Ibqgħu Stennew lil Ġeħova
1. X’inhi t-tema tal-konvenzjoni, u għala hija f’waqtha?
1 “Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju,” kiteb Isaija. “Henjin huma dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” (Is. 30:18b, NW) Fil-Bibbja nsibu ħafna rakkonti fejn Alla esegwixxa ġudizzju fuq l-għedewwa tiegħu u ġab ħelsien lill-qaddejja leali tiegħu. Dawn ir-rakkonti x’lezzjonijiet jistgħu jgħallmuhom lill-aduraturi taʼ Ġeħova llum? X’nistgħu nagħmlu issa biex inkunu lesti għall-“Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ”? (Ġoel 3:4, 5 [2:31, 32, NW]) Il-Konvenzjoni Distrettwali li se jkollna bit-tema “Il-Ħelsien fil-Qrib!” se tgħinna biex nimmeditaw sew fuq dawn il-mistoqsijiet u nagħmlu eżami tagħna nfusna. Se tgħinna wkoll biex nibqgħu nistennew lil Ġeħova.
2. Kif nistgħu nuru apprezzament għall-konvenzjoni distrettwali tagħna?
2 Għamilt int arranġamenti biex tibbenefika mit-tlett ijiem sħaħ tal-konvenzjoni? Per eżempju, mort int fuq min qed iħaddmek sabiex titolbu l-leave ħalli tattendi? Tistenniex li se tieħu l-leave mingħajr ma tagħmel sforz. Itlob dwar dan, u mbagħad kellem lill-imgħallem tiegħek. (Neħ. 2:4, 5) Bl-istess mod, m’għandniex inħallu għall-aħħar biex nagħmlu l-arranġamenti maʼ min se nivvjaġġaw, u affarijiet oħra taʼ bżonn. Meta nippjanaw tajjeb bil-quddiem inkunu qed nuru l-apprezzament profond tagħna għall-mejda spiritwali taʼ Ġeħova. L-anzjani għandhom ikunu lesti li jgħinu lil dawk fil-bżonn billi jassistuhom fl-arranġamenti għall-konvenzjoni, speċjalment lil dawk avanzati fl-età fil-kongregazzjoni.—Gal. 6:10.
3. Liema kwalitajiet għandhom jidhru fost il-poplu taʼ Ġeħova fil-viċinanzi taʼ fejn tkun qed issir il-konvenzjoni?
3 Kondotta mill-Aħjar Tonora lil Alla: Meta ninġabru bħala grupp kbir fil-konvenzjonijiet, il-kondotta mill-aħjar tagħna sservi bħala xiehda lill-komunità. Għalhekk, x’inhu mistenni minna? Meta aħna nkunu f’lukandi, restoranti, u postijiet oħrajn taʼ kummerċ fil-viċinanzi taʼ fejn tkun qed issir il-konvenzjoni, dawk li se nittrattaw magħhom għandhom iħossuhom kuntenti bil-kwalitajiet Kristjani tagħna, bħas-sabar fit-tul, il-ħlewwa, ir-rażna, u r-raġunevolezza. (Gal. 5:22, 23; Flp. 4:5) Ilkoll kemm aħna għandna nuru l-kwalità taʼ l-imħabba li “ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata.” Anki jekk iqumu xi diffikultajiet jew inkonvenjenzi, aħna rridu ‘nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla.’—1 Kor. 10:31; 13:5.
4. Kif jistgħu l-ġenituri jgħinu lil uliedhom iġibu ruħhom b’mod li jġib tifħir lil Ġeħova?
4 Wara konvenzjoni waħda, maniġer taʼ lukanda kien tant impressjonat bil-kondotta u bl-apparenza taż-żgħażagħ tagħna li esprima x-xewqa li “dejjem jixtieq li jkollu x-Xhieda taʼ Ġeħova bħala mistidnin fil-lukanda tiegħu.” Kemm iġibilna ferħ dan! Ġenituri, dan hu grazzi għat-taħriġ u s-superviżjoni tagħkom. Jekk tkunu qed toqogħdu f’xi lukanda, ma jkunx għaqli min-naħa tal-ġenituri li jħallu lil uliedhom fil-kamra mingħajr superviżjoni. It-tfal għandhom dejjem ikunu taħt superviżjoni tajba. (Prov. 29:15) Jalla l-kondotta tajba tagħhom iġġib tifħir lil Ġeħova u tferraħlu qalbu!—Prov. 27:11.
5. Kif nistgħu aħna nonoraw lil Ġeħova bl-ilbies u d-dehra tagħna?
5 Ilbies u Dehra Modesta: Kull wieħed minna jistaʼ jikkontribwixxi biex tingħata impressjoni tajba matul il-konvenzjoni billi jevita xi stil taʼ lbies u dehra li huma taʼ moda stramba, estremi, immodesti, jew każwali żżejjed. Dan japplika wkoll meta nkunu qed nivvjaġġaw lejn il-konvenzjoni jew sejrin lura d-dar, kif ukoll meta nkunu qed inħejju s-sala tal-konvenzjoni, u meta nattendu għas-sessjonijiet. Bħala qaddejja t’Alla, l-ewwel ħaġa li tikkonċernana hija l-isem u r-reputazzjoni taʼ Ġeħova, mhux il-preferenzi jew il-kumditajiet persunali tagħna. Il-kapijiet tal-familja għandhom ir-responsabbiltà li jagħmlu żgur li d-dehra tal-familja tagħhom tirrifletti l-modestja u l-moħħ f’loku l-ħin kollu.—1 Tim. 2:9.
6. Għala għandna nżommu l-istess dinjità fl-apparenza tagħna waqt il-ħin tal-mistrieħ bħalma nżommu matul is-sessjonijiet tal-konvenzjoni?
6 Bl-istess mod huwa importanti li nżommu d-dinjità fl-apparenza tagħna waqt il-ħin tal-mistrieħ, kemm fil-lukandi, fil-ħwienet, u fir-restoranti. Ikun xieraq li nibqgħu bl-ilbies tal-konvenzjoni jekk inkunu se mmorru nieklu xi mkien wara s-sessjonijiet. Meta nilbsu l-badge tal-konvenzjoni se noħolqu opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali.—2 Kor. 6:3, 4.
7. Kif nistgħu aħna nikkontribwixxu għall-ordni u għall-ferħ tal-konvenzjoni?
7 Isaija ħabbar: “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom favur, u għalhekk se jqum biex jurikom ħniena.” (Is. 30:18a, NW) Il-gratitudni lejn il-ħniena taʼ Ġeħova u l-imħabba mhix mistħoqqa tiegħu għandha tqanqalna biex nonorawh bil-kondotta u d-dehra hekk kif ninġabru flimkien għall-konvenzjonijiet tagħna. Jalla l-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Ħelsien fil-Qrib!” tigglorifika lil Alla tagħna u tgħinna nibqgħu nistennewh!