Uża bil-Għaqal il-Letteratura Tagħna Bbażata fuq il-Bibbja
1, 2. Ħafna nies kif iħossuhom dwar il-letteratura tagħna, u dan x’mistoqsija jqajjem?
1 “Ilni naqra l-pubblikazzjonijiet tagħkom mill-1965 ’l hawn. Meta nkun qed naqra nirreferi għall-Bibbja, u dak kollu li hemm fil-letteratura tagħkom jikkorrispondi mal-Bibbja. Minn dejjem xtaqt inkun naf il-verità dwar Alla u Ġesù, u nistaʼ ngħid onestament li qed insib tweġibiet veri permezz tal-pubblikazzjonijiet tagħkom u l-Bibbja.” Hekk kiteb wieħed raġel lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-istess ittra, hu staqsa għal studju tal-Bibbja.
2 Bħal dan ir-raġel grat, miljuni taʼ persuni madwar id-dinja japprezzaw l-għajnuniet għall-istudji tal-Bibbja li jipprovdi “l-ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Kull sena tiġi pubblikata ħafna u ħafna letteratura biex tgħin lin-nies taʼ qalb onesta “jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:4) Kif nistgħu nużaw bil-għaqal il-letteratura tagħna bbażata fuq il-Bibbja?
3. Kif nistgħu nevitaw li naħlu l-letteratura?
3 Evita l-Ħela: Tul perijodu taʼ żmien, nistgħu nakkumulaw iktar letteratura milli jirnexxilna nużaw. X’nistgħu nagħmlu biex nevitaw li naħlu l-pubblikazzjonijiet prezzjużi tagħna? Hemm bżonn tad-dixxerniment meta mmorru nġibu l-letteratura biex nużawha fil-ministeru. Minflok ma nġibu ħafna kopji tal-pubblikazzjoni li se noffru, forsi nġibu kopja jew tnejn biss, u mbagħad nġibu iktar meta nkunu qassamniehom. B’hekk, m’aħniex se nakkumulaw ħażna kbira taʼ letteratura fid-djar tagħna. B’mod simili, jekk għandna numru kbir taʼ rivisti li ma qassamniex, ikun xieraq li nnaqqsu n-numru li nieħdu.
4. X’jistaʼ jsir jekk kongregazzjoni jkollha ħażna kbira taʼ ċerti pubblikazzjonijiet?
4 Ħażna Kbira taʼ Pubblikazzjonijiet: Jekk il-kongregazzjoni għandha ħażna kbira taʼ ċerti pubblikazzjonijiet, il-koordinatur tal-letteratura forsi jkun jixtieq jiċċekkja maʼ kongregazzjonijiet oħra fil-viċin biex jaraw jekk jistgħux jużaw il-letteratura żejda. Il-pubblikaturi jistgħu joffru pubblikazzjonijiet li ilhom ftit li ħarġu lill-membri tal-familja li m’humiex taʼ l-istess twemmin, studenti tal-Bibbja, u oħrajn. Dawk li huma ġodda fil-kongregazzjoni forsi jkunu jixtiequ dawn il-kotba għal-librerija teokratika persunali tagħhom.
5. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-letteratura tagħna?
5 Aħna rridu li l-letteratura tagħna tilħaq l-iskop tagħha, jiġifieri, li tgħin lil uħud sinċieri jitgħallmu iktar dwar l-iskopijiet meraviljużi taʼ Ġeħova. Bħalma Ġesù ma ħeliex l-ikel wara li mirakolożament temaʼ lill-folol, il-mira tagħna għandha tkun li nużaw bl-aħjar mod il-letteratura prezzjuża tagħna bbażata fuq il-Bibbja. (Ġw. 6:11-13) Il-messaġġ fil-pubblikazzjonijiet tagħna, li jsalva l-ħajjiet, ma jistax jilħaq il-qalb taʼ dawk miġbudin lejn it-tajjeb jekk il-pubblikazzjonijiet jibqgħu fuq l-ixkafef jew fil-basktijiet tagħna. Għalhekk, irridu nkunu raġunevoli meta nġibu l-letteratura biex nużawha fil-ministeru u għandna nużawha bil-għaqal għall-benefiċċju t’oħrajn.—Flp. 4:5.