jistgħu jaħsbu xi wħud. Aħna nagħmlu iktar minħabba li ħajjitna ngħixuha skond skeda . . . Qatt ma kien hemm ġurnata li fiha ġejt ix-xogħol u ma ħadtx pjaċir b’dak li għamilt. Għala? Għax meta nagħtu minna nfusna b’ruħna kollha lil Jehovah, ikollna s-sodisfazzjon li nkunu nafu li ‘għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’”—Lq. 17:10.
11 Ħu ieħor, li qeda f’Betel għal 62 sena, qal: “Nemmen b’qalbi kollha li Betel hija l-aħjar post fuq l-art sakemm tiġi l-Ġenna taʼ l-art. Qatt ma ħassejtni dispjaċut lanqas għal sekonda waħda talli għamilt is-servizz full-time l-karriera taʼ ħajti. Kemm ġabli ferħ li stajt nara b’għajnejja stess u ħadt sehem fit-tkabbir taʼ l-organizzazzjoni fuq l-art taʼ Jehovah! Jien determinat, bl-għajnuna taʼ Jehovah, li nkompli ngħix f’Betel u nagħti sehem b’ruħi kollha għall-avvanz taʼ l-interessi tas-Saltna.”
12 Dawn il-membri tal-familja taʼ Betel semmew biss ftit mill-ħafna barkiet li int tistaʼ tgawdi jekk tagħmel lilek innifsek disponibbli għas-servizz f’Betel. Iżda kull meta tirċievi kwalunkwe privileġġ taʼ servizz ieħor, l-ewwel trid tikkwalifika għalih. X’inhuma xi affarijiet li hemm bżonn sabiex taqdi bħala membru tal-familja taʼ Betel?
13 Ħtiġijiet għas-Servizz f’Betel: Dak li huwa bażikament meħtieġ minn dawk li japplikaw għas-servizz f’Betel huwa mniżżel fil-kaxxa. Barra minn hekk, huwa importanti li jkunu lesti li jaħdmu iebes, u mhux “iħobbu . . . l-pjaċir.” (2 Tim. 3:4; 1 Kor. 13:11) Il-membri tal-familja taʼ Betel iridu jkunu rġiel u nisa spiritwali li żviluppaw drawwiet tajbin taʼ studju persunali u ħarrġu lil moħħhom sabiex ikunu jafu “jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.” (Lhud 5:14) Il-maturità Kristjana tagħhom trid tkun tidher diġà fl-aspetti kollha taʼ ħajjithom, inkluż l-ilbies, id-dehra tagħhom, u l-għażla tal-mużika u d-divertiment. Membri tal-familja taʼ Betel li jaqdu minn qalbhom ikunu lesti li jaqdu kulfejn ikun hemm bżonn. Però, kuntrarju għax-xogħol sekulari, kull tip taʼ inkarigu f’Betel jagħti sodisfazzjon kbir għax huwa servizz sagru li jġib glorja lil Jehovah.—Kol. 3: 23.
14 Dawk li huma mistidnin biex jaqdu f’Betel iridu jibqgħu minn taʼ l-inqas sena. Dan se jgħinhom biex jiġu mħarrġin f’li jsiru ħaddiema produttivi. It-tama hi li huma jkunu jistgħu jagħmlu lil Betel id-dar tagħhom. Hija l-imħabba għal Jehovah li tqanqal lill-membri tal-familja taʼ Betel biex ipoġġu x-xogħol tas-Saltna qabel l-interessi persunali tagħhom, u Jehovah jieħu gost b’dan.—Mt. 16:24.
15 Il-Bżonn Bħalissa: Hemm bżonn taʼ aħwa nisa u rġiel mhux miżżewġin u taʼ koppji miżżewġin li għandhom bejn id-19 u l-35 sena. Xi aħwa li forsi għandhom ftit iktar minn 35 sena u huma esperti f’xi sengħa jew ħadu xi taħriġ speċjali li jistgħu jintużaw f’Betel, inħeġġuhom japplikaw ukoll. Għalkemm m’hijiex ħtieġa, tingħata preferenza lil dawk li huma pijunieri regulari, peress li dawn diġà qegħdin fil-ministeru full-time. Aħna ma nħeġġux lill-aħwa biex jiksbu xi tip taʼ edukazzjoni avanzata jew taħriġ speċjali bil-ħsieb li dan jagħtihom iktar ċans jiġu aċċettati jaqdu f’Betel. Dawk li diġà ħadu xi taħriġ speċjali, forsi qabel ma ġew fil-verità, jekk jixtiequ, jistgħu jiktbu xi dettalji fil-qosor dwar dan u jwaħħluhom maʼ l-applikazzjoni taʼ Betel. Bħalissa għandna bżonn taʼ wħud li jafu l-Malti u l-Ingliż sew. Pubblikaturi żgħażagħ li għadhom l-iskola jistgħu jippreparaw għas-servizz f’Betel billi jistudjaw il-lingwa Maltija u Ingliża sew waqt li għandhom l-opportunità minn issa. B’dan il-mod, jistgħu jieħdu vantaġġ mis-snin li jdumu l-iskola biex iktar tard ikunu jistgħu jintużaw mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1993, pġ. 14, pari. 12-13.)
16 Jekk int tapplika u ma tiġix mistieden biex taqdi f’Betel, taqtax qalbek. Jekk trid tistaʼ ġġedded l-applikazzjoni tiegħek kull sena. Xi aħwa li huma esperti f’xi sengħa jew ħadu taħriġ speċjali li jistgħu jkunu bżonnjużi f’Betel għamlu lilhom infushom disponibbli biex jaqdu bħala volontieri temporanji. Huma jistgħu japplikaw biex jaqdu b’mod temporanju f’Betel għal ġimgħa jew iktar sa tliet xhur. Is-segretarju tal-kongregazzjoni għandu l-applikazzjoni għall-volontieri temporanji għal dawk li huma interessati f’li jgħinu b’dan il-mod. Jekk ikun hemm bżonn taʼ iktar applikazzjonijiet għall-volontieri temporanji dawn jistgħu jiġu ordnati fuq il-Literature Request Form.
17 Dawk li qed jaħdmu f’Betel għandhom il-privileġġ uniku li jaqdu lil Jehovah fi sħubija mill-qrib maʼ ħut Kristu. Il-Ġemgħa li Tiggverna tapprezza l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali taʼ dawk kollha li jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jaqdu l-bżonnijiet taʼ l-aħwa madwar id-dinja.—Flp. 2: 20-22; 2 Tim. 4: 11.
18 Żgħażagħ—Ħejju Ruħkom minn Issa għas-Servizz f’Betel: Il-preparazzjoni għas-servizz f’Betel tibda ħafna qabel ma dak li jkun jagħlaq id-19-il sena li jrid ikollu. Iż-żgħażagħ x’jistgħu jagħmlu biex jippreparaw lilhom infushom għas-servizz f’Betel? Ġesù qal: “Min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa?” (Lq. 14:28) Peress li l-preparazzjoni u l-ippjanar huma neċessarji ferm sabiex jirnexxi kwalunkwe proġett taʼ bini, kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ joqogħdu attenti ħafna għal kif huma qed jibnu l-futur tagħhom fis-servizz taʼ Jehovah! Irid jitpoġġa pedament sod minn kmieni f’ħajjithom sabiex ikunu jistgħu jilħqu miri spiritwali. Bħala żagħżugħ, kemm qed tpoġġi l-pedament tiegħek fis-sod? Jekk tixtieq taqdi f’Betel, int se tibbenefika jekk taħseb fil-fond dwar dan li ġej.
19 ‘Agħmel Wisaʼ’ għal Dan il-Privileġġ Speċjali taʼ Servizz: Bħalma huwa mniżżel f’Mattew 19:12, NW, Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jagħmlu wisaʼ’ għall-ħajja bħala wħud mhux miżżewġin. Għala? Mhux għal raġunijiet persunali, iżda “minħabba s-saltna tas-smewwiet.” Pawlu bl-istess mod inkuraġġixxa li individwi jżommu dan l-istat li bih ikunu “marbutin mal-Mulej bla tixrid taʼ moħħ.” (1 Kor. 7:32-35) Sfortunatament, xi wħud jitilfu dan il-privileġġ li jaqdu bħala rġiel mhux miżżewġin f’Betel minħabba li jfittxu li jiżżewġu taʼ età żgħira. Aħna rridu nħeġġu lil ħutna ġuvintur li għadhom żgħar biex jużaw l-enerġiji tagħhom sabiex jaqdu fil-ministeru full-time meta għad m’għandhomx ir-responsabbiltajiet tal-familja. Imbagħad, jekk wara ċertu żmien jiddeċiedu li jiżżewġu, se jkunu rġiel miżżewġin ħafna aħjar minħabba li jkunu kisbu iktar esperjenza fil-ħajja u fil-ministeru Kristjan. Wara li qdew għal numru taʼ snin f’Betel, xi wħud iżżewġu u setgħu jibqgħu jaqdu hemm bħala koppja. Jekk imbagħad ikollhom privileġġi oħrajn, bħal jekk ir-raġel ikun indokratur li jivvjaġġa, jew ikunu fis-servizz missjunarju, huma żgur li mhux se jiddispjaċihom taż-żmien li warrbu biex jagħmlu l-wisaʼ għas-servizz f’Betel.
20 Tkunux Aljenati b’Miri Materjalistiċi: Iż-żgħażagħ kollha jagħmlu tajjeb jekk jistaqsu: ‘Hija l-mira tiegħi wara li nispiċċa l-iskola li nfittex karriera sekulari full-time jew hija li naqdi lil Jehovah full-time?’ Veru, li tagħżel it-tieni waħda jirrikjedi sagrifiċċji. Iżda anki li tikseb karriera sekulari jirrikjedi dan! Fl-aħħar mill-aħħar, liema karriera se jkollha verament riżultat dejjiemi u taʼ benefiċċju? Ġesù ta tweġiba ċara. Skond Mattew 6:19-21, hu qal: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.” Jalla qalbna qatt ma twassalna biex infittxu karriera fid-dinja jew affarijiet materjali minflok servizz b’ruħna kollha għal Jehovah. Ilkoll kemm aħna rridu nagħrfu li l-uniku teżor li jixraq li nfittxu huwa relazzjoni tajba maʼ Jehovah, sabiex inferrħulu qalbu. (Prov. 27:11) Jekk inpoġġu lil Jehovah l-ewwel f’ħajjitna waqt li nkunu għadna żgħar, aħna nkunu qed nuru x’inhu verament taʼ valur f’ħajjitna u kemm hija importanti s-Saltna għalina. Tinsiex, “il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.” (Prov. 10:22) Iż-żgħażagħ għandhom opportunità eċċellenti biex juru fejn hi qalbhom billi jagħtu xi ħaġa taʼ valur lil Jehovah għal dak kollu li tahom. Is-servizz f’Betel jagħti din l-opportunità meraviljuża lil dawk li jikkwalifikaw.
21 Dawk li Jaqdu f’Betel Iridu Jkunu Nodfa Moralment: Is-salmista staqsa: “Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?” Hu wieġeb: “Billi jħares il-kelma [taʼ Jehovah].” (Salm 119:9) Dan jinkludi li tevita kulma għandu x’jaqsam mal-korruzzjoni morali tas-sistema ħażina taʼ Satana. Il-pornografija fuq l-Internet, il-kondotta mhux xierqa mas-sess oppost, il-mużika degradanti, id-divertiment baxx, u x-xorb alkoħoliku meta tkun għadek taħt l-età huma xi ftit min-nases li Satana juża biex ma jħallix liż-żgħażagħ tagħna jilħqu miri spiritwali. Hemm bżonn taʼ determinazzjoni soda biex tirreżisti dawn it-tattiċi. Bħala persuna żagħżugħa, jekk issib ruħek qed tibda ssir involut fi kwalunkwe waħda minn dawn l-affarijiet, tkellem maʼ l-anzjani tal-kongregazzjoni tiegħek u irranġa dawn il-kwistjonijiet qabel tapplika għas-servizz f’Betel. Kuxjenza nadifa hija vitali biex tkun tistaʼ taqdi lil Jehovah bis-sħiħ.—1 Tim. 1:5.
22 Tgħallem Kif Tingwalaha maʼ l-Oħrajn: Ħtieġa importanti biex ikollok suċċess fis-servizz f’Betel hija li titgħallem kif tingwalaha maʼ l-oħrajn. Per eżempju, il-familja taʼ Betel taʼ l-Istati Uniti fiha eluf taʼ aħwa li ġejjin minn sfondi taʼ ħajjiet differenti. Filwaqt li dawk il-personalitajiet differenti kollha jsebbħu iżjed lil Betel, xi kultant jistgħu wkoll ikunu taʼ sfida. Jekk qed tikkunsidra s-servizz f’Betel, tagħmel tajjeb jekk tistaqsi lilek innifsek: ‘Jien nieħu għalija malajr jekk oħrajn ma jaqblux maʼ l-opinjoni tiegħi? L-oħrajn isibuha faċli biex jingwalawha miegħi?’ Jekk għandek bżonn titjieb f’affarijiet bħal dawn, ibda aħdem fuqhom minn issa. Li tagħmel hekk se jgħinek tidra iktar malajr il-ħajja u x-xogħol mal-membri tal-familja taʼ Betel.
23 Aħdem iebes biex tkun persuna spiritwali billi tikkultiva relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah. Żviluppa programm tajjeb taʼ studju persunali, li għandu jinkludi l-qari tal-Bibbja kuljum. Kun attiv f’li taqsam l-aħbar tajba m’oħrajn. Jekk tagħmel dawn l-affarijiet, il-progress spiritwali tiegħek se jkun jidher. (1 Tim. 4:15) Xi prospetti meraviljużi hemm lesti għal dawk li qed jippreparaw minn issa għal karriera fis-servizz full-time!
24 Ġenituri, Ħarrġu lil Uliedkom: Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jinkuraġġixxu liż-żgħażagħ jagħżlu l-ministeru full-time? Ġesù qal: “Kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.” (Lq. 6:40) Meta student ikun imħarreġ sew ma jistgħux ma jidhrux fih il-kwalitajiet mill-aqwa taʼ l-għalliem dedikat tiegħu. Dan il-prinċipju għandu jagħtihom x’jomogħdu lill-ġenituri Kristjani hekk kif huma jaħdmu iebes biex iħarrġu lit-tfal tagħhom “bid-devozzjoni lejn Alla bħala l-mira [tagħhom].” (1 Tim. 4:7, NW) Peress li t-tfal għandhom it-tendenza li jkollhom l-istess attitudni lejn l-affarijiet spiritwali bħal dik tal-ġenituri tagħhom, il-ġenituri jagħmlu tajjeb jekk jistaqsu lilhom infushom: ‘Aħna personalment napprezzawh ix-xogħol f’Betel li qed isir biex jinkuraġġixxi l-interessi tal-qima vera lejn Jehovah? Aħna nirrikonoxxu li l-barka taʼ Jehovah qiegħda fuq l-arranġament taʼ Betel? Nemmnu li ħajja fis-servizz taʼ Jehovah hija l-aħjar karriera li uliedna jistgħu jagħżlu?’ L-apprezzament minn qalbna għas-servizz f’Betel u għax-xogħol li jsir hemmhekk se jgħinna niżirgħu apprezzament bħal dan f’uliedna.
25 Elkana u Anna kellhom apprezzament profond għall-qima vera. Huma taw eżempju taʼ min jagħti kasu lill-ġenituri Kristjani llum. F’Iżrael tal-qedem, l-irġiel Iżraelin biss kienu meħtiġin li ‘jidhru quddiem il-Mulej, is-Sid’ tliet darbiet fis-sena quddiem it-tabernaklu. Minkejja dan, Elkana kien jivvjaġġa xi 30 kilometru, x’aktarx bil-mixi, mal-familja kollha tiegħu “minn sena għal oħra” biex joffri sagrifiċċju f’dan iċ-ċentru taʼ qima għal Jehovah. (Eżo. 23:17; 1 Sam. 1:3, 4, 9, 19; 2:19) Jidher ċar li l-kap taʼ din il-familja ried li l-familja tiegħu kollha tieħu sehem fit-tħassib persunali tiegħu għall-affarijiet spiritwali.
26 Anna kellha l-istess interess għall-qima vera bħal dak tar-raġel tagħha. Hi bil-ħerqa ħassitha obbligata biex tikkontribwixxi f’li tappoġġa l-qima vera fit-tabernaklu. Anna wiegħdet lil Jehovah li jekk jagħtiha iben, hi kienet se tagħtih għas-servizz fit-tabernaklu. (1 Sam. 1:11) Il-Liġi Mosajka kienet tippermetti li r-raġel iħassar wegħda mhix xierqa li tkun saret minn martu. (Num. 30:7-9 [30:6-8, NW]) Madankollu, Elkana milli jidher qabel mal-wegħda t’Anna, u b’hekk wera li hu appoġġa dik it-turija taʼ qima vera!—1 Sam. 1:22, 23.
27 Kien binhom Samwel effettwat b’mod pożittiv mill-apprezzament u l-attitudni eċċellenti li wrew il-ġenituri tiegħu? Iva, ċertament. Bħala żagħżugħ, Samwel minn qalbu u fedelment ħa ħsieb ix-xogħol li ngħatalu, u ġie mħarreġ għal iktar privileġġi prezzjużi fis-servizz t’Alla. L-interess li Elkana u Anna wrew lejn is-servizz taʼ Samwel fit-tabernaklu ma waqafx meta beda xogħlu hemmhekk. Huma baqgħu jżuruh b’mod regulari sabiex jinkuraġġuh u jappoġġawh hekk kif hu kompla fil-ministeru full-time.—1 Sam. 2:18, 19, NW.
28 X’eżempju li jispikka taw Elkana u Anna lill-ġenituri Kristjani llum! Meta wliedna jisimgħuna nesprimu l-apprezzament mill-qalb tagħna għall-privileġġ tas-servizz f’Betel u jaraw l-ispirtu taʼ sagrifiċċju tagħna nfusna li nuru f’li mmexxu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna, huma wkoll se jiżviluppaw qalb li dejjem lesta tgħin lil oħrajn. Ħafna ġenituri qed jirnexxilhom jiżirgħu din l-influwenza bnina f’uliedhom. Tifla taʼ sebaʼ snin kitbet: “La nikber, irrid inkun f’Betel, u hemm xi ftit affarijiet li nixtieq nagħmel hemmhekk. (1) Nittajpja r-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, (2) naħdem fejn isiru l-istampi, (3) nitwi l-ħwejjeġ. Liema waħda jkun hemm bżonn. Ma jimpurtax xi tkun.” Kemm iqawwilna qalbna meta naraw spirtu bħal dan jiżviluppa f’qalb uliedna, spirtu taʼ li jkunu lesti li jagħtu minn qalbhom!
29 Żgħażagħ, ftakru li “d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġw. 2:17) Komplu fittxu miri spiritwali, fosthom il-privileġġ speċjali tas-servizz f’Betel. Ġenituri, imitaw l-eżempju taʼ dawk leali fil-passat li ħeġġew lil uliedhom biex jikkultivaw devozzjoni lejn Alla. (2 Pt. 3:11) U jalla lkoll kemm aħna nagħtu sehemna f’li ngħinu lil ħutna ż-żgħażagħ biex jaqdu lill-Ħallieq Grandjuż bl-aħjar mod possibbli, għax f’dan ‘għandna l-wegħda tal-ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi.’—1 Tim. 4:8; Koħ. 12:1.
[Kaxxa f’paġna 4]
Ħtiġijiet Bażiċi għas-Servizz f’Betel
● Ilek mgħammed minn taʼ l-inqas sena
● Persuna spiritwali b’imħabba profonda lejn Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu
● F’saħħa tajba spiritwalment, mentalment, emozzjonalment, u fiżikament
● Ċittadin jew resident permanenti taʼ Malta bil-liġi
● Kapaċi taqra, tikteb, u titkellem bl-Ingliż u bil-Malti sew
● Bejn id-19 u l-35 sena