Kun Mera taʼ Bniedem li Jagħmel it-Tajjeb
1. Għala għandna nkunu konxji iktar mis-soltu dwar il-kondotta tagħna fil-konvenzjoni distrettwali?
1 Meta għadd kbir minna ninġabru flimkien f’konvenzjonijiet distrettwali, il-mod kif naġixxu u nittrattaw lil oħrajn jiġi notat b’mod speċjali minn dawk li josservawna. B’hekk, kull wieħed u waħda minna jrid jagħti attenzjoni speċjali għall-parir li tagħtina l-Bibbja biex ‘inkunu meqjusin u f’kollox inkunu mera taʼ bniedem li jagħmel it-tajjeb.’ (Titu 2:6, 7) Forsi jirrikjedi sforz iktar mis-soltu biex ‘ma nfittxux li jaqblilna, imma li jaqbel lil ħaddieħor.’ (Flp. 2:4) Ejja nikkunsidraw xi ftit oqsma fejn nistgħu napplikaw dan l-inkuraġġiment fil-konvenzjoni distrettwali li ġejja bit-tema “Agħtu Glorja lil Alla.”
2, 3. It-tfal kif jistgħu jġibu tifħir lil Jehovah, u x’responsabbiltà għandhom il-ġenituri?
2 Il-Ġenituri u t-Tfal: F’dinja fejn ħafna żgħażagħ m’għandhomx manjieri tajbin, it-tfal tagħna jispikkaw bħala li huma differenti, u dan iġib tifħir lil Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu. Madankollu, xi drabi nqalgħu problemi meta xi tfal ma kinux taħt superviżjoni xierqa.—Prov. 29:15
3 Qabel il-konvenzjoni xi ġenituri sabuha t’għajnuna li jirrivedu mat-tfal tagħhom it-tip taʼ mġiba li hija mistennija minnhom. (Efes. 6:4) Huma jgħinu lit-tfal jifhmu li mħabba Kristjana ġenwina “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq” jew “ma tfittixx dak li hu tagħha.” (1 Kor. 13:5) Il-konvenzjoni distrettwali hija ħin riservat biex niġu mgħallmin minn Jehovah, u t-tfal flimkien maʼ l-adulti jistgħu juru rispett għal dan l-arranġament bil-kondotta tagħhom, kemm fil-post tal-konvenzjoni kif ukoll f’postijiet oħrajn.—Is. 54:13.
4. Il-kondotta tajba tagħna x’effett jistaʼ jkollha fuq oħrajn?
4 Il-kondotta tajba tagħna tistaʼ tgħin ħafna biex inġibu fix-xejn ideat żbaljati u niġbdu n-nies lejn il-qima vera. (Mt. 5:16; 1 Pt. 2:12) Jalla dawk kollha li niltaqgħu magħhom fil-konvenzjoni distrettwali tagħna jieħdu xiehda tajba bil-mod kif naġixxu u nittrattawhom. B’dan il-mod se nuru li aħna “mera taʼ bniedem li jagħmel it-tajjeb” u se nigglorifikaw lil Jehovah.—Titu 2:7.