Skola li Tgħinna Nagħmlu Applikar Prattiku
1 Hekk kif nikkunsidraw il-materjal imniżżel fl-Iskeda taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku għall-2006, aħna nħabirku biex nibbenefikaw minn tagħlim Skritturali billi napplikawh fis-servizz sagru tagħna u fil-ħajja taʼ kuljum. Aħna nagħmluha l-mira tagħna li nipprattikaw l-affarijiet li nitgħallmu.—Ġw. 13:17; Fil. 4:9.
2 Nagħmlu Kummenti: L-iskeda taʼ din is-sena tagħmel il-wisaʼ għal minuta oħra sabiex l-udjenza tipparteċipa fil-punti prinċipali mill-Bibbja. Dan ifisser li l-ħu assenjat biex jagħmel il-punti prinċipali għandu joqgħod attent li jkopri l-materjal tiegħu f’ħames minuti u mhux sitta. Dawk li jikkummentaw iridu joqogħdu attenti wkoll għall-ħin tagħhom. Bi ftit tal-ħsieb minn qabel, dak li qiegħed jikkummenta jistaʼ jesprimi informazzjoni li tkun t’għajnuna fi 30 sekonda jew inqas. Bejn wieħed u ieħor għaxar individwi għandhom ikunu jistgħu jagħtu kummenti li jibnu matul il-ħames minuti mwarrbin għall-parteċipazzjoni taʼ l-udjenza.
3 Taħditiet li Jgħallmu: Il-punti prinċipali mill-Bibbja u t-taħdita taʼ istruzzjoni għandhom jiffokaw fuq il-valur tal-materjal hekk kif japplikaw għall-ministeru tagħna u aspetti oħra fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Kelliemi għandu jagħmel iktar milli sempliċement iqajjem fis-semmiegħa tiegħu xewqa biex jaġixxu. Għandu jispeċifika x’azzjoni hi meħtieġa, juri kif tistaʼ titwettaq, u jiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċji li jiġu meta l-azzjoni tittieħed. Jistaʼ jgħid, “Dan hu kif il-materjal jagħtina gwida,” jew “Dan hu mod kif nistgħu nużaw dawn il-versi fil-ministeru.” L-anzjani u l-qaddejja ministerjali li huma konxji taċ-ċirkustanzi lokali għandhom jistinkaw biex kemm jistaʼ jkun juru biċ-ċar l-applikar prattiku tal-materjal.
4 Mod partikolarment effettiv biex tagħmel applikar prattiku huwa billi ssemmi eżempji Bibliċi. Wara li jirreferi għal eżempju Skritturali, kelliemi jistaʼ jgħid, “Int ukoll tistaʼ ssib ruħek f’sitwazzjoni simili għal din.” Għandu jkun ċert li kwalunkwe applikar taʼ l-eżempju Skritturali li jagħti għandu jkun fi qbil mal-kuntest, mal-Bibbja kollha kemm hi, u maʼ dak li ġie pubblikat mill-“ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45.
5 L-għerf huwa l-abbiltà li tuża l-għarfien u l-fehma b’suċċess. “L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf.” (Prov. 4:7) Hekk kif inkomplu nakkwistaw l-għerf prattiku permezz taʼ l-istudju tagħna fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, jalla wkoll inkomplu ntejbu l-arti taʼ li naqsmuh m’oħrajn.