Ngħarrfu l-Isem Divin
1. In-nies x’effett jistaʼ jkollhom meta jsiru jafu dwar l-isem t’Alla?
1 Kif irreaġixxejt meta sirt taf bl-isem t’Alla għall-ewwel darba? Ir-reazzjoni taʼ ħafna nies tixbah lil dik taʼ waħda mara li qalet: “Meta rajt l-isem t’Alla fil-Bibbja għall-ewwel darba, bdejt nibki. Tassew kont imqanqla meta skoprejt li stajt inkun naf u nuża l-isem persunali t’Alla.” Għaliha, li ssir taf dwar l-isem divin kien pass importanti biex issir taf lil Jehovah bħala persuna u tkun tistaʼ tibni relazzjoni miegħu.
2. Għalfejn hija xi ħaġa urġenti għalina li ngħallmu lil oħrajn dwar Jehovah?
2 Għalfejn Ngħarrfuh lil Oħrajn? Li ssir taf l-isem t’Alla jinvolvi li ssir taf il-kwalitajiet, l-iskopijiet, u l-għemejjel tiegħu. Għandna bżonn ukoll insiru nafuh sabiex insalvaw. “Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva,” kiteb l-appostlu Pawlu. Imma ‘kif se jsejħulu,’ irraġuna Pawlu, jekk l-ewwel in-nies ma jitgħallmux dwar Jehovah u jeżerċitaw fidi fih? Għalhekk, hija xi ħaġa urġenti li l-Kristjani jgħarrfu l-isem t’Alla lil oħrajn u dak kollu li jirrappreżenta. (Rum. 10:13, 14) Madankollu, terġaʼ hemm raġuni akbar għala għandna ngħarrfu l-isem t’Alla.
3. X’inhi r-raġuni primarja għala nippridkaw?
3 Fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor, mill-Iskrittura l-poplu t’Alla għaraf il-kwistjoni universali li tinvolvi l-vindikazzjoni tas-sovranità t’Alla u t-taqdis taʼ ismu. Qabel ma Jehovah jeqred lill-ħżiena biex ineħħi t-tmaqdir li ntefaʼ fuq ismu, il-verità dwaru trid ‘tkun magħrufa maʼ l-art kollha.’ (Is. 12:4, 5; Eżek. 38:23) Għalhekk, ir-raġuni primarja għala nippridkaw hija biex infaħħru lil Jehovah fil-pubbliku u nqaddsu lil ismu quddiem l-umanità kollha. (Lhud 13:15) L-imħabba għal Alla u għal ġârna se tqanqalna biex nieħdu sehem sħiħ fix-xogħol ordnat minn Jehovah.
4. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif bdew jiġu identifikati maʼ l-isem t’Alla?
4 “Poplu għal Ismu”: Fl-1931 adottajna l-isem Xhieda taʼ Jehovah. (Is. 43:10) Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-poplu t’Alla tant għamlu magħruf l-isem divin t’Alla li l-ktieb Proclaimers, paġna 124, jinnota: “Madwar id-dinja kollha, kulmin juża l-isem Jehovah malajr jiġi identifikat bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.” Int identifikat b’dan il-mod? L-apprezzament għat-tjieba taʼ Jehovah għandha tqanqalna biex ‘inbierku lil ismu,’ billi nitkellmu dwaru f’kull okkażjoni xierqa.—Salm 20:7; 145:1, 2, 7.
5. L-imġiba tagħna kif għandha x’taqsam maʼ li nġorru l-isem t’Alla?
5 Bħala “poplu għal ismu,” aħna rridu nżommu mal-livelli tiegħu. (Atti 15:14, Karm Żammit; 2 Tim. 2:19) Ħafna drabi l-ewwel ħaġa li n-nies jinnotaw fix-Xhieda taʼ Jehovah hija l-imġiba tajba tagħhom. (1 Pt. 2:12) Qatt ma rridu nħammġulu ismu lil Jehovah billi minn jeddna ninjoraw il-prinċipji tiegħu jew billi nitfgħu l-qima tiegħu fit-tieni post f’ħajjitna. (Lev. 22:31, 32; Mal. 1:6-8, 12-14) Minflok, jalla l-mod taʼ ħajja tagħna juri li aħna ngħożżu l-privileġġ li nġorru l-isem divin tiegħu.
6. Xi privileġġ nistgħu ngawdu kemm issa u għal dejjem?
6 Illum, aħna naraw din id-dikjarazzjoni taʼ Jehovah titwettaq: “Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha kbir hu Ismi fost il-ġnus.” (Mal. 1:11) Ejja nkomplu ngħarrfu l-verità dwar Jehovah u ‘nbierku l-isem qaddis tiegħu għal dejjem taʼ dejjem!’—Salm 145:21.