Kif Inżommu ż-Żelu
1 Iż-żelu li Apollo wera hekk kif wettaq il-ministeru tiegħu jistaʼ jfakkarna fi Kristjani sħabna llum li qed juru żelu b’mod partikulari fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Atti 18:24-28) Però, ilkoll kemm aħna qed niġu mwissijin: “Titnikkrux f’xogħolkom. Kunu mħeġġin bl-ispirtu.” (Rum. 12:11) X’jistaʼ jgħinna niksbu u nżommu ż-żelu għall-ministeru Kristjan?
2 Jiżdied Permezz taʼ l-Għarfien: Wara li Ġesù deher lil tnejn mid-dixxipli tiegħu u beda “jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura kollha,” huma qalu: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq?” (Lq. 24:27, 32) Bl-istess mod, m’għandhomx qlubna jkunu mkebbsin b’eċċitament meta aħna nżidu fil-fehma tagħna tal-Kelma t’Alla? Iva, il-fidi tiżdied permezz taʼ l-għarfien. Rumani 10:17 jispjega: “II-fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.” Meta qlubna jkunu mimlijin b’fiduċja fil-wegħdi taʼ Ġeħova, aħna żgur li ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak kollu li tgħallimna!—Salm 145:7; Atti 4:20.
3 Aħna ma nistgħux nistrieħu biss fuq l-għarfien li ksibna fl-istudji taʼ qabel biex inżommu l-imħabba tagħna għal Alla b’saħħitha u ż-żelu tagħna għas-servizz tiegħu bħal nar iħeġġeġ. Aħna rridu nibqgħu nkabbru l-fehma tagħna tal-verità u nkabbru l-imħabba tagħna għal Ġeħova. Inkella, is-servizz tagħna lejh jistaʼ biż-żmien jirriżulta f’rutina. (Riv. 2:4) Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘inkomplu noktru fl-għarfien eżatt dwar Alla.’—Kol. 1:9, 10.
4 Id-Drawwiet Tagħna taʼ l-Istudju: Għaldaqstant, ikun tajjeb li neżaminaw id-drawwiet taʼ l-istudju tagħna. Per eżempju, jistaʼ jkun li aħna kapaċi nimmarkaw it-tweġibiet f’artiklu taʼ l-istudju fit-Torri taʼ l-Għassa u noffru kummenti tajbin. Iżda niftħu aħna l-iskritturi ċitati u nirriflettu fuq kif il-materjal japplika f’ħajjitna? Fil-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa, qegħdin aħna nagħmlu sforz biex nagħmlu riċerka addizzjonali jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, u b’hekk nimmeditaw fuq il-lezzjonijiet taʼ valur li nkunu sibna? (Salm 77:12, 13 [Salm 77:11, 12, New World Translation]; Prov. 2:1-5) Kemm hu taʼ benefiċċju li nimmeditaw u nkunu medhijin fil-Kelma t’Alla! (1 Tim. 4:15, 16) Studju siewi bħal dan se jsostni lil qlubna u se jagħtina s-saħħa biex inkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin.’—Titu 2:14.