Imita lill-Għalliem il-Kbir Meta Tuża l-Ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
1. Kif kien jgħallem Ġesù?
1 Ġesù, l-Għalliem il-Kbir, dejjem spjega l-affarijiet b’mod sempliċi u ċar. Xi drabi, biex iġiegħel lis-semmiegħa tiegħu jaħsbu, hu l-ewwel kien jistaqsihom x’inhi l-ħarsa tagħhom. (Mt. 17:24-27) Hu kien jidderieġi l-attenzjoni lejn il-Kelma t’Alla. (Mt. 26:31; Mk. 7:6) Kien joqgħod attent li ma jagħtihomx ħafna informazzjoni, billi kien jaf li kienu se jibqgħu jitgħallmu. (Ġw. 16:12) Ġesù kien interessat ukoll jekk id-dixxipli tiegħu kinux qed jemmnu u jifhmu dak li kien qed jgħallimhom. (Mt. 13:51) Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? huwa magħmul biex jgħinna ngħallmu b’mod simili.
2. B’liema modi nistgħu nużaw il-mistoqsijiet tal-bidu f’kull kapitlu?
2 Il-Mistoqsijiet tal-Bidu: Meta tibda tistudja kapitlu, huwa tajjeb li tiġbed l-attenzjoni lejn il-mistoqsijiet tal-bidu taħt it-titlu. Qajjem mistoqsijiet retoriċi sabiex tqanqal l-aptit taʼ l-istudent. Jew tistaʼ tistiednu jikkummenta fil-qosor fuq dawn il-mistoqsijiet. M’għandekx għalfejn tiddiskuti l-kummenti tiegħu fit-tul jew tikkoreġi kull stqarrija ħażina li jagħmel. Tistaʼ sempliċement tirringrazzjah tal-ħsibijiet tiegħu u tibda tikkunsidra l-materjal. Il-kummenti tiegħu fuq il-mistoqsijiet tal-bidu se jgħinuk issir taf jekk hemmx bżonn tagħti iktar attenzjoni lil xi parti tal-lezzjoni.
3. Kif nistgħu nżommu l-istudju sempliċi?
3 L-Iskritturi: L-istudju għandu jiċċentra fuq l-iskritturi. (Ebr. 4:12) Madankollu, m’għandekx għalfejn taqra kull vers ċitat. Enfasizza dawk il-versi li juru x’inhi l-bażi Skritturali għat-twemmin tagħna. Għandu mnejn li skritturi li jipprovdu informazzjoni sekondarja ma jkollhomx għalfejn jinqraw. Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jippreżenta l-verità b’mod dirett. Żomm l-istudju sempliċi. Iffoka fuq il-punti prinċipali, u evita t-tendenza li titkellem ħafna dwar xi dettalji jew li tinkludi materjal żejjed bla bżonn fid-diskussjoni.
4. X’jiddetermina jekk għandniex nieħdu l-ħin matul l-istudju sabiex nikkunsidraw l-informazzjoni mill-appendiċi?
4 L-Appendiċi: L-appendiċi tkopri 14-il suġġett li jkomplu jsaħħu t-test prinċipali. Mhux bilfors għandek tiddiskuti dawn is-suġġetti matul l-istudju. Dwar ċerti suġġetti, tistaʼ tagħżel li tinkuraġġixxi lill-istudent tiegħek biex jaqra l-materjal supplimentarju waħdu, speċjalment jekk jifhem u jaċċetta l-informazzjoni fit-test prinċipali. Per eżempju, jekk l-istudent diġà jemmen li Ġesù hu l-Messija, jistaʼ ma jkunx hemm għalfejn tiddiskuti miegħu s-suġġett “Ġesù Kristu—Il-Messija Mwiegħed” meta tiddiskuti kapitlu 4, “Min Hu Ġesù Kristu?” F’okkażjonijiet oħrajn, jistaʼ jkun taʼ benefiċċju li tieħu l-ħin matul l-istudju sabiex tiddiskuti l-materjal taʼ l-appendiċi jew xi parti minnu.
5. Jekk nagħżlu li nikkunsidraw l-informazzjoni mill-appendiċi, dan kif nistgħu nagħmluh?
5 Jekk tagħżel li tiddiskuti l-materjal taʼ l-appendiċi, tistaʼ tipprepara xi mistoqsijiet bil-quddiem u tikkunsidra l-paragrafi maʼ l-istudent bl-istess mod bħalma tagħmel fit-test prinċipali. Jew skond il-bżonnijiet taʼ l-istudent, tistaʼ tagħżel li tieħu ftit minuti matul l-istudju sabiex tirrivedi l-informazzjoni miegħu. Dan se jgħinek tkun ċert li qed jifhem il-materjal li jaqra meta jkun waħdu.
6. Kif tistaʼ tintuża l-kaxxa tar-reviżjoni fl-aħħar taʼ kull kapitlu?
6 Il-Kaxxa tar-Reviżjoni: Il-kaxxa fl-aħħar taʼ kull kapitlu tipprovdi stqarrijiet li normalment iwieġbu l-mistoqsijiet tal-bidu. Tistaʼ tuża dawn listqarrijiet sabiex tirrivedi lpunti prinċipali tal-kapitlu. Xi pubblikaturi sabu t’għajnuna li jaqraw kull stqarrija u forsi l-iskritturi konnessi magħha maʼ l-istudent. Imbagħad, jistaqsu lill-istudent biex jispjega fil-qosor kif l-iskritturi juru li l-istqarrija hija minnha. Dan jgħin lill-għalliem ikun jaf jekk l-istudent huwiex qed jifhem sew il-punti prinċipali tal-lezzjoni u kif dawn huma appoġġati mill-Bibbja u jekk jaqbilx magħhom. Dan iħarreġ ukoll lill-istudent kif juża l-Bibbja biex jispjega l-verità lil oħrajn.
7. Kif nistgħu nużaw il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? sabiex inwettqu l-inkarigu tagħna?
7 L-iktar mod effettiv kif inwettqu l-inkarigu tagħna taʼ li ngħallmu lin-nies u nagħmlu dixxipli hu li nimitaw il-metodi li uża Ġesù biex jgħallem. (Mt. 28:19, 20) Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jistaʼ jgħinna biex nagħmlu dan. Agħmel użu tajjeb minnu biex tgħallem il-verità lil oħrajn b’mod ċar, sempliċi, u interessanti.