Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież Sħabna x-Xhieda taʼ Ġeħova:
Huwa taʼ pjaċir kbir għalina li niktbulkom għeżież qaddejja leali taʼ Ġeħova, li issa tgħoddu iktar minn sebaʼ miljuni. Meta tiltaqgħu maʼ sieħeb fit-twemmin minn parti oħra tad-dinja, mill-ewwel tħossu rabta speċjali taʼ affezzjoni għal dak li jkun. (Ġw. 13:34, 35) Bla ebda dubju, int u taqra l-Yearbook taʼ din is-sena, ir-rakkonti interessanti tal-fidi u l-lealtà taʼ ħutek f’diversi pajjiżi se jerġgħu jġegħluk tħoss din ir-rabta unika.
Rapporti minn madwar id-dinja jindikaw li għadd kbir minnkom qed tieħdu l-Qima tal-Familja bis-serjetà. Dawk minnkom li għandkom tfal żgħar żviluppajtu ħafna metodi interessanti biex tiġbdu u żżommu l-attenzjoni taċ-ċkejknin tagħkom. (Efes. 6:4) Iż-żwiġijiet jissaħħu meta l-koppji jistudjaw flimkien. (Efes. 5:28-33) Tabilħaqq, individwi u familji qed jibbenefikaw minn dan l-arranġament taʼ studju fil-fond tal-Kelma t’Alla.—Ġoż. 1:8, 9.
Nesprimu l-empatija tagħna maʼ dawk kollha li ġarrbu telf b’konsegwenza tad-diżastri naturali li seħħew dan l-aħħar. Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil dawk il-ħafna wħud li, bla telf taʼ żmien, ingħaqdu fl-għoti t’għajnuna matul dawn iż-żminijiet taʼ inkwiet. (Atti 11:28-30; Gal. 6:9, 10) Iktar minn hekk, f’kull kongregazzjoni, hemm minnkom li jagħrfu x’inhuma l-bżonnijiet materjali taʼ ħutna u, bla ma jdoqqu t-trombi, jieħdu l-inizjattiva biex jgħinuhom. Bħal Dorka tal-qedem, intom tispikkaw fl-‘għemejjel tajbin u tagħtu ħafna għotjiet taʼ ħniena.’ (Atti 9:36) Kunu ċerti li Ġeħova jinnota dan kollu u jpattilkom kif jixraq.—Mt. 6:3, 4.
F’xi pajjiżi, id-drittijiet tagħkom qed jiġu mkażbrin minn dawk li jimmanipulaw il-liġijiet sabiex ‘jippjanaw l-inkwiet permezz taʼ digriet.’ (Salm 94:20-22) Peress li tirrealizzaw li Ġesù bassar din il-persekuzzjoni, intom qed tissaportu b’kuraġġ u qed idduru lejn Ġeħova bħala r-refuġju tagħkom. (Ġw. 15:19, 20) Għeżież ħutna, kunu ċerti li nsemmukom regolarment fit-talb tagħna hekk kif tkomplu “tiddefendu ruħkom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandkom.”—1 Pt. 3:13-15.
Mill-qalb, infaħħru lilkom kollha li qed tibqgħu nodfa moralment sena wara sena minkejja l-fatt li Satana jippromwovi kondotta immorali b’mod insidjuż. Fi żmien meta l-livelli morali tad-dinja sejrin mill-ħażin għall-agħar, intom qed ‘tiksbu l-qawwa fil-Mulej u fis-setgħa tas-saħħa tiegħu.’ (Efes. 6:10) Intom ilbistu “l-armatura sħiħa mingħand Alla,” u għalhekk qegħdin iżżommu sod kontra “t-tnassis tax-Xitan.” (Efes. 6:11, 12) Kunu afu li Ġeħova qed juża l-eżempju tagħkom biex jagħti tweġiba ċara lil Satana, it-tentatur!—Prov. 27:11.
Ilkoll fraħna meta sirna nafu li fl-2011, attendew 19,374,737 ruħ għat-Tifkira tal-mewt tal-Mulej tagħna. Dan in-numru impressjonanti taʼ wħud li attendew huwa grazzi wkoll għar-respons kbir tagħkom għas-sejħa biex taqdu bħala pijunieri awżiljarji f’April li għadda. Miljuni t’abitanti fuq l-art setgħu jisimgħu l-għajta għalenija taʼ tifħir lil Ġeħova ġejja mix-Xhieda leali tiegħu! (Rum. 10:18) Sew jekk kontu fost iż-2,657,377 ruħ li qdew bħala pijunieri awżiljarji f’dak ix-xahar u sew jekk stinkajtu biex b’xi mod iżżidu l-attività tagħkom, ilkoll kemm intom ferraħtuna minħabba li qdejtu fix-xogħol minn jeddkom u biż-żelu.—Salm 110:3; Kol. 3:23.
Is-sena l-oħra, 263,131 individwu ssimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova. Irroddu ħajr lil Ġeħova taʼ dan, u ngħidu grazzi lilkom talli ngħaqadtu magħna biex noffru jerġaʼ lil ħaddieħor l-istedina: “‘Ejja!ʼ U kulmin jismaʼ ħa jgħid: ‘Ejja!’ U kulmin hu bil-għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.” (Riv. 22:17) Speċjalment wara li kkunsidrajna xi aspetti tas-Saltna stabbilita t’Alla fil-konvenzjonijiet distrettwali tal-2011, ngħidu b’iktar ħerqa minn qatt qabel, “Ħa tiġi Saltnatek!” Imqanqlin mill-assiguranza taʼ Ġesù “Jien ġej malajr,” aħna b’qalb sħiħa ningħaqdu mal-appostlu Ġwanni fit-tweġiba tiegħu: “Amen! Ejja, Mulej Ġesù.”—Riv. 22:20.
Hekk kif tibqgħu għassa għal din il-ġrajja eċċitanti, għeżież ħutna, ibqgħu ċerti li tassew inħobbu lil kull wieħed u waħda minnkom li qed tagħtu prova tal-imħabba tagħkom għal Ġeħova “bl-għemil u l-verità.”—1 Ġw. 3:18.
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova