Il-Konvenzjonijiet Distrettwali Tagħna—Xhieda Qawwija għall-Verità
1. Il-festi tal-istaġuni kienu jagħtu opportunità lill-Iżraelin biex jimmeditaw fuq liema veritajiet spiritwali importanti u jiddiskutuhom?
1 L-Iżraelin tal-qedem kienu jiltaqgħu tliet darbiet fis-sena għall-festi tal-istaġuni. Għalkemm l-irġiel biss kienu mitlubin jattendu, ħafna drabi familji bi ħġarhom kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm biex igawdu dawn il-konvenzjonijiet taʼ ferħ. (Dt. 16:15, 16) Okkażjonijiet bħal dawn kienu jagħtuhom l-opportunità biex jimmeditaw fuq veritajiet spiritwali importanti u jiddiskutuhom. X’inhuma xi wħud minn dawn il-veritajiet? Waħda minnhom hi li Ġeħova hu ġeneruż u hu l-Wieħed li jipprovdi bi mħabba. (Dt. 15:4, 5) Verità oħra hi li Ġeħova hu taʼ min joqgħod fuqu għall-gwida u l-protezzjoni. (Dt. 32:9, 10) L-Iżraelin setgħu wkoll jimmeditaw fuq il-fatt li, bħala poplu li qed iġorr l-isem t’Alla, għandhom jirriflettu b’mod xieraq il-livelli ġusti taʼ Ġeħova bil-mod kif jgħixu ħajjithom. (Dt. 7:6, 11) Illum il-ġurnata, aħna nibbenefikaw bl-istess mod mill-konvenzjonijiet distrettwali tagħna.
2. Il-programm tal-konvenzjoni distrettwali kif se jitfaʼ dawl fuq il-verità?
2 Il-Programm Jitfaʼ Dawl fuq il-Verità: Fil-konvenzjonijiet distrettwali tagħna, aħna ngawdu taħditiet, drammi, turijiet, u intervisti li jitfgħu dawl fuq veritajiet vitali tal-Bibbja. (Ġw. 17:17) Diġà sar ħafna xogħol bħala preparazzjoni għall-konvenzjoni li ġejja. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova qed tipprepara programm li ġie mħejji speċifikament biex jittratta l-bżonnijiet kurrenti tan-nies madwar id-dinja. (Mt. 24:45-47) Tħossok ħerqan int biex tara u tismaʼ dak li se jiġi preżentat?
3. X’għandna nagħmlu sabiex nibbenefikaw mill-programm?
3 Naturalment, se nibbenefikaw l-iktar jekk inkunu preżenti u jekk noqogħdu ferm attenti matul it-tlett ijiem kollha. Jekk għadek ma tkellimtx mal-imgħallem tiegħek biex tkun tistaʼ tibbukkja l-leave mix-xogħol, agħmel dan mill-iktar fis. Agħmel ċert li torqod biżżejjed kull lejl biex b’hekk tkun moħħok hemm matul il-programm kollu. Ħafna jsibu li meta jżommu għajnejhom iffokati fuq il-kelliemi u meta jieħdu noti qosra jiġu megħjunin jibqgħu attenti. Tħallix il-mowbajl jew il-pejġer tiegħek ikun taʼ xkiel għalik jew għal oħrajn. Toqgħodx titkellem, tibgħat messaġġi minn fuq il-mowbajl, tiekol, jew tixrob waqt il-programm.
4. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jibbenefikaw matul il-konvenzjoni?
4 Fis-snin tas-Sabat, meta l-familji Iżraelin kienu jinġabru flimkien biex jisimgħu l-Liġi tinqara waqt il-festa tal-għerejjex, huma kellhom liċ-“ċkejknin” tagħhom magħhom “sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu.” (Dt. 31:12) Kemm hi xi ħaġa inkuraġġanti li tara familji bilqiegħda ħdejn xulxin waqt il-konvenzjoni u li tara liċ-ċkejknin imqajmin u moħħhom hemm! Kull filgħaxija, għala ma terġax taqra n-noti tiegħek u tiddiskuti flimkien maʼ wliedek xi punti li laqtuk b’mod partikulari? “Il-bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel,” u għalhekk il-ġenituri jagħmlu tajjeb jekk iżommu lil uliedhom taħt għajnejhom, anki dawk adoloxxenti, matul il-brejk taʼ nofsinhar minflok ma jħalluhom ‘mitluqin għal riħhom.’—Prov. 22:15; 29:15.
5. Kif nistgħu nsebbħu l-verità bil-mod kif nilbsu waqt li nkunu fl-inħawi fejn tkun qed tinżamm il-konvenzjoni?
5 Il-Kondotta Tajba Tagħna Ssebbaħ il-Verità: Il-kondotta tajba tagħna, waqt li nkunu fl-inħawi fejn tkun qed tinżamm il-konvenzjoni, issebbaħ il-verità. (Titu 2:10) Meta nilbsu l-beġġ tal-konvenzjoni, din ma sservix biss biex nirreklamaw il-konvenzjoni u biex delegati oħrajn ikunu jistgħu jagħrfuna, iżda sservi wkoll biex tagħti xhieda lil dawk li qed jarawna. Nies li jkunu fl-inħawi fejn tkun qed tinżamm il-konvenzjoni se josservaw li dawk li jkunu lebsin il-beġġ tal-konvenzjoni jkunu lebsin pulit u modest u mhux lebsin żmattat u provokattiv bħalma hu komuni fid-dinja. (1 Tim. 2:9, 10) Għalhekk, għandna noqogħdu attenti ħafna għall-ilbies u d-dehra tagħna waqt li nkunu fl-inħawi fejn tkun qed tinżamm il-konvenzjoni. Anki jekk il-konvenzjoni tkun qed tinżamm fi stejdjum għall-arja aperta, l-ilbies tagħna għandu jkun dinjituż. Jekk niddeċiedu li wara l-programm se nbiddlu ħwejjiġna u mmorru ġo xi restorant, għandna niftakru li xorta għadna delegati tal-konvenzjoni, u għalhekk m’għandniex nilbsu każwali żżejjed.
6. Liema hu mod wieħed kif nistgħu ngawdu l-unità Kristjana tagħna matul il-konvenzjoni?
6 Fil-festi tal-istaġuni, l-Iżraelin kienu jgawdu sħubija li tibni mʼaduraturi sħabhom minn nazzjonijiet oħra u minn partijiet oħra tad-dinja, u dan ippromwova l-unità. (Atti 2:1, 5) Matul il-konvenzjonijiet distrettwali, il-fratellanza Kristjana unika tagħna tkun tidher sew. Dan l-aspett pjaċevoli tal-ġenna spiritwali tagħna ħafna drabi jimpressjona lil dawk li qed jarawna. (Salm 133:1) Agħmel ċert li tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet biex tiltaqaʼ u titkellem m’aħwa rġiel u nisa li jkunu qegħdin bilqiegħda ħdejk!
7. Jekk iċ-ċirkustanzi tagħna jippermettu, liema raġunijiet hemm biex naħdmu bħala volontieri?
7 Ħafna drabi, dawk li qed jarawna jibqgħu impressjonati bil-mod tajjeb kif jiġu organizzati l-konvenzjonijiet tagħna u bl-ordni li bih jitmexxew, speċjalment meta jsiru jafu li x-xogħol kollu jsir permezz taʼ volontieri. Tistaʼ int ‘toffri lilek innifsek minn rajk’ biex taħdem fil-konvenzjoni? (Salm 110:3) Familji sħaħ taʼ spiss joffru li jaħdmu bħala volontieri biex iħarrġu lil uliedhom ħalli jgħinu lil ħaddieħor. Jekk int mistħi, billi taħdem fil-konvenzjoni hu mod tajjeb biex tiltaqaʼ maʼ delegati oħrajn. Oħt qalet: “Ma kont naf lil ħadd ħlief lill-familja tiegħi u l-ftit ħbieb li kelli. Imma meta għent fit-tindif iltqajt maʼ ħafna aħwa. Vera ħadt pjaċir!” Meta nwessgħu ċ-ċirku tal-ħbieb tagħna billi ngħinu fil-konvenzjonijiet, se niksbu ħafna ferħ. (2 Kor. 6:12, 13) Jekk qatt ma ħdimt bħala volontier, staqsi lill-anzjani biex tara kif tistaʼ tikkwalifika ħalli tkun taʼ għajnuna.
8. Kif se nistiednu lil oħrajn biex jattendu l-konvenzjoni?
8 Stieden lil Oħrajn Biex Jisimgħu l-Verità: Bħal fis-snin li għaddew, tliet ġimgħat qabel ma tibda l-konvenzjoni tagħna, aħna se nieħdu sehem f’kampanja li se ssir biex nistiednu lil oħrajn jattendu. Il-kongregazzjonijiet se jkunu jixtiequ jkopru kemm jistaʼ jkun mit-territorju tagħhom bl-invit. (Ara l-kaxxa “Kif Se Noffru l-Invit?”) L-inviti li jkun fadal għandhom jinġiebu l-konvenzjoni. Dawn se jintużaw mid-delegati biex jagħtu xhieda informali waqt li jkunu fl-inħawi fejn tkun qed tinżamm il-konvenzjoni.
9. Semmi xi esperjenzi li jagħtu prova li l-kampanja annwali li nagħmlu bl-invit tagħti riżultati pożittivi.
9 Iwieġbu n-nies b’mod pożittiv għal din il-kampanja annwali? F’konvenzjoni minnhom, attendant għen lil koppja miżżewġa biex issib siġġu ħalli tpoġġi bilqiegħda. Huma qalulu li rċivew l-invit u “kien jidher interessanti.” Għalhekk, saqu 320 km biex jattendu! F’każ ieħor, oħt li kienet fil-ministeru tat l-invit lil raġel li kien jidher li għandu kurżità dwar il-konvenzjoni. Għalhekk, hi ħadet il-ħin biex tiddiskuti l-invit miegħu. Ftit ġranet wara, waqt li kienet il-konvenzjoni, din l-oħt rat lil dan ir-raġel u wieħed mill-ħbieb tiegħu l-konvenzjoni u f’idejhom kellhom wieħed mill-ħarġiet il-ġodda!
10. L-attendenza għall-konvenzjonijiet distrettwali tagħna għala hi importanti?
10 Il-festi tal-istaġuni kienu provvediment kollu mħabba mingħand Ġeħova biex jgħin lill-Iżraelin ‘jaqduh mingħajr nuqqas u bil-verità.’ (Ġoż. 24:14) Bl-istess mod, l-attendenza għall-konvenzjonijiet distrettwali tagħna li jsiru kull sena tgħinna biex ‘inkomplu mexjin fil-verità’ u hi parti vitali mill-qima tagħna. (3 Ġw. 3) Jalla Ġeħova jbierek l-isforzi taʼ dawk kollha li jħobbu l-verità biex jattendu u jibbenefikaw bis-sħiħ!
[Kumment f’paġna 4]
Il-kondotta tajba tagħna, waqt li nkunu fl-inħawi fejn tkun qed tinżamm il-konvenzjoni, issebbaħ il-verità
[Kumment f’paġna 5]
Tliet ġimgħat qabel ma tibda l-konvenzjoni tagħna, aħna se nieħdu sehem f’kampanja li se ssir biex nistiednu lil oħrajn jattendu
[Kaxxa f’paġna 3-5]
Tfakkiriet Għall-konvenzjoni Distrettwali 2012
◼ Ħinijiet tal-Programm: Il-programm se jibda fid-9:20 a.m. it-tlett ijiem kollha. Il-bibien se jinfetħu fit-8:00 a.m. Meta titħabbar il-mużika tal-bidu, ilkoll kemm aħna għandna nsibu postna sabiex il-programm ikun jistaʼ jibda b’mod dinjituż. Il-Ġimgħa u s-Sibt il-programm se jispiċċa fil-4:55 p.m., u l-Ħadd fl-3:40 p.m.
◼ Postijiet: Il-postijiet jistgħu jintrefgħu biss għal dawk li jgħixu fl-istess dar, dawk li jivvjaġġaw magħna fil-karozza, jew dawk li qed nikkonduċu studju tal-Bibbja magħhom bħalissa.—1 Kor. 13:5.
◼ Donazzjonijiet: Nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-arranġamenti tal-konvenzjoni billi nikkontribwixxu volontarjament għax-xogħol taʼ madwar id-dinja fil-konvenzjoni. Jekk jingħata xi ċekk, dan għandu jintgħamel pagabbli lil “IBSA (Malta).”
◼ Aċċidenti u Emerġenzi: Jekk tinqalaʼ xi emerġenza medika fil-post tal-konvenzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil attendant fil-qrib, li se javża mill-ewwel lid-Dipartiment tal-Ewwel Għajnuna sabiex dawk fostna li huma kwalifikati biex jagħtu l-ewwel għajnuna jkunu jistgħu jiddeċiedu kemm hi gravi s-sitwazzjoni u jagħtu l-assistenza tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn, dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna se jċemplu 112. Dan se jevita li jsiru ħafna telefonati bil-mowbajl lis-servizzi li jwieġbu għall-emerġenzi.
◼ Medikazzjoni: Jekk tieħu xi mediċina preskritta, jekk jogħġbok kun ċert li ġġib miegħek kemm għandek bżonn, ladarba fil-konvenzjoni ma jkunx hemm mediċina disponibbli. Siringi u labar li jintużaw minn uħud dijabetiċi għandhom jintremew bħala skart perikoluż u mhux jintremew fejn jintrema l-iskart normali fil-post li ssir il-konvenzjoni jew fil-Lukandi.
◼ Żraben: Kull sena jseħħu għadd taʼ inċidenti konnessi maż-żraben. Ikun aħjar li nagħżlu żraben modesti li jiġuna sew u li jippermettulna nimxu fuq rampi, fit-taraġ, fuq l-ispralli tal-ħadid, u affarijiet bħal dawn bla ma nweġġgħu.
◼ Puxċers: Il-puxċers m’għandhomx jinġiebu fil-post tal-konvenzjoni. Madanakollu, jistgħu jinġiebu siġġijiet tat-tfal li jipprovdu sigurtà (child safety seats) u li għandhom jitpoġġew b’attenzjoni fuq siġġu ħdejn il-ġenituri.
◼ Fwejjaħ: Ħafna konvenzjonijiet qed isiru f’postijiet magħluqin li jiddependu minn ventilazzjoni mekkanika. Għalhekk, inkunu qed nuru qalb tajba min-naħa tagħna jekk nillimitaw l-użu taʼ fwejjaħ qawwijin li jistgħu jikkaġunaw irritazzjoni lil dawk li jbatu bi problemi respiratorji jew problemi relatati.—1 Kor. 10:24.
◼ Formoli Please Follow Up (S-43): Il-formola Please Follow Up għandha tintuża biex tipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe interess li ntwera waqt xhieda informali matul il-konvenzjoni. Il-pubblikaturi għandhom iġibu magħhom formola jew tnejn minnhom. Il-formoli mimlijin jistgħu jingħataw lis-segretarju tal-kongregazzjoni tiegħek wara l-konvenzjoni.—Ara l-Ministeru tas-Saltna taʼ Mejju 2011, paġna 3.
◼ Restoranti: Onora isem Ġeħova bl-imġiba mill-aqwa tiegħek fir-restoranti. Ħalli tipp jekk din tkun l-użanza.
◼ Servizz taʼ Volontieri: Kull min jixtieq jagħmel dan għandu jmur fid-Dipartiment tas-Servizz tal-Volontieri tal-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena jistgħu jaħdmu taħt is-superviżjoni taʼ ġenitur jew taʼ min jieħu ħsiebhom jew adult ieħor bl-approvazzjoni taʼ xi ħadd minnhom.
[Kaxxa f’paġna 5]
Kif Se Noffru l-Invit?
Sabiex inkopru t-territorju tagħna, jistaʼ jkun li jkollna bżonn inżommu l-istedina fil-qosor. Nistgħu ngħidu xi ħaġa hekk: “Hello. Qed nieħu sehem fi sforz li qed isir madwar id-dinja biex jitqassam dan l-invit. Din hi l-kopja tiegħek. Se ssib iktar dettalji fuq l-invit.” Kun entużjast. Meta tieħu sehem fit-tqassim tal-inviti fi tmiem il-ġimgħa, għandek toffri r-rivisti wkoll, meta dan ikun xieraq.