Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Is-Sitt Parti
Meta Student Iqajjem Mistoqsija
1 Ladarba l-istudju tal-Bibbja jiġi stabbilit sew, ġeneralment l-aħjar ħaġa tkun li wieħed jiddiskuti t-tagħlim tal-Bibbja bl-ordni minflok ma jittieħed suġġett minn hawn u ieħor minn hemm. Dan jgħin lill-istudent jibni pedament t’għarfien eżatt u jagħmel progress spiritwali. (Kol. 1:9, 10) Iżda, spiss l-istudenti jqajmu mistoqsijiet fuq diversi suġġetti matul l-istudju. Dawn kif għandhom jiġu trattati?
2 Uża d-Dehen: Mistoqsijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-materjal li jkun qed jiġi studjat jistgħu ġeneralment jitwieġbu dak il-ħin. Jekk il-mistoqsija se tiġi diskussa iktar tard fil-pubblikazzjoni li tkun qed tiġi studjata, għandu mnejn ikun biżżejjed li sempliċement issemmi dan il-fatt. Madankollu, jekk mistoqsija m’għandha x’taqsam xejn mal-materjal li jkun qed jiġi studjat jew tkun tirrikjedi li ssir riċerka biex it-tweġiba tkun xierqa, ikun aħjar li din tiġi kunsidrata wara l-istudju jew f’xi ħin ieħor. Xi wħud isibu li jekk jieħdu nota tal-mistoqsija, dan se jaċċerta lill-istudent li l-mistoqsija tiegħu ttieħdet bis-serjetà, u b’hekk l-istudju jkun jistaʼ jkompli għaddej.
3 Ħafna mit-tagħlim tal-Bibbja jiġi diskuss fil-qosor fil-pubblikazzjonijiet taʼ studju li huma bażiċi. Xi ngħidu jekk student isibha diffiċli biex jaċċetta ċertu tagħlim jew jibqaʼ mqabbad sod maʼ ċertu twemmin falz? Jistaʼ jkun taʼ benefiċċju li jiġi kunsidrat materjal ieħor li jiddiskuti bir-reqqa dak li l-Bibbja tgħid dwar dak is-suġġett. Jekk l-istudent ikun għadu mhux konvint, ħalli dak is-suġġett għal darb’oħra u kompli bl-istudju regulari tiegħu. (Ġw. 16:12) Hekk kif ikompli jikseb iktar għarfien tal-Bibbja u jagħmel progress spiritwali, hu għandu mnejn jibda jifhem dak it-tagħlim tal-Bibbja.
4 Kun Modest: Jekk ma tkunx ċert dwar it-tweġiba taʼ xi mistoqsija, irreżisti t-tentazzjoni li tagħti opinjoni persunali. (2 Tim. 2:15; 1 Pt. 4:11) Spjega li se tagħmel riċerka dwar is-suġġett u li se ġġiblu r-risposta darb’oħra. Tistaʼ saħansitra taħtaf l-opportunità biex tgħallem lill-istudent kif jagħmel riċerka. Bil-mod il-mod urih kif juża d-diversi għodda li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovditilna biex nagħmlu riċerka. B’dan il-mod, hu maż-żmien ikun kapaċi jsib it-tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu stess.—Atti 17:11.