L-Anġli Qed Jgħinuna
1 “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” Kemm hu inkuraġġanti dan il-kliem għal dawk kollha li jobdu l-kmand taʼ Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli”! (Mt. 28:18-20) Mod sinifikanti kif Ġesù qiegħed mal-Kristjani veri hu permezz taʼ l-anġli tiegħu. (Mt. 13:36-43) Kemm hu eċċitanti li tiddikjara l-“Evanġelju taʼ dejjem” flimkien maʼ dawn il-ħlejjaq spirti leali!—Apk. 14:6, 7.
2 Fil-Ministeru: Il-Bibbja turi li l-anġli jintbagħtu biex “jaqdu lil dawk li għandhom jiksbu s-salvazzjoni.” (Lhud 1:14) Fl-ewwel seklu, l-anġli kienu involuti f’li jidderieġu lis-segwaċi taʼ Ġesù biex ifittxu lil dawk li kien jixirqilhom. (Atti 8:26) Illum, il-qaddejja t’Alla għadhom jaraw evidenza taʼ direzzjoni mill-anġli. Mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi inkwilin li jgħid li kien qed jitlob għall-għajnuna meta xi Xhud mar iħabbatlu. Flimkien maʼ l-anġli, kemm nifirħu meta naraw lil uħud bħal dawn iwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna!—Lq. 15:10.
3 Meta Niffaċċjaw Xi Oppożizzjoni: Danjel, it-tlett iħbieb Ebrej tiegħu, l-appostlu Pietru, u ħafna oħrajn li għaddew minn provi kbar esperjenzaw il-protezzjoni taʼ Jehovah permezz taʼ l-anġli “setgħana u qawwija.” (Salm 103:20; Dan. 3:95 [Dan. 3:28, NW];Dan. 6:22, 23 [6:21, 22, NW]; Atti 12:11) Għalkemm xi drabi forsi nħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn meta tiġi fuqna xi oppożizzjoni, nistgħu niksbu inkuraġġiment mill-esperjenza tal-qaddej t’Eliżew meta sar jaf li ‘hemm aktar magħna milli magħhom.’ (2 Slat. 6:15-17) Anki jekk jifirduna bil-forza minn ħutna Kristjani, m’għandniex għalfejn niddispraw. Il-Kelma t’Alla tassigurana: “L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu.”—Salm 34:8 (34:7, NW).
4 Dalwaqt eżerċti sħaħ t’anġli se joħorġu rekbin fuq żwiemel biex ineħħu lil kulmin jopponi lil Ġesù bħala sultan. (Apk. 19:11, 14, 15) Sakemm qed nistennew dan il-jum, jalla nkomplu nfaħħru lil Jehovah bil-qlubija, fiduċjużi għalkollox mill-appoġġ qawwi taʼ l-eżerċti tas-sema mmexxijin minn Kristu.—1 Pt. 3:22.