LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 5/15 pp. 8-12
  • Int “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IMITA Ż-​ŻELU TAʼ ĠEĦOVA U TAʼ ĠESÙ
  • IS-​SAGRIFIĊĊJI TAGĦNA JONORAW LIL ĠEĦOVA
  • KONDOTTA TAJBA TIĠBED LIN-​NIES LEJN ALLA
  • DEJJEM URI KWALITAJIET LI JONORAW LIL ALLA
  • Kun “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kun Żeluż għall-Qima Vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ipprietka b’Żelu bħal Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Qiegħed Int Timxi bis-Sħiħ Wara l-Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 5/15 pp. 8-12

Int “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”?

“Kristu Ġesù . . . ta lilu nnifsu għalina biex . . . inaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.”—TITU 2:13, 14.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala tikkunsidrah unur li tkun żeluż għal għemejjel tajbin?

  • Danjel 2:41-​45 kif jurina li għandna bżonn inkunu żelużi fil-​ministeru?

  • Spjega kif kondotta tajba tiġbed lin-​nies lejn il-​qima vera u lejn Alla Ġeħova.

1, 2. Liema unur speċjali għandhom ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u int kif tħossok dwar dan?

ĦAFNA jikkunsidrawh unur kbir li jingħataw premju talli jkunu għamlu xi ħaġa speċjali. Pereżempju, xi wħud ingħataw il-​Premju Nobel għax għenu żewġ pajjiżi jagħmlu paċi maʼ xulxin. Imma kemm hu unur akbar li tiġi mibgħut minn Alla bħala ambaxxatur jew rappreżentant biex tgħin lin-​nies ikunu fil-​paċi mal-​Ħallieq tagħhom!

2 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna l-​uniku poplu li għandu dan l-​unur speċjali. Taħt it-​tmexxija t’Alla u taʼ Ġesù, aħna nitolbu lin-​nies bil-​ħrara biex ‘jerġgħu jitħabbu m’Alla,’ jiġifieri jsiru ħbieb tiegħu. (2 Kor. 5:20) Ġeħova qed jużana biex inressqu lin-​nies lejh. Bis-​saħħa t’hekk, miljuni taʼ nies f’iktar minn 235 pajjiż ġew megħjunin igawdu relazzjoni tajba m’Alla, u b’hekk għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem. (Titu 2:11) Biż-​żelu, aħna nistiednu lil ‘kulmin jixtieq jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.’ (Riv. 22:17) Peress li ngħożżu dan l-​inkarigu prezzjuż u nwettquh b’mod diliġenti, bix-​xieraq nistgħu nissejħu poplu “żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Ejja issa nikkunsidraw kif iż-​żelu tagħna għal għemejjel tajbin jgħinna nressqu lin-​nies lejn Ġeħova. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu bix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar.

IMITA Ż-​ŻELU TAʼ ĠEĦOVA U TAʼ ĠESÙ

3. X’jassigurana “l-​istess żelu taʼ Ġeħova”?

3 Dwar dak li se twettaq il-​ħakma tal-​Iben t’Alla, Isaija 9:7 jgħid: “L-​istess żelu taʼ Ġeħova taʼ l-​armati se jagħmel dan.” Dan il-​kliem jenfasizza l-​interess attiv taʼ Missierna tas-​sema fis-​salvazzjoni tal-​umanità. L-​eżempju taʼ żelu taʼ Ġeħova jindika b’mod ċar li x-​xogħol tagħna mogħti minn Alla bħala proklamaturi tas-​Saltna jistħoqqlu l-​appoġġ tagħna b’qalb sħiħa, l-​entużjażmu tagħna, u ż-​żelu tagħna. Ix-​xewqa qawwija biex ngħinu lin-​nies isiru jafu lil Alla hi riflessjoni taż-​żelu taʼ Ġeħova. Mela, bħala ħaddiema sħab m’Alla, determinati aħna personalment biex nagħmlu dak kollu li ċ-​ċirkustanzi tagħna jippermettulna biex nipproklamaw l-​aħbar tajba?—1 Kor. 3:9.

4. Ġesù kif ħalla eżempju perfett taʼ wieħed li baqaʼ żeluż fil-​ministeru?

4 Ġesù ħalla eżempju perfett taʼ wieħed li baqaʼ żeluż fil-​ministeru. Minkejja li ħafna opponewh u riedu joqtluh, hu żamm iż-​żelu tiegħu sa tmiem ħajtu fuq l-​art. (Ġw. 18:36, 37) Hekk kif qorob iż-​żmien biex imut mewta taʼ sagrifiċċju, id-​determinazzjoni taʼ Ġesù biex jgħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova intensifikat.

5. Ġesù kif aġixxa fi qbil mat-​tixbiha tiegħu tas-​siġra tat-​tin?

5 Fis-​sena 32 E.K., Ġesù ta tixbiha dwar raġel li kellu siġra tat-​tin fl-​għalqa tad-​dwieli tiegħu li ma kinitx tagħti frott. Wara tliet snin, ir-​raġel qal lill-​ħaddiem tiegħu biex iqaċċatha, imma l-​ħaddiem talab biex jingħata iktar żmien ħalli jdemmilha. (Aqra Luqa 13:6-​9.) Meta Ġesù qal dan, kienu biss ftit nies li setgħu jitqiesu bħala l-​frott tax-​xogħol tal-​ippritkar tiegħu. Imma kif inhu indikat mit-​tixbiha tiegħu, Ġesù uża l-​ftit żmien li kien fadallu—madwar sitt xhur—biex jintensifika l-​attività tal-​ippritkar tiegħu fil-​Lhudija u l-​Perija. Ftit jiem qabel mewtu, Ġesù beka għax il-​maġġoranza tan-​nies ‘semgħu imma ma rreaġixxewx.’—Mt. 13:15; Lq. 19:41.

6. Għala għandna nintensifikaw l-​attività tagħna fil-​ministeru?

6 Meta nqisu kemm aħna qrib it-​tmiem, mhuwiex vitali li nintensifikaw l-​isforzi tagħna fl-​ippritkar? (Aqra Danjel 2:41-​45.) Xi privileġġ grandjuż hu li tkun wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova! Aħna l-​uniku poplu fuq l-​art li joffri tama taʼ soluzzjonijiet reali għall-​problemi tal-​umanità. Waħda li tikteb fil-​gazzetti reċentement qalet li għall-​mistoqsija, “Għala jiġru affarijiet ħżiena lil nies tajbin?” m’hemmx tweġiba. Huwa d-​dmir u l-​privileġġ Kristjan tagħna li naqsmu t-​tweġibiet tal-​Bibbja għall-​mistoqsijiet bħal dawn maʼ dawk kollha li huma lesti li jisimgħu. Għandna kull raġun biex ‘inkunu mħeġġin bl-​ispirtu’ hekk kif inwettqu l-​inkarigu li tana Ġeħova. (Rum. 12:11) Bil-​barka tiegħu, l-​ippritkar żeluż tagħna jistaʼ jgħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u jħobbuh.

IS-​SAGRIFIĊĊJI TAGĦNA JONORAW LIL ĠEĦOVA

7, 8. Is-​sagrifiċċji tagħna kif jonoraw lil Ġeħova?

7 Bħalma hu indikat mill-​esperjenzi tal-​appostlu Pawlu, il-​ministeru tagħna jistaʼ jwassal għal “iljieli bla rqad” u “żminijiet mingħajr ikel.” (2 Kor. 6:5) Dawn l-​espressjonijiet jagħtu stampa ċara taʼ sagrifiċċju persunali u għandhom mnejn ifakkruna fil-​pijunieri li jpoġġu l-​ministeru tagħhom l-​ewwel post f’ħajjithom waqt li jmantnu lilhom infushom finanzjarjament. Ikkunsidra wkoll il-​missjunarji devoti tagħna li ‘jferrgħu lilhom infushom bħal offerta tax-​xorb’ biex jgħinu lin-​nies f’pajjiżi barranin. (Flp. 2:17) U xi ngħidu għall-​anzjani tagħna li jaħdmu iebes u li kultant ma jiklux jew ma jorqdux sew biex jieħdu ħsieb in-​nagħaġ taʼ Ġeħova? Għandna wkoll lill-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien u lil dawk b’saħħa batuta li jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jattendu l-​laqgħat Kristjani u jieħdu sehem fil-​ministeru. Qlubna jimtlew bl-​apprezzament meta naħsbu dwar dawn il-​qaddejja t’Alla li jagħmlu tant sagrifiċċji. Anki oħrajn barra l-​kongregazzjoni jinnotaw kemm hu importanti għalina l-​ministeru tagħna.

8 F’ittra lil gazzetta fir-​Renju Unit, qarrej mhux Xhud taʼ Ġeħova kiteb: “In-​nies qed jitilfu l-​fidi tagħhom fir-​reliġjon . . . X’joqogħdu jagħmlu dawn il-​mexxejja tal-​knisja l-​ġurnata kollha? Żgur li ma jmorrux jiltaqgħu man-​nies bħalma għamel Kristu . . . L-​unika reliġjon li donnha jimpurtaha hi dik tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma jmorru jiltaqgħu man-​nies u jinvolvu ruħhom b’mod ġenwin f’li jxandru l-​verità.” F’din id-​dinja fejn kulħadd moħħu biex ipaxxi lilu nnifsu, is-​sagrifiċċji persunali tagħna jonoraw ħafna lil Alla Ġeħova.—Rum. 12:1.

Billi sempliċement inkunu preżenti fil-​ministeru nagħtu xhieda qawwija lil dawk li josservawna

9. X’jistaʼ jgħinna nkunu żelużi għal għemejjel tajbin fil-​ministeru tagħna?

9 Madankollu, x’nistgħu nagħmlu jekk donnu qed nitilfu ż-​żelu tagħna għall-​ministeru? Se jkun t’għajnuna jekk nirriflettu fuq dak li Ġeħova qed iwettaq permezz tax-​xogħol tal-​ippritkar. (Aqra Rumani 10:13-​15.) Is-​salvazzjoni tiddependi milli n-​nies isejħu isem Ġeħova bil-​fidi, imma mhux se jagħmlu hekk jekk ma nippritkawlhomx. Dan għandu jqanqalna nibqgħu żelużi għal għemejjel tajbin u nkunu diliġenti f’li nipproklamaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna.

KONDOTTA TAJBA TIĠBED LIN-​NIES LEJN ALLA

L-​onestà u x-​xogħol iebes tiegħek jiġu nnotati

10. Għala nistgħu ngħidu li l-​kondotta tajba tagħna tiġbed lin-​nies lejn Ġeħova?

10 Għalkemm iż-​żelu hu importanti fil-​ministeru, waħdu mhux biżżejjed biex jiġbed lin-​nies lejn Alla. It-​tieni ħaġa li tgħin lin-​nies hi l-​kondotta tajba tagħna bħala Kristjana. Pawlu enfasizza l-​importanza tal-​kondotta tagħna meta kiteb: “Bl-​ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-​ministeru tagħna.” (2 Kor. 6:3) Il-​kliem u l-​kondotta tajbin tagħna jsebbħu t-​tagħlim t’Alla b’tali mod li jiġbdu lil oħrajn lejn il-​qima taʼ Ġeħova. (Titu 2:10) Infatti, spiss nisimgħu dwar nies li jwieġbu għall-​verità meta jarawna nimitaw lil Kristu.

11. Għala għandna nikkunsidraw bit-​talb l-​effett tal-​kondotta tagħna?

11 Għalkemm nirrikonoxxu li l-​azzjonijiet tagħna jistgħu jħallu effett tajjeb fuq in-​nies, anki l-​kuntrarju hu possibbli. B’hekk, sew jekk qegħdin ix-​xogħol, id-​dar, jew l-​iskola, irridu nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li biha nbiegħdu lil xi ħadd minn Ġeħova. Jekk nipprattikaw id-​dnub għax irridu, il-​konsegwenzi persunali jkunu diżastrużi. (Ebr. 10:26, 27) Dan il-​ħsieb għandu jqanqalna nikkunsidraw bit-​talb dak li qed nagħmlu u kif qed jeffettwa lil oħrajn. Hekk kif il-​livelli morali taʼ din id-​dinja qed jitbaxxew, għandu jkun faċli għan-​nies sinċieri biex jaraw id-​distinzjoni “bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Iva, il-​kondotta Kristjana mill-​aħjar tagħna għandha rwol importanti f’li ngħinu lin-​nies isiru ħbieb t’Alla.

12-14. Meta nissaportu oppożizzjoni, oħrajn kif għandhom mnejn iħarsu lejn il-​verità? Agħti eżempju.

12 Meta kiteb lill-​Korintin, Pawlu semma li hu kien sofra tribulazzjonijiet, diffikultajiet, swat, u ġie mitfugħ il-​ħabs. (Aqra t-​2 Korintin 6:4, 5.) Meta aħna nesperjenzaw provi tal-​fidi, is-​sabar tagħna jistaʼ jgħin lil dawk li josservawna biex jaċċettaw il-​verità. Biex nagħtu eżempju: Xi snin ilu, kien sar sforz biex jiġu eliminati x-​Xhieda taʼ Ġeħova f’parti mill-​Angola. Żewġ Xhieda mgħammdin u 30 individwu li kienu qed jattendu l-​laqgħat tagħna ġew imsawtin bil-​frosta minn xi opponenti sakemm ħarġulhom id-​demm. Saħansitra sawtu lin-​nisa u t-​tfal. Dan sar quddiem in-​nies tal-​lokal li ġew imġegħlin jaraw dan. L-​intenzjoni kienet li jbeżżgħu lin-​nies ħalli ħadd ma jagħti widen lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma wara li sawtuhom, ħafna membri tal-​komunità avviċinaw lix-​Xhieda u talbu biex ikollhom studju tal-​Bibbja fid-​dar. Wara dan, ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna avvanza, u kien hemm żieda notevoli u ħafna barkiet.

13 Dan l-​eżempju juri li meta n-​nies jaraw il-​kuraġġ tagħna waqt li nkunu għaddejjin minn prova, għandhom mnejn jiddeċiedu li jaċċettaw il-​verità. Il-​kuraġġ taʼ Pietru u tal-​appostli l-​oħrajn għandu mnejn inkuraġġixxa lil xi nies biex isiru ħbieb t’Alla. (Atti 5:17-​29) Fil-​każ tagħna, sħabna tal-​iskola, sħabna tax-​xogħol, jew membri tal-​familja tagħna għandhom mnejn jaċċettaw il-​verità għax jarawna nuru l-​kuraġġ meta niffaċċjaw oppożizzjoni.

14 Dejjem ikun hemm xi aħwa li jesperjenzaw persekuzzjoni. Pereżempju, fl-​Armenja, madwar 40 ħu qegħdin il-​ħabs minħabba n-​newtralità tagħhom, u x’aktarx għaxriet oħrajn se jiġu mitfugħin il-​ħabs fix-​xhur li ġejjin. Fl-​Eritrea, 55 Xhud taʼ Ġeħova qegħdin il-​ħabs, u xi wħud minnhom għandhom iktar minn 60 sena. Fil-​Korea t’Isfel, madwar 700 Xhud huma priġunieri minħabba t-​twemmin tagħhom. Din is-​sitwazzjoni ilha sejra iktar minn 60 sena. Ejja nitolbu biex il-​lealtà taʼ ħutna li qed jiġu persegwitati f’diversi pajjiżi ġġib glorja lil Alla u tgħin lil dawk li jħobbu s-​sewwa biex jaċċettaw il-​verità.—Salm 76:8-​10.

15. Agħti eżempju taʼ kif il-​fatt li ngħixu ħajja onesta jistaʼ jiġbed lil oħrajn lejn il-​verità.

15 Il-​fatt li ngħixu ħajja onesta wkoll għandu mnejn jiġbed lin-​nies lejn il-​verità. (Aqra t-​2 Korintin 6:4, 7.) Pereżempju, ikkunsidra din l-​esperjenza: Waqt li oħt kienet qed titfaʼ l-​flus fil-​magna tal-​biljetti fuq tal-​linja, mara li tafha qaltilha li ma kienx hemm għalfejn tħallas il-​biljett ladarba ma kinitx se ddum fuq tal-​linja. L-​oħt spjegat li jkun xieraq li tħallas il-​biljett, anki jekk għal stage wieħed biss. Wara dan, ħabibitha niżlet minn fuq tal-​linja. Imbagħad ix-​xufier dar lejn l-​oħt u staqsieha, “Jaqaw int waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?” “Iva,” wieġbet hi. “X’ġiegħlek tistaqsi?” “Smajtkom titkellmu dwar il-​ħlas tal-​biljett, u naf li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma fost il-​ftit nies li jagħmlu hekk u huma onesti f’kollox.” Ftit xhur wara, raġel avviċina lill-​oħt f’laqgħa u qalilha, “Qed tagħrafni? Jien ix-​xufier tal-​karozza tal-​linja li tkellimt miegħek dwar il-​ħlas tal-​biljett. Meta osservajt il-​kondotta tiegħek, iddeċidejt li nibda nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova.” Meta n-​nies sewwa jaraw li aħna onesti, huma jafdaw l-​aħbar tajba li nippritkaw.

DEJJEM URI KWALITAJIET LI JONORAW LIL ALLA

16. X’jistaʼ jirriżulta meta nuru kwalitajiet bħas-​sabar fit-​tul, l-​imħabba, u l-​qalb tajba? Agħti eżempju.

16 Aħna nistgħu niġbdu lin-​nies lejn Ġeħova meta nuru kwalitajiet bħas-​sabar fit-​tul, l-​imħabba, u l-​qalb tajba. Xi wħud li josservawna jistgħu jitħajru jitgħallmu dwar Ġeħova, l-​iskopijiet tiegħu, u l-​poplu tiegħu. Hemm kuntrast kbir bejn l-​attitudni u l-​kondotta taʼ Kristjani veri u s-​sempliċi turija minn barra taʼ devozzjoni lejn Alla taʼ dawk li l-​qima tagħhom mhijiex ħlief ipokrisija. Xi mexxejja reliġjużi saru għonja billi b’qerq jisirqu lis-​segwaċi tagħhom u jużaw ħafna mill-​flus li jiksbu minn dan biex jixtru djar u karozzi li jiswew il-​belli liri—u f’każ wieħed, post fejn jorqod il-​kelb bl-​arja kundizzjonata. Tabilħaqq, ħafna li jsostnu li huma segwaċi taʼ Kristu ma jobdux il-​kmand tiegħu biex ‘jagħtu b’xejn.’ (Mt. 10:8) Minflok, bħall-​qassisin ħżiena taʼ Iżrael tal-​qedem, huma “jitolbu l-​ħlas biex jgħallmu”—u ħafna minn dak li jgħallmu mhuwiex Skritturali. (Mik. 3:11) Imġiba ipokrita bħal din maʼ tħabbeb lil ħadd m’Alla.

17, 18. (a) Kif nistgħu nonoraw lil Ġeħova bl-​imġiba tagħna? (b) Xi jqanqlek tkompli tagħmel għemejjel tajbin?

17 Min-​naħa l-​oħra, it-​tagħlim Kristjan ġenwin u l-​għemejjel tajbin li jsiru lill-​proxxmu jqanqlu l-​qlub. Pereżempju, jum minnhom waqt li pijunier kien qed jipprietka minn dar għal dar, armla mdaħħla fiż-​żmien riedet teħles minnu malajr. Qaltlu li meta ċempel il-​qanpiena, hi kienet fuq sellum fil-​kċina tipprova tbiddel bozza. “Hu perikoluż li tagħmel dan waħdek,” qalilha l-​ħu. Imbagħad il-​pijunier bidlilha l-​bozza u kompla fi triqtu. Meta bin il-​mara sar jaf b’dan, tant baqaʼ impressjonat li pprova jsib lil ħu sabiex jirringrazzjah. Eventwalment, aċċetta studju tal-​Bibbja.

18 Għala int determinat li tkompli tagħmel għemejjel tajbin? Forsi għax taf li meta nuru żelu għall-​ministeru tagħna u naġixxu fi qbil mar-​rieda t’Alla, se nonoraw lil Ġeħova u nistgħu ngħinu lil oħrajn isalvaw. (Aqra l-​1 Korintin 10:31-​33.) Raġuni oħra għala aħna żelużi fil-​ministeru u nġibu ruħna kif jixraq hi għax verament irridu nuru l-​imħabba tagħna lejn Alla u lejn oħrajn. (Mt. 22:37-​39) Jekk aħna żelużi għal għemejjel tajbin, se niġu premjati bil-​kbir b’ferħ u sodisfazzjon issa. Iktar minn hekk, nistgħu nħarsu ’l quddiem għal dak il-​jum meta l-​umanità kollha se turi żelu għall-​qima vera biex tonora lill-​Ħallieq tagħna, Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja