LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 6/96 p. 3
  • Kif Nagħmlu Dixxipli Bil-Ktieb Għarfien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nagħmlu Dixxipli Bil-Ktieb Għarfien
  • Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Materjal Simili
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—L-Ewwel Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—It-Tieni Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Għin lill-Istudent tal-Bibbja Tiegħek Isir Dixxiplu Mgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Oqgħod Attent għall-“Arti tat-Tagħlim” Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—1996
km 6/96 p. 3

Kif Nagħmlu Dixxipli Bil-​Ktieb Għarfien

1 Mira li kull Kristjan għandu jkollu hija li jgħallem il-​verità lil oħrajn u li jagħmel dixxipli minn dawk li huma “disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48; Matt. 28:​19, 20) L-​organizzazzjoni taʼ Jehovah tatna f’idejna biċċa għodda mill-​aqwa biex inwettqu dan​—il-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. It-​titlu jġib quddiem għajnejna l-​importanza kbira taʼ studji tal-​Bibbja fid-​dar, għax il-​ħajja taʼ dejjem tiddependi fuq li wieħed jieħu għarfien dwar Jehovah, l-​uniku Alla veru, u dwar Ibnu, Ġesù Kristu.​—Ġwn. 17:3.

2 Il-​ktieb Għarfien huwa issa l-​ktieb prinċipali tas-​Soċjetà li se jiġi wżat biex nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​dar. Billi nużawh, inkunu nistgħu ngħallmu l-​verità b’mod sempliċi, b’mod ċar, u fil-​qosor. Dan se jgħin biex tintlaħaq il-​qalb taʼ dawk li jkunu qegħdin jiġu mgħallmin. (Luqa 24:32) M’għandniex xi ngħidu, dak li jikkonduċi għandu bżonn juża metodi tajbin taʼ tagħlim. Għal dan l-​għan, ġie ppreparat dan l-​insert biex joffri suġġerimenti u tfakkiriet rigward metodi taʼ tagħlim li wrew li huma effettivi. B’dehen, u skond iċ-​ċirkostanzi tiegħek, int tkun tistaʼ forsi tapplika b’mod progressiv xi ftit minn jew dak kollu li huwa ppreżentat hawn. Erfgħu dan l-​insert, u rreferi għalih taʼ spiss. Diversi punti fih għandhom mnejn jgħinuk biex tkun iktar effettiv f’li tuża l-​ktieb Għarfien biex tagħmel dixxipli.

3 Ikkonduċi Studju Progressiv Tal-​Bibbja Fid-​Dar: Ħu interess ġenwin fl-​istudent bħala wieħed li għad ikun dixxiplu Kristjan u ħu jew oħt spiritwali. Uri simpatija mill-​qalb, kun dħuli, u mimli bil-​ħeġġa. Billi tagħti widen sewwa, tistaʼ ssir taf lill-​individwu​—l-​ambjent tat-​trobbija tiegħu u fejn jinsab fil-​ħajja—​u dan jgħinek tagħraf liema hu l-​aħjar mod biex tgħinu spiritwalment. Kun lest li tagħti minnek innifsek għall-​istudent.​—1 Tess. 2:8.

4 Ladarba jiġi stabbilit studju, huwa ppreferut li l-​kapitli tal-​ktieb Għarfien jiġu studjati wieħed wara l-​ieħor. B’dan il-​mod l-​istudent ikun jistaʼ jikseb fehma progressiva tal-​verità, peress li l-​ktieb jiżviluppa s-​suġġetti Bibliċi fis-​sekwenza l-​iktar loġika. Żomm l-​istudju sempliċi u interessanti sabiex ikun mexxej u vivaċi. (Rum. 12:11) Dejjem skond iċ-​ċirkostanzi taʼ l-​istudent u l-​abbiltà tiegħu li jitgħallem, jistaʼ jkun possibbli għalik li tkopri l-​biċċa l-​kbira tal-​kapitli f’sessjoni waħda taʼ siegħa jew xi ħaġa hekk, mingħajr ma tgħaġġel l-​istudju. L-​istudenti jagħmlu progress aħjar meta kemm l-​għalliem u kemm l-​istudent iżommu l-​appuntament tagħhom għall-​istudju kull ġimgħa. B’hekk, fil-​biċċa l-​kbira, għandu mnejn ikun possibbli li d-​19-il kapitlu tal-​ktieb jitlestew f’madwar sitt xhur.

5 Introduċi kull sessjoni b’rimarki qosra li jqanqlu l-​interess fil-​materjal. Se tinduna li t-​titlu taʼ kull kapitlu huwa t-​tema tiegħu, li jeħtieġ li tiġi enfasizzata. Kull sottitlu joħroġ punt prinċipali, biex jgħinek tiffoka fuq it-​tema tal-​kapitlu. Oqgħod attent li ma titkellimx iżżejjed. Minflok, ipprova ara kif jaħsibha l-​istudent. Mistoqsijiet speċifiċi mqegħdin lill-​istudent biex jidderiġuh, fuq il-​bażi taʼ dak li diġà jaf, se jgħinuh biex jirraġuna u biex jasal għal konklużjonijiet korretti. (Matt. 17:​24-26; Luqa 10:​25-37; ara l-​iSchool Guidebook, paġna 51, paragrafu 10.) Żomm qrib maʼ l-​informazzjoni miktuba fil-​ktieb Għarfien. Jekk tintroduċi dettalji żejda tistaʼ titbiegħed minn jew iċċajpar il-​punti prinċipali u ttawwal l-​istudju. (Ġwn. 16:12) Jekk tiġi mqajma mistoqsija li m’għandhiex x’taqsam mas-​suġġett li jkun qiegħed jiġi studjat, fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi tkun tistaʼ tweġibha fl-​aħħar tas-​sessjoni. B’hekk tkun tistaʼ tkopri l-​lezzjoni għal dik il-​ġimgħa mingħajr ma toħorġu barra mis-​suġġett. Spjega lill-​istudent li fl-​aħħar mill-​aħħar ħafna mill-​mistoqsijiet persunali tiegħu se jiġu mweġbin hekk kif jitkompla l-​istudju.​—Ara l-​iSchool Guidebook, paġna 94, paragrafu 14.

6 Jekk l-​istudent jemmen bis-​sħiħ fit-​Trinità, fl-​immortalità tar-​ruħ, fl-​infern, jew f’duttrini foloz bħal dawn, u dak li huwa ppreżentat fil-​ktieb Għarfien ma jissodisfahx, tistaʼ tagħtih il-​ktieb Reasoning jew xi pubblikazzjoni oħra li tiddiskuti s-​suġġett. Għidlu li se tiddiskuti s-​suġġett miegħu wara li joqgħod jaħseb fuq dak li jkun qara.

7 Li tiftaħ u tagħlaq l-​istudju b’talba għall-​gwida u għall-​barka taʼ Jehovah jagħti dinjità lill-​okkażjoni, joħloq atmosfera taʼ rispett, u jiġbed l-​attenzjoni lejn Jehovah bħala l-​veru Għalliem. (Ġwn. 6:45) Jekk l-​istudent għadu jpejjep, int se jkollok maż-​żmien titolbu biex ma jpejjipx matul l-​istudju.​—Atti 24:16; Ġak. 4:3.

8 Għallem B’Mod Effettiv Bl-​Iskritturi, Bit-​Tixbihat, u Bil-​Mistoqsijiet Taʼ Reviżjoni: Studja kemm studja dak il-​materjal qabel, għalliem tas-​sengħa se jirrevedi kull lezzjoni bl-​istudent partikulari f’moħħu. Dan jgħinek biex taħseb bil-​quddiem dwar xi mistoqsijiet taʼ l-​istudent. Biex tgħallem b’mod effettiv, ifhem sewwa l-​punti prinċipali fil-​kapitlu. Fittex l-​iskritturi biex tara kif japplikaw skond il-​materjal, u iddeċiedi liema minnhom għandhom jinqraw matul l-​istudju. Aħseb kif tistaʼ tgħallem billi tuża t-​tixbihat u l-​mistoqsijiet tar-​reviżjoni fit-​tmiem tal-​kapitlu.

9 Billi tuża l-​iskritturi b’mod effettiv, se tgħin lill-​istudent japprezza li hu verament qiegħed jistudja l-​Bibbja. (Atti 17:11) Billi tuża l-​kaxxa “Agħmel Użu Tajjeb Mill-​Bibbja Tiegħek,” f’paġna 14 tal-​ktieb Għarfien, għallmu kif isib l-​iskritturi. Urih kif jidentifika l-​versi kkwotati fil-​lezzjoni. Skond ma jippermetti l-​ħin, fittxu u aqraw l-​iskritturi ċċitati li m’humiex ikkwotati. Għid lill-​istudent biex jikkummenta kif dawn jappoġġjaw jew jiċċaraw dak li jintqal fil-​paragrafu. Enfasizza s-​siltiet prinċipali tat-​testi biex hu jkun jistaʼ japprezza r-​raġunijiet għall-​punti ewlenin fil-​lezzjoni. (Neħ. 8:8) Ġeneralment, m’hemmx għalfejn li l-​għalliem idaħħal testi oħrajn fid-​diskussjoni barra minn dawk li jipprovdi l-​ktieb. Ikkummenta fuq il-​valur taʼ li wieħed ikun jaf l-​ismijiet u l-​ordni tal-​kotba fil-​Bibbja. Jistaʼ jkun t’għajnuna għall-​istudent li jaqra paġni 27-​30 taʼ The Watchtower, tal-​15 taʼ Ġunju, 1991. Meta jkun xieraq, ħeġġeġ l-​użu tan-​New World Translation. Tistaʼ bil-​mod il-​mod turih kif juża l-​aspetti varji tagħha, bħalma huma r-​referenzi marġinali u l-​indiċi tal-​kliem fil-​Bibbja.

10 Studju 34 fit-​Theocratic Ministry School ­Guidebook jispjega li t-​tixbihat iqanqlu l-​fakultà tal-​ħsieb taʼ l-​individwu u jagħmluha iktar faċli li jifhem ħsibijiet ġodda. Huma jgħaqqdu l-​ġibda intellettwali maʼ l-​impatt emozzjonali, u b’hekk il-​messaġġ huwa mogħti b’forza li taʼ spiss ma jkunx possibbli b’sempliċi stqarrijiet taʼ fatti. (Matt. 13:34) Il-​ktieb Għarfien għandu għadd kbir taʼ tixbihat taʼ tagħlim li huma sempliċi imma qawwijin. Per eżempju, tixbieha wżata f’kapitlu 17 tibni apprezzament lejn kif, f’sens spiritwali, Jehovah iforni l-​ikel, l-​ilbies, u l-​għata permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana. L-​istampi mill-​isbaħ fil-​ktieb Għarfien jistgħu jiġu wżati b’mod effettiv biex iqanqlu l-​emozzjonijiet. Taħt is-​sottitlu “L-​Irxoxt Ferrieħi,” f’paġna 185, l-​impatt taʼ paragrafu 18 se jiġi msaħħaħ jekk tgħid lill-​istudent iħares lura lejn l-​istampa f’paġna 86. Dan jistaʼ jqanqlu biex jaħseb dwar l-​irxoxt bħala realtà taħt is-​Saltna t’Alla.

11 L-​istudenti tal-​Bibbja għandhom bżonn jagħmlu progress spiritwali maʼ kull lezzjoni. Għal din ir-​raġuni, tonqosx li tistaqsi l-​mistoqsijiet taʼ reviżjoni fil-​kaxxa “Ittestja L-​Għarfien Tiegħek” li tidher fit-​tmiem taʼ kull kapitlu. Stenna iktar minn spjegazzjoni intellettwali taʼ dak li ġie studjat. Ħafna minn dawn il-​mistoqsijiet ġew maħsubin biex dak li jkun jagħti tweġiba persunali minn qalbu. Per eżempju, ara paġna 31, fejn l-​istudent hu mistoqsi: “Liema kwalitajiet t’Alla Jehovah jappellaw speċjalment għalik?”​—2 Kor. 13:5.

12 Ħarreġ Lill-​Istudenti Biex Jippreparaw Għall-​Istudju: Student li jaqra l-​lezzjoni minn qabel, li jimmarka t-​tweġibiet, u li jaħseb kif se jesprimihom fi kliemu stess se jagħmel progress spiritwali iktar mgħaġġel. Bl-​eżempju u bl-​inkuraġġiment tiegħek, tistaʼ tħarrġu biex jipprepara għall-​istudju. Urih il-​ktieb tiegħek, fejn tkun immarkajt jew għamilt linja taħt il-​kliem jew frażijiet prinċipali. Spjega kif issib tweġibiet diretti għall-​mistoqsijiet imniżżlin. Jistaʼ jkun t’għajnuna għall-​istudent jekk tippreparaw kapitlu flimkien. Ħeġġu biex jesprimi lilu nnifsu fi kliemu stess. Imbagħad biss ikun ċar jekk qigħedx jifhem il-​materjal. Jekk jaqra t-​tweġiba tiegħu mill-​ktieb, tistaʼ tqanqallu l-​ħsieb tiegħu billi tistaqsih kieku kif kien jispjega l-​punt fi kliemu stess lil xi ħadd ieħor.

13 Ħeġġeġ lill-​istudent biex, bħala parti mill-​preparazzjoni tiegħu taʼ kull ġimgħa, ifittex l-​iskritturi li ma jkunux ikkwotati, għax forsi ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jinqraw kollha matul l-​istudju. Faħħru għall-​isforz li qiegħed jagħmel fil-​lezzjonijiet tiegħu. (2 Piet. 1:5; ara It-​Torri Taʼ L-​Għassa, tal-​15 taʼ Novembru, 1993, paġni ­9-10 [w93 8/15, p. 13-14], għal suġġerimenti oħrajn taʼ x’jistgħu jagħmlu kemm l-​għalliem u kemm l-​istudent biex jiżdied it-​tagħlim matul studju tal-​Bibbja.) B’dan il-​mod, l-​istudent qiegħed jiġi mħarreġ biex jipprepara għal u biex jagħmel kummenti mimlijin sens fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Ikun qiegħed jitgħallem kif jiżviluppa drawwiet tajbin taʼ studju persunali li se jgħinuh biex ikompli jimxi ’l quddiem fil-​verità wara li jitlesta l-​istudju persunali tiegħu tal-​Bibbja fil-​ktieb Għarfien.​—1 Tim. 4:15; 1 Piet. 2:2.

14 Idderieġi Lill-​Istudenti Lejn L-​Organizzazzjoni Taʼ Jehovah: Hija r-​responsabbiltà taʼ kull min jagħmel dixxipli li jidderieġi l-​interess taʼ l-​istudent lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. L-​istudent se javanza iktar malajr lejn il-​maturità spiritwali jekk jagħraf u japprezza l-​organizzazzjoni u jirrealizza l-​bżonn li jsir parti minnha. Nixtiquh li jsib ferħ f’li jissieħeb man-​nies t’Alla u li jħares ’il quddiem lejn li jkun magħna fis-​Sala tas-​Saltna, fejn ikun jistaʼ jirċievi l-​appoġġ spiritwali u emozzjonali li toffri l-​kongregazzjoni Kristjana.​—1 Tim. 3:15.

15 Il-​brochure Jehovah’s Witnesses​—Unitedly Doing God’s Will Worldwide ġie mħejji biex individwi jsiru midħla taʼ l-​unika organizzazzjoni viżibbli li Jehovah qiegħed juża llum biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. Ladarba jiġi stabbilit l-​istudju, għala ma tagħtihx kopja lill-​istudent? Mill-​bidunett, kompli stieden lill-​istudent għal-​laqgħat. Spjega kif dawn isiru. Tistaʼ tgħidlu t-​titlu tat-​taħdita pubblika li jmiss u turih l-​artiklu li se jiġi diskuss fl-​Istudju taʼ It-​Torri Taʼ L-​Għassa. Forsi tkun tistaʼ tieħdu jara s-​Sala tas-​Saltna meta ma jkunx hemm xi laqgħa għaddejja sabiex tbatti kwalunkwe anzjetà li jistaʼ jkollu dwar li jmur f’post ġdid għall-​ewwel darba. Forsi tkun tistaʼ toffrilu li tieħdu għal-​laqgħat. Meta jattendi, agħmlu jħossu milqugħ u komdu. (Matt. 7:12) Introduċih maʼ Xhieda oħrajn, inklużi l-​anzjani. Nisperaw li hu se jibda jħares lejn il-​kongregazzjoni bħala l-​familja spiritwali tiegħu. (Matt. 12:​49, 50; Mark 10:​29, 30) Tistaʼ tpoġġilu mira quddiemu, bħal per eżempju li jattendi laqgħa waħda fil-​ġimgħa, u b’mod progressiv iżżidlu l-​mira.​—Ebr. 10:​24, 25.

16 Hekk kif jibda miexi l-​istudju tal-​Bibbja fid-​dar bil-​ktieb Għarfien, enfasizza s-​siltiet li jagħtu importanza lill-​bżonn taʼ li jissieħeb regolarment mal-​kongregazzjoni fil-​laqgħat. Innota b’mod speċjali paġni 52, 115, 137-9, 159, kif ukoll kapitlu 17. Esprimi s-​sentimenti profondi t’apprezzament tiegħek stess lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Matt. 24:​45-47) Tkellem b’mod pożittiv dwar il-​kongregazzjoni lokali u dwar dak li titgħallem fil-​laqgħat. (Salm 84:10; 133:​1-3) Ikun tajjeb jekk l-​istudent ikun jistaʼ jara l-​videos kollha tas-​Soċjetà, billi jibda minn Jehovah’s Witnesses​—The Organization Behind the Name. Għal iktar ideat dwar kif tidderieġi l-​interess lejn l-​organizzazzjoni, ara It-​Torri Taʼ L-​Għassa, taʼ l-​1 taʼ Frar, 1985, paġni 15-19 (w84 11/1, p. 14-18), u l-​insert taʼ l-​Our Kingdom Ministry t’April taʼ l-​1993.

17 Ħeġġeġ Lill-​Istudenti Biex Jagħtu Xiehda Lil Oħrajn: Il-​mira tagħna f’li nistudjaw man-​nies hija li nagħmlu dixxipli li jagħtu xiehda għal Jehovah. (Isa. 43:​10-​12) Dan ifisser li l-​għalliem għandu jħeġġeġ lill-​istudent biex jitkellem m’oħrajn dwar dak li qiegħed jitgħallem mill-​Bibbja. Dan jistaʼ jsir billi sempliċement tistaqsi: “Kieku kif kont tispjegaha din il-​verità lill-​familja tiegħek?” jew “Xi skrittura kont tuża biex tagħti prova taʼ dan lil xi ħabib?” Enfasizza postijiet prinċipali fil-​ktieb Għarfien fejn huwa mħeġġeġ l-​għoti taʼ xiehda, bħalma huma paġni 22, 93-5, 105-6, kif ukoll kapitlu 18. Meta jkun xieraq, l-​istudent jistaʼ jingħata xi fuljetti biex jużahom meta jagħti xiehda informali lil oħrajn. Issuġġerilu li jistieden lill-​membri tal-​familja tiegħu biex joqogħdu għall-​istudju tiegħu. Għandu xi ħbieb li jixtiequ wkoll li jistudjaw? Staqsih biex tiltaqaʼ maʼ dawk li għandhom interess.

18 Billi jattendi l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​Laqgħa tas-​Servizz, id-​dixxiplu prospettiv jistaʼ jirċievi iktar taħriġ u stimulu li se jgħinuh biex isir pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba. Meta jesprimi interess f’li jinkiteb fl-​iskola jew f’li jsir pubblikatur mhux mgħammed, japplikaw il-​prinċipji li huma mniżżlin f’paġni 98 u 99 tal-​ktieb Our Min­istry. Jekk xi aspett taʼ ħajtu jżommu lura milli jikkwalifika, tistaʼ tfittex fil-​pubblikazzjoni tas-​Soċjetà għal xi materjal t’għajnuna li jittratta dwar il-​kwistjoni u aqsmu miegħu. Per eżempju, xi student jistaʼ jkun qiegħed ikollu diffikultà biex jegħleb xi vizzju tat-​tabakk jew drogi oħrajn. Il-​ktieb Reasoning juri ċar xi raġunijiet Skritturali qawwijin għala l-​Kristjani jevitaw vizzji taʼ ħsara bħal dawn, u f’paġna 112 juri mod li kien taʼ suċċess f’li għen lil oħrajn biex jaqtgħu l-​vizzji. Itlob miegħu rigward il-​kwistjoni, fil-​waqt li tgħallmu kif ikompli jiddependi iżjed fuq Jehovah għall-​għajnuna.​—Ġak. 4:8.

19 Il-​proċedura li għandha tiġi segwita f’li jiġi ddeterminat jekk wieħed jikkwalifikax biex jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku hija mniżżla f’It-Torri Taʼ L-​Għassa, taʼ l-​1 taʼ Frar, 1996, paġna 11, paragrafu 6 (w96 1/15, p. 16, par. 6). Meta l-​istudent jikkwalifika, ikun t’għajnuna jekk tikkonduċi sessjoni taʼ prattika biex tippreparah għall-​ewwel ġurnata tiegħu fis-​servizz taʼ l-​għalqa. B’mod pożittiv, iddiskuti r-​reazzjonijiet u l-​oġġezzjonijiet tan-​nies li huma komuni fit-​territorju tiegħek. Għall-​ewwel, ibdieh fix-​xogħol minn dar għal dar jekk inhu possibbli, u b’mod progressiv ħarrġu f’aspetti oħrajn tal-​ministeru. Jekk iżżomm il-​preżentazzjoni tiegħek qasira u sempliċi, ikun faċli għalih biex jagħmel bħalek. Kun inkuraġġanti u li tibni, billi turi ferħ fix-​xogħol, biex b’hekk jirrikonoxxi l-​ispirtu tiegħek u jirriflettih. (Atti 18:25) Il-​mira taʼ dixxiplu ġdid għandha tkun li jsir pubblikatur regulari u żeluż taʼ l-​aħbar tajba. Forsi int tkun tistaʼ tgħinu jfassal skeda prattika għas-​servizz. Sabiex ikun jistaʼ jtejjeb l-​abbiltà tiegħu f’li jagħti xiehda lil oħrajn, tistaʼ tissuġġerilu li jaqra l-​ħarġiet taʼ It-​Torri Taʼ L-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 1984, paġni 10-15 (w84 8/15, p. 15-25); tal-​15 t’Ottubru, 1988, paġni 3-13 (w88 7/15, p. 9-20); tal-​15 t’April, 1991, paġni 11-16 (w91 1/15, p. 15-20); u taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1994, paġni 24-9 (w94 1/1, p. 20-5).

20 Qanqal Lill-​Istudenti Lejn Dedikazzjoni u Magħmudija: Għandu jkun possibbli għal student taʼ qalb sinċiera li jitgħallem biżżejjed permezz taʼ studju mill-​ktieb Għarfien biex jagħmel dedikazzjoni lil Alla u jikkwalifika għall-​magħmudija. (Qabbel Atti 8:​27-39; 16:​25-34.) Madankollu, qabel ma persuna tiġi mqanqla biex tagħmel dedikazzjoni, għandha bżonn tiżviluppa devozzjoni lejn Jehovah. (Salm 73:​25-28) Waqt li jkun għaddej l-​istudju, fittex għal opportunitajiet biex tibni apprezzament lejn il-​kwalitajiet taʼ Jehovah. Esprimi s-​sentimenti profondi tiegħek stess lejn Alla. Għin lill-​istudent biex jaħseb kif se jiżviluppa relazzjoni kordjali u persunali maʼ Jehovah. Jekk verament isir jaf u jħobb ’l Alla, hu mbagħad se jaqdi Lilu lealment, għax id-​devozzjoni lejn Alla għandha x’taqsam maʼ kif inħossuna dwar Jehovah bħala persuna.​—1 Tim. 4:​7, 8; ara l-​iSchool Guidebook, paġna 76, paragrafu 11.

21 Stinka biex tilħaq il-​qalb taʼ l-​istudent. (Salm 119:11; Atti 16:14; Rum. 10:10) Hu għandu bżonn jifhem kif il-​verità teffettwah personalment u jiddeċiedi x’għandu jagħmel b’dak li tgħallem. (Rum. 12:2) Jemmen hu bis-​sħiħ il-​verità li qiegħda tiġi murija lilu ġimgħa wara l-​oħra? (1 Tess. 2:13) Għal dan l-​għan, int tistaʼ ssir taf x’inhu jħoss ġewwa fih l-​istudent billi bid-​dehen tistaqsi mistoqsijiet dwar il-​ħarsa tiegħu, bħal per eżempju: “Int kif tħossok dwar dan?” “Kif tistaʼ tapplika dan f’ħajtek?” Permezz tal-​kummenti tiegħu int tistaʼ tagħraf fejn hemm bżonn taʼ iktar għajnuna biex tilħaqlu qalbu. (Luqa 8:15; ara ­l-iSchool ­Guidebook, paġna 52, paragrafu 11.) Il-​kliem ħdejn l-​istampi f’paġni 172 u 174 fil-​ktieb Għarfien jistaqsi: “Għamilt int dedikazzjoni lil Alla bit-​talb?” u “X’qiegħed iżommok milli titgħammed?” Dawn jistgħu b’mod effettiv iqanqlu lill-​istudent biex jieħu azzjoni.

22 Il-​proċedura li għandha tiġi segwita meta pubblikatur mhux mgħammed jixtieq jitgħammed hija mniżżla f’It-Torri Taʼ L-​Għassa, taʼ l-​1 taʼ Frar, 1996, paġna 12, paragrafu 9 (w96 1/15, p. 17, par. 9). Il-​ktieb Għarfien ġie miktub bl-​oġġettiv li jforni lill-​persuna biex tkun tistaʼ twieġeb il-​“Questions for Those Desiring to Be Baptized” (Mistoqsijiet Għal Dawk Li Jixtiequ Jitgħammdu), li qegħdin fl-​appendiċi tal-​ktieb Our Min­istry, u li l-​anzjani se jgħaddu magħha. Jekk int enfasizzajt it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet imniżżlin fil-​ktieb Għarfien, l-​istudent għandu jkun armat biżżejjed għas-​sessjonijiet tal-​mistoqsijiet li l-​anzjani jikkonduċu bħala preparazzjoni għall-​magħmudija tiegħu.

23 Għin Lil Dawk Li Jlestu L-​Istudju Tal-​Bibbja Fid-​Dar: Huwa mistenni li saż-​żmien li persuna tlesti studju fil-​ktieb Għarfien, is-​sinċerità u l-​profondità taʼ l-​interess tagħha f’li taqdi ’l Alla għandhom ikunu jidhru ċari. (Matt. 13:23) Hu għalhekk li l-​aħħar sottitlu tal-​ktieb jistaqsi: “Int X’Se Tagħmel?” Il-​paragrafi taʼ l-​għeluq jappellaw lill-​istudent biex jiffoka fuq ir-​relazzjoni li suppost żviluppa m’Alla, fuq il-​bżonn li japplika l-​għarfien li tgħallem, u fuq il-​bżonn li jaġixxi malajr f’li juri l-​imħabba tiegħu lejn Jehovah. M’hemm l-​ebda arranġament biex jiġu studjati kotba oħrajn maʼ dawk li lestew il-​ktieb Għarfien. Spjega bil-​ħlewwa u b’mod ċar lil student li naqas li jirreaġixxi għall-​għarfien dwar Alla x’għandu jagħmel biex jimxi ’l quddiem spiritwalment. Forsi tistaʼ tibqaʼ tmur tarah kull tant żmien, u b’hekk tħallilu t-​triq miftuħa biex jieħu l-​passi li jwasslu għall-​ħajja taʼ dejjem.​—Ekkl. 12:13.

24 Dixxiplu ġdid li jħaddan il-​verità u jiġi mgħammed se jkollu bżonn ħafna iktar fejn jikber fl-​għarfien u fil-​fehma tiegħu sabiex ikun stabbli bis-​sħiħ fil-​fidi. (Kol. 2:​6, 7) Minflok ma jitkompla l-​istudju tiegħu tal-​Bibbja fid-​dar wara li jkun tlesta l-​ktieb Għarfien, tistaʼ tagħmel lilek innifsek disponibbli biex tipprovdi kwalunkwe għajnuna persunali li jistaʼ jkollu bżonn biex jimmatura spiritwalment. (Gal. 6:10; Ebr. 6:1) Min-​naħa tiegħu, hu jistaʼ jipperfezzjona l-​fehma tiegħu billi jaqra l-​Bibbja kuljum, billi personalment jistudja It-​Torri Taʼ L-​Għassa u pubblikazzjonijiet oħrajn taʼ l-​‘irsir leali,’ billi jipprepara għal-​laqgħat u jattendihom, u billi jiddiskuti l-​verità maʼ kredenti sħabu. (Matt. 24:​45-47; Salm 1:2; Atti 2:​41, 42; Kol. 1:​9, 10) Il-​qari tiegħu tal-​ktieb Our Ministry u l-​applikar minnu taʼ dak li fih se jkollu sehem vitali f’li hu jsir organizzat b’mod teokratiku biex iwettaq il-​ministeru tiegħu bis-​sħiħ.​—2 Tim. 2:2; 4:5.

25 Niżviluppaw L-​Arti Tat-​Tagħlim: Aħna ġejna kkmandati biex ‘nagħmlu dixxipli min-​nies u ngħallmuhom.’ (Matt. 28:​19, 20) Peress li l-​arti tat-​tagħlim għandha x’taqsam mingħajr l-​ebda dubju maʼ li nagħmlu dixxipli, jeħtieġ li nistinkaw biex nitjiebu bħala għalliema. (1 Tim. 4:16; 2 Tim. 4:2) Għal iktar suġġerimenti dwar kif tistaʼ tiżviluppa l-​arti tat-​tagħlim, forsi tixtieq taqra: “De­vel­oping the Art of Teaching” (Niżviluppaw L-​Arti Tat-​Tagħlim) u “Reaching the Heart of Your Lis­teners” (Kif Tilħaq Il-​Qalb Tas-​Semmiegħa Tiegħek) fl-​iSchool Guidebook, studji 10 u 15; ­“Teacher, Teaching” fl-​Insight, it-​2 Volum; u l-​artikli f’It-Torri Taʼ L-​Għassa “Ibni B’Materjal Li Jirreżisti N-​Nar” u “Meta Tgħallem, Ilħaq Il-​Qalb,” taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1984 (w84 8/1); “Tirraġuna Int B’Mod Effettiv Mill-​Iskrittura?,” taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1986 (w86 3/1); u “How to Find Joy in Disciple Making” (Kif Issib Ferħ F’Li Tagħmel Dixxipli), f’The Watchtower, tal-​15 taʼ Frar, 1996.

26 Hekk kif tistinka biex tagħmel dixxipli, billi tuża l-​ktieb Għarfien, dejjem itlob li Jehovah, dak li “ikabbar,” ibierek l-​isforzi tiegħek f’li tilħaq il-​qlub umani bl-​aħbar tajba tas-​Saltna. (1 Kor. 3:​5-7) Jalla int tesperjenza l-​ferħ li tgħallem oħrajn biex jifhmu, biex japprezzaw, u biex jaġixxu fuq l-​għarfien li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja