Tistaʼ Tibda Studju tal-Bibbja f’Settembru?
1. Liema sforz speċjali se nagħmlu f’Settembru, u dan x’jinvolvi?
1 Matul Settembru se nagħmlu sforz speċjali biex nibdew studji tal-Bibbja fl-ewwel żjara bil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Dan x’jinvolvi? Minbarra li nħallu l-pubblikazzjoni, aħna rridu nistinkaw biex niddiskutu ftit paragrafi maʼ l-inkwilin u nirranġaw biex inkomplu d-diskussjoni fiż-żjajjar taʼ wara.
2. Kif nistgħu nużaw paġni 4 u 5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? biex nibdew diskussjoni mill-Bibbja?
2 Nistgħu nibdew billi nuru l-istampi f’paġni 4 u 5 tal-ktieb u ngħidu, “Ma tkunx xi ħaġa meraviljuża kieku l-bidliet li jidhru f’dawn l-istampi jseħħu verament?” Ismaʼ t-tweġiba b’attenzjoni. Jekk l-inkwilin juri interess f’wieħed mis-suġġetti, urih x’tgħallem il-Bibbja dwar dak is-suġġett billi tikkunsidra l-paragrafu jew il-paragrafi fil-ktieb li jitkellmu dwaru. Per eżempju, jekk ikun interessat f’li jara l-mard jispiċċa bħalma hu profetizzat f’Isaija 33:24 jew 35:5, 6, iftaħ paġna 36 u iddiskuti paragrafu 22.
3. (a) Jekk użajt preżentazzjoni simili għal dik suġġerita f’paragrafu 3, kif wieġeb l-inkwilin? (b) Liema preżentazzjonijiet oħrajn użajt biex tistinka ħalli tibda studju tal-Bibbja fl-ewwel żjara?
3 Preżentazzjonijiet li jinvolvuna malajr f’diskussjoni mill-Bibbja billi nużaw il-ktieb jistgħu jkunu effettivi. Ladarba ħafna nies iridu ħajja hienja fil-familja, tistaʼ tiddeċiedi li tistaqsi lill-inkwilin, “Taħseb li jekk in-nies japplikaw dan il-parir mill-Bibbja se jiġu megħjunin igawdu ħajja hienja fil-familja?” Aqra Efesin 5:33, u mbagħad agħti ċans għal tweġiba. Il-mistoqsijiet fl-introduzzjoni taʼ kapitlu 14 jistgħu jiġbdu l-attenzjoni taʼ l-individwu, u jagħtuk l-opportunità li tikkunsidra l-ewwel żewġ paragrafi. Hekk kif tiddiskuti l-informazzjoni, int tkun qed tibda studju tal-Bibbja.
4. Jekk nibdew studju fl-ewwel żjara, kif nistgħu nagħmlu arranġamenti biex inkomplu d-diskussjoni?
4 Irranġa biex Tmur Lura: Meta tikkonkludi l-ewwel studju, tistaʼ tirranġa biex tkompli d-diskussjoni billi tgħid: “Fi ftit minuti biss, sirna nafu x’tgħallem il-Bibbja dwar suġġett importanti. Id-darba li jmiss nistgħu niddiskutu [ħalli mistoqsija li tkunu se tikkunsidraw]. Nistaʼ nerġaʼ niġi fl-istess ħin il-ġimgħa d-dieħla?” Agħmel arranġamenti preċiżi biex terġaʼ tmur, u ara li żżomm l-appuntament. (Mt. 5:37) Ladarba jiġi stabbilit studju regulari, iddiskuti l-ktieb sew mill-bidu sa l-aħħar.
5. X’għandna nagħmlu jekk l-inkwilin ma jaċċettax studju tal-Bibbja fl-ewwel żjara?
5 Jekk tħalli kopja tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? imma l-inkwilin ma jaċċettax studju fl-ewwel żjara, erġaʼ mur lura bil-mira li tibda studju tal-Bibbja.