Xandar il-Glorja taʼ Ġeħova
1 Is-salmista xandar: “Għannu lill-Mulej fl-art kollha. Xandru fost il-ġnus is-sebħ [“il-glorja,” Karm Żammit] tiegħu, fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.” Hekk kif nimmeditaw dwar dak li Ġeħova diġà għamel, qed jagħmel issa, u li għadu se jagħmel għalina, qalbna tqanqalna nxandru l-glorja tiegħu!—Salm 96:1, 3.
2 Fil-Ministeru Tagħna: Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom il-privileġġ li jġorru isem Alla u jfaħħruh pubblikament fid-dinja kollha. (Mal. 1:11) X’kuntrast mal-kleru tal-Kristjaneżmu li bi prużunzjoni jneħħi l-isem t’Alla mit-traduzzjonijiet tiegħu tal-Bibbja! Ix-xogħol li ngħarrfu l-isem t’Alla huwa urġenti, ladarba n-nies għandhom isejħu dak l-isem bil-fidi sabiex jiġu salvati mit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. (Rum. 10:13-15) Iktar minn hekk, il-paċi universali, inkluż il-paċi fost l-abitanti taʼ l-art, tiddependi mit-taqdis taʼ l-isem t’Alla. Tabilħaqq, l-għemejjel kollha t’Alla huma marbutin maʼ ismu.
3 “Kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru ħafna.” Imma biex in-nies jagħtu lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu, huma jridu jkunu jafu l-verità dwaru. (Salm 96:4, 8) Madankollu, xi wħud saħansitra jiċħdu li Alla jeżisti. (Salm 14:1) Oħrajn jimmalafamawh bħala li hu bla qawwa, jew jgħidu li ma jinteressahx minn dak li jiġri lill-bnedmin. Hekk kif ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta biex jiksbu għarfien eżatt dwar il-Ħallieq tagħna, l-iskopijiet tiegħu, u l-personalità tiegħu li ġġagħalna nħobbuh, aħna nigglorifikaw lil Ġeħova.
4 Bl-Imġiba Tagħna: Meta ngħixu fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova, aħna nonorawh. L-imġiba mill-aqwa tagħna żgur tiġi notata. (1 Pt. 2:12) Per eżempju, id-dehra persunali tagħna li tkun nadifa u pulita tistaʼ tqanqal kummenti favorevoli minn oħrajn, u tipprovdilna opportunità biex nitkellmu dwar il-benefiċċji li jiġu għax ngħixu skond il-prinċipji misjubin fil-Kelma t’Alla. (1 Tim. 2:9, 10) Kemm nifirħu meta oħrajn ‘jaraw l-għemejjel tajbin tagħna u jagħtu glorja lil Missierna li hu fis-smewwiet’!—Mt. 5:16.
5 Bil-kliem u bl-għemil, ejja kuljum infaħħru lill-Alla meraviljuż tagħna, u b’dan il-mod inwieġbu għas-sejħa ferriħija: “Għannu [“lil Ġeħova,” New World Translation], bierku ismu! Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.”—Salm 96:2.