Konvenzjonijiet Distrettwali—Żmien Għal Qima Ferriħija
1 Ġużeppi, Marija, uliedhom, u oħrajn regolarment kienu jitilgħu Ġerusalemm biex jattendu l-festi annwali. F’dawn l-okkażjonijiet, huma u aduraturi oħrajn kienu jħallu warajhom il-problemi taʼ kuljum u jiffokaw fuq l-aspetti spiritwali l-iktar importanti taʼ ħajjithom. Il-festi kienu jagħtuhom ħin biex jirriflettu u jitkellmu dwar it-tjubija taʼ Ġeħova u biex jikkunsidraw il-Liġi tiegħu. Il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna li ġejjin se jagħtuna opportunitajiet simili biex nagħtu qima ferriħija lil Ġeħova.
2 Hemm Bżonn taʼ Preparazzjoni: Minn Nazaret, il-familja taʼ Ġesù kellha tagħmel vjaġġ taʼ 200 kilometru bil-mixi biex tmur u tiġi. Għalkemm ma nafux kemm kellu ħutu Ġesù, nistgħu nimmaġinaw l-ippjanar u l-isforz li kienu meħtiġin minn Ġużeppi u Marija. Għamilt il-preparazzjonijiet neċessarji biex tattendi t-tlett ijiem sħaħ tal-konvenzjoni distrettwali li ġejja? Dan jistaʼ jirrikjedi li tieħu l-leave jew li titkellem mal-imgħallem tiegħek biex ma tmurx xogħol f’dawk il-ġranet jew li titkellem mal-għalliema taʼ wliedek biex ma jattendux l-iskola. Ibbukkjajt lukanda jekk hemm il-ħtieġa? Tistaʼ tieħu l-inizjattiva biex tgħin lil xi ħadd fil-kongregazzjoni bi bżonnijiet speċjali ħalli jattendi l-konvenzjoni?—1 Ġw. 3:17, 18.
3 Sħubija li Tibni: X’opportunità pprovdew il-festi Lhud għal sħubija li tibni ma’ aduraturi oħrajn! Il-membri tal-familja taʼ Ġesù mingħajr ebda dubju kienu jħarsu ’l quddiem biex jingħaqdu maʼ ħbieb antiki. Kienu jgawdu wkoll opportunitajiet biex jagħmlu ħbieb ġodda fost il-ħafna Lhud u proseliti li kienu jkunu preżenti jew li kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm u lura.
4 Raġuni waħda għala l-ilsir leali u għaqli jagħmel arranġamenti biex ningħaqdu flimkien ħalli nisimgħu taħditiet fil-konvenzjonijiet distrettwali minflok ma jagħtina l-istess informazzjoni bil-kitba hi sabiex inkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin. (Ebr. 10:24, 25) Għalhekk, ippjana biex tasal kmieni għall-konvenzjoni kuljum biex tgawdi sħubija maʼ oħrajn qabel ma ċ-chairman tas-sessjoni jintroduċi l-intervall mużikali, u b’hekk jindika li sar il-ħin biex noqogħdu bilqiegħda. Il-fratellanza Kristjana magħquda tagħna hi rigal mingħand Ġeħova li lkoll għandna napprezzawh.—Mik. 2:12.
5 Żmien Biex Nitgħallmu: Minn età żgħira, Ġesù ħa vantaġġ mill-festi biex jitgħallem dwar Missieru tas-sema. (Lq. 2:41-49) X’se jgħin lilna u lill-familji tagħna biex nibbenefikaw bis-sħiħ minn dak li se jiġi preżentat? Matul is-sessjonijiet, ibqaʼ bilqiegħda u evita li titkellem bla bżonn. Tħallix il-mobile, il-pager, jew apparat simili tiegħek ifixkel lilek jew lil oħrajn. Żomm għajnejk fuq il-kelliemi u ħu noti qosra. Oqogħdu bilqiegħda bħala familja biex tkunu ċerti li wliedkom qed jisimgħu wkoll. Filgħaxija ħudu ftit ħin biex tiddiskutu flimkien il-punti li għoġbukom.
6 L-Ilbies u d-Dehra: Negozjanti barranin li kienu qed jivvjaġġaw fit-triq setgħu jagħrfu faċilment lill-familja taʼ Ġesù u lil aduraturi Lhud oħrajn li kienu qed jivvjaġġaw lejn il-festi u lura minħabba l-frenża fit-truf taʼ lbieshom u l-lazz blu ’l fuq mill-frenża. (Num. 15:37-41) Għalkemm il-Kristjani ma jilbsux ħwejjeġ speċjali, aħna magħrufin li nilbsu b’mod modest u li nkunu puliti u nodfa. Għandna nagħtu attenzjoni partikulari għad-dehra tagħna meta nivvjaġġaw lejn il-konvenzjoni u lura u waqt li nkunu fil-post tal-konvenzjoni. Anki jekk inbiddlu l-ħwejjeġ wara l-programm, għandna nżommu dehra dinjituża u nilbsu l-badge tal-konvenzjoni. B’dan il-mod se nidhru differenti minn dawk li mhumiex Xhieda u nagħtu impressjoni tajba lil dawk li josservawna.
7 Volontieri Meħtiġin: Hemm bżonn taʼ ħafna ħaddiema sabiex il-konvenzjoni timxi ħarir. Tistaʼ tgħin bħala volontier? (Salm 110:3) Ix-xogħol li jsir fil-konvenzjonijiet hu parti mis-servizz sagru tagħna u jagħti xhieda mill-aħjar. Il-maniġer taʼ faċilità waħda tal-konvenzjoni tant baqaʼ impressjonat bil-volontieri li naddfu l-bini li kiteb dan: “Nixtieq nirringrazzjakom għall-iktar ġrajja tal-għaġeb li qatt esperjenzajt. Dejjem smajt li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma nies speċjali u fl-industrija tagħna ilhom ħafna bir-reputazzjoni li dejjem iħallu l-faċilità iktar nadifa milli jsibuha. Intom u l-organizzazzjoni tagħkom għamiltu din il-faċilità post aħjar għall-komunità, u dan għamiltuh bl-iktar grupp taʼ nies grazzjużi li qatt kellna l-pjaċir li nsiru nafu.”
8 Opportunitajiet Biex Nagħtu Xhieda: Ħafna fl-inħawi fejn se tinżamm il-konvenzjoni se jinnotaw viżitaturi lebsin sew u puliti u lebsin badges tal-konvenzjoni. Dan jistaʼ jqajjem il-kurżità tagħhom u jipprovdilna opportunitajiet biex ngħidulhom dwar il-konvenzjoni. Wara l-programm, tifel taʼ erbaʼ snin ħa miegħu f’restorant il-kopja tiegħu tal-pubblikazzjoni li kienet għadha kif ħarġet u wrieha lil dik li qdiethom. Dan ta opportunità lill-ġenituri tat-tifel biex jistiednu lill-mara għall-konvenzjoni.
9 Il-festi tal-qedem kienu okkażjonijiet taʼ ferħ li l-Lhud li riedu jitgħallmu iktar dwar Ġeħova kienu jħarsu ’l quddiem għalihom. (Dt. 16:15) Il-familja taʼ Ġesù kienu henjin li jagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju biex jattendu u jibbenefikaw bis-sħiħ. Aħna għandna apprezzament simili għall-konvenzjonijiet distrettwali tagħna, u nqisuhom bħala għotja mingħand Missierna tas-sema kollu mħabba. (Ġak. 1:17) Issa hu ż-żmien biex nippreparaw għal din l-opportunità annwali biex nagħtu qima ferriħija lil Ġeħova!
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. Il-festi tal-Israelin kif kienu simili għall-konvenzjonijiet distrettwali taʼ żmienna?
2. X’għandna nagħmlu biex nippreparaw għall-konvenzjoni distrettwali li ġejja?
3. Il-festi tal-Israelin kif ipprovdew opportunitajiet għal sħubija li tibni?
4. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-fratellanza Kristjana magħquda tagħna?
5. X’se jgħinna nibbenefikaw bis-sħiħ mill-programm?
6. X’għandna nżommu f’moħħna rigward l-ilbies u d-dehra tagħna?
7. Għala għandna nikkunsidraw li nkunu volontieri fil-konvenzjoni?
8. Liema opportunitajiet biex nagħtu xhieda se jkun hemm fil-post tal-konvenzjoni?
9. Kif nistgħu nimitaw l-apprezzament tal-familja taʼ Ġesù għall-provvedimenti spiritwali taʼ Ġeħova?
[Kaxxa f’paġna 6, 7]
Tfakkiriet għall-Konvenzjoni Distrettwali
◼ Ħinijiet tal-Programm: Il-programm se jibda fid-9:20 a.m. t-tlett ijiem kollha. Il-bibien se jinfetħu fit-8:00 a.m. Meta titħabbar il-mużika tal-bidu, ilkoll kemm aħna għandna nsibu postna sabiex il-programm ikun jistaʼ jibda b’mod dinjituż. Il-Ġimgħa u s-Sibt il-programm se jispiċċa fil-4:55 p.m. u l-Ħadd fl-3:40 p.m.
◼ Postijiet: Il-postijiet jistgħu jintrefgħu biss għal dawk li jivvjaġġaw miegħek fl-istess karozza jew jgħixu miegħek fl-istess dar, kif ukoll għal dawk li bħalissa qed tikkonduċi studju tal-Bibbja magħhom.—1 Kor. 13:5.
◼ Donazzjonijiet: Nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-arranġamenti tal-konvenzjoni billi nagħtu kontribuzzjonijiet volontarji għax-xogħol taʼ madwar id-dinja fis-Sala tas-Saltna tagħna jew fil-konvenzjoni. Kwalunkwe ċekk li jingħata b’kontribuzzjoni fil-konvenzjoni għandu jintgħamel pagabbli lil “I.B.S.A. (Malta).”
◼ Aċċidenti u Emerġenzi: Servizzi li jieħdu ħsieb l-emerġenza jirċievu ħafna telefonati fuq affarijiet żgħar. Jekk tinqalaʼ xi emerġenza medika fil-post tal-konvenzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil attendant fil-qrib, li se javża mill-ewwel lid-Dipartiment tal-Ewwel Għajnuna sabiex dawk fostna li huma kwalifikati biex jagħtu l-ewwel għajnuna jkunu jistgħu jiddeċiedu kemm hi gravi s-sitwazzjoni u jagħtu l-assistenza tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn, dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna se jċemplu 112.
◼ Żraben: Kull sena jseħħu għadd taʼ inċidenti konnessi maż-żraben. Ikun aħjar li nagħżlu żraben modesti li jiġuna sew u li jippermettulna nimxu bis-sigurtà fit-taraġ, fuq l-ispralli tal-ħadid, u affarijiet bħal dawn.
◼ Rekording: Apparat li jirrekordja m’għandux jitqabbad mas-sistema tal-elettriku jew tas-sawnd tal-faċilità u jistaʼ jintuża biss b’tali mod li ma jtellifx lil oħrajn.
◼ Puxċers: Il-puxċers m’għandhomx jinġiebu fil-post tal-konvenzjoni. Madankollu, jistgħu jinġiebu siġġijiet tat-tfal li jipprovdu sigurtà (child-safety seats) u li għandhom jitpoġġew b’attenzjoni fuq siġġu ħdejn il-ġenituri.
◼ Fwejjaħ: Ħafna konvenzjonijiet qed isiru f’postijiet magħluqin fejn niddependu minn ventilazzjoni mekkanika. Għalhekk, inkunu qed nuru qalb tajba min-naħa tagħna jekk nillimitaw l-użu taʼ fwejjaħ qawwijin li jistgħu jikkaġunaw irritazzjoni lil dawk li jbatu bi problemi respiratorji jew problemi relatati.—1 Kor. 10:24.
◼ Formoli Follow-Up: Formola Please Follow Up (S-43) għandha tintuża biex tiġi provduta informazzjoni dwar kull min juri interess minħabba li nagħtuh xhieda informali matul il-konvenzjoni. Il-pubblikaturi għandhom iġibu formola jew tnejn tal-follow-up meta jmorru l-konvenzjoni. Il-formoli mimlijin jistgħu jingħataw lis-segretarju tal-kongregazzjoni tiegħek wara l-konvenzjoni.—Ara l-Ministeru tas-Saltna taʼ Novembru 2009, p. 4.
◼ Restoranti: Onora isem Ġeħova bl-imġiba mill-aqwa tiegħek fir-restoranti. F’Malta normalment jitħallew tips taʼ 15 fil-mija, jiddependi mis-servizz.
◼ Servizz taʼ Volontieri: Il-ferħ li niksbu milli nattendu l-konvenzjoni jkun saħansitra akbar jekk noffru li nkunu volontieri biex ngħinu fix-xogħol li jkun hemm bżonn. (Atti 20:35) Kull min jixtieq jagħmel dan għandu jmur fid-Dipartiment tas-Servizz tal-Volontieri fil-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena wkoll jistgħu jagħtu kontribut mill-aħjar billi jaħdmu taħt is-superviżjoni taʼ ġenitur jew min jieħu ħsiebhom jew adult ieħor bl-approvazzjoni taʼ xi ħadd minnhom.