Oqgħod Attent għall-“Arti tat-Tagħlim” Tiegħek
“Ippriedka l-kelma . . . widdeb, ċanfar, ħeġġeġ, bil-paċenzja kollha u bl-arti tat-tagħlim.”—2 TIM. 4:2.
1. Ġesù liema kmand ta lid-dixxipli tiegħu, u liema eżempju ħalla?
MINKEJJA l-għemejjel taʼ l-għaġeb taʼ fejqan li wettaq Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, primarjament hu ma kienx magħruf bħala wieħed li jfejjaq jew li jagħmel il-mirakli, imma bħala għalliem. (Mk. 12:19; 13:1) Il-prijorità taʼ Ġesù kienet li jxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, u din hi l-istess prijorità tas-segwaċi tiegħu llum. Il-Kristjani għandhom inkarigu biex ikomplu x-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli billi jgħallmu lin-nies josservaw dak kollu li kkmanda Ġesù.—Mt. 28:19, 20.
2. Xi rridu nagħmlu sabiex inwettqu l-inkarigu tagħna taʼ l-ippridkar?
2 Sabiex inwettqu l-inkarigu tagħna ħalli nagħmlu dixxipli, aħna kontinwament infittxu modi kif nistgħu ntejbu l-abbiltà tagħna biex ngħallmu. L-appostlu Pawlu enfasizza l-importanza taʼ din l-abbiltà meta kiteb lil sieħbu fl-ippridkar Timotju. Hu qal: “Oqgħod attent il-ħin kollu għalik innifsek u għat-tagħlim tiegħek. Żomm maʼ dawn l-affarijiet, għax jekk tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.” (1 Tim. 4:16) It-tagħlim li Pawlu kellu f’moħħu ma kienx sempliċement l-għoti t’għarfien. Ministri Kristjani effettivi jmissu qalb in-nies u jimmotivawhom biex jagħmlu bidliet f’ħajjithom. Din hi arti. Allura kif nistgħu niżviluppaw l-“arti tat-tagħlim” meta nkunu qed nippreżentaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lil oħrajn?—2 Tim. 4:2.
Żviluppa l-“Arti tat-Tagħlim”
3, 4. (a) Kif nistgħu niżviluppaw l-“arti tat-tagħlim”? (b) L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku kif tgħinna nsiru għalliema effettivi?
3 Dizzjunarju wieħed ifisser il-kelma “arti” bħala “sengħa li tinkiseb permezz taʼ l-istudju, il-prattika, jew l-osservazzjoni.” Aħna rridu noqogħdu attenti għal dawn it-tliet elementi sabiex insiru għalliema effettivi taʼ l-aħbar tajba. Aħna nistgħu niksbu fehma korretta tas-suġġett tagħna biss jekk nistudjawh bit-talb. (Aqra Salm 119:27, 34.) Jekk nosservaw ministri effettivi huma u jgħallmu se niġu megħjunin nitgħallmu l-metodi tagħhom u nimitawhom. U jekk nistinkaw fuq bażi regulari biex nipprattikaw dak li nitgħallmu se niġu megħjunin nirfinaw l-abbiltajiet tagħna.—Lq. 6:40; 1 Tim. 4:13-15.
4 Ġeħova hu l-Istruttur Grandjuż tagħna. Permezz tal-parti viżibbli taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, hu jipprovdi lill-qaddejja tiegħu fuq l-art bi gwida dwar kif għandhom iwettqu l-inkarigu tagħhom taʼ l-ippridkar. (Is. 30:20, 21) F’dan ir-rigward, kull kongregazzjoni jkollha klassijiet kull ġimgħa taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, li hija disinjata biex tgħin lil dawk kollha li jieħdu sehem biex isiru proklamaturi effettivi tas-Saltna t’Alla. L-iktar ktieb li jintuża f’din l-iskola huwa l-Bibbja. Il-Kelma ispirata taʼ Ġeħova tgħidilna x’għandna ngħallmu. Iktar minn hekk, din tindika liema metodi taʼ tagħlim huma effettivi u xierqa. L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tfakkarna regolarment li se nsiru iktar tas-sengħa bħala għalliema jekk nibbażaw it-tagħlim tagħna fuq il-Kelma t’Alla, nużaw mistoqsijiet b’mod effettiv, ngħallmu bis-sempliċità, u nuru interess sinċier f’oħrajn. Ejja neżaminaw kull wieħed minn dawn il-punti wieħed wieħed. Imbagħad se niddiskutu kif nistgħu mmissu qalb l-istudenti.
Ibbaża t-Tagħlim Tiegħek fuq il-Kelma t’Alla
5. X’għandha tkun il-bażi għat-tagħlim tagħna, u għala?
5 Ġesù, l-akbar mill-għalliema umani kollha, ibbaża t-tagħlim tiegħu fuq l-Iskrittura. (Mt. 21:13; Ġw. 6:45; 8:17) Hu ma tkellimx f’ismu stess, imma f’isem il-Wieħed li bagħtu. (Ġw. 7:16-18) Dan hu l-eżempju li aħna nsegwu. Għalhekk, dak li ngħidu fil-ministeru minn bieb għal bieb jew fuq studji tal-Bibbja fid-djar għandu jiffoka fuq l-awtorità tal-Kelma t’Alla. (2 Tim. 3:16, 17) L-irraġunar intelliġenti tagħna qatt ma jistaʼ jkun effettiv jew qawwi daqs l-Iskrittura ispirata. Il-Bibbja għandha l-awtorità. Ikun xi jkun il-punt li qed nipprovaw ngħinu lill-istudent jifhem, l-aħjar metodu li nistgħu nużaw hu li nħallu lilu stess jaqra dak li tgħid l-Iskrittura dwaru.—Aqra Ebrej 4:12.
6. Għalliem kif jistaʼ jagħmel ċert li l-istudent jifhem il-punt tal-materjal li qed jiġi kunsidrat?
6 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li għalliem Kristjan m’għandux għalfejn jipprepara għal studju tal-Bibbja. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm ħsieb bir-reqqa minn qabel biex tiddeċiedi liema mill-iskritturi ċitati se jaqra mill-Bibbja l-għalliem jew l-istudent matul l-istudju. Ġeneralment, ikun tajjeb li naqraw l-iskritturi li jipprovdu bażi għat-twemmin tagħna. Huwa neċessarju wkoll li ngħinu lill-istudent jifhem kull vers li jaqra.—1 Kor. 14:8, 9.
Uża Mistoqsijiet Effettivi
7. L-użu tal-mistoqsijiet għala huwa metodu tajjeb taʼ tagħlim?
7 L-użu tajjeb tal-mistoqsijiet iqanqal il-ħsieb u jgħin lill-għalliem biex jilħaq qalb l-istudent. Allura, minflok ma tispjega l-iskritturi lill-istudent tiegħek, staqsih biex jispjegahomlok hu. Kultant ikun hemm bżonn taʼ mistoqsija supplimentarja jew saħansitra serje taʼ mistoqsijiet biex tgħin lill-istudent tiegħek jasal għall-fehma t-tajba. Meta tinvolvi lill-istudent fil-proċess tat-tagħlim b’dan il-mod, int tkun fil-fatt qed tgħinu mhux biss jifhem ir-raġuni għal ċerta konklużjoni imma wkoll biex dik il-konklużjoni jagħmilha l-konvinzjoni tiegħu stess.—Mt. 17:24-26; Lq. 10:36, 37.
8. Kif nistgħu nsiru nafu x’hemm f’qalb l-istudent?
8 Il-metodu taʼ l-istudju użat fil-pubblikazzjonijiet tagħna huwa wieħed taʼ mistoqsija u tweġiba. Bla dubju, il-biċċa l-kbira min-nies li tistudja l-Bibbja magħhom se jkunu jistgħu jwieġbu malajr il-mistoqsijiet stampati, billi jużaw l-informazzjoni fil-paragrafi relatati. Xorta waħda, l-għalliem li jrid imiss il-qalb mhux se jkun sodisfatt sempliċement bit-tweġiba t-tajba. Per eżempju, student għandu mnejn ikun jistaʼ jispjega tajjeb dak li tgħid il-Bibbja dwar iż-żína. (1 Kor. 6:18) Madankollu, mistoqsijiet li bit-tattika jitolbu opinjoni jistgħu jindikaw dak li jaħseb verament l-istudent dwar dak li qed jitgħallem. B’hekk, l-għalliem forsi jistaqsi: “Il-Bibbja għala tikkundanna relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ? X’taħseb dwar din ir-restrizzjoni mogħtija minn Alla? Taħseb li hemm xi benefiċċju milli ngħixu fi qbil mal-livelli morali t’Alla?” It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tistaʼ tikxef ħafna dwar dak li hemm f’qalb l-istudent.—Aqra Mattew 16:13-17.
Żomm l-Informazzjoni Sempliċi
9. X’għandna nżommu f’moħħna meta naqsmu informazzjoni Skritturali m’oħrajn?
9 Il-maġġuranza mill-veritajiet li jinsabu fil-Kelma t’Alla huma relattivament sempliċi. Però, jistaʼ jkun li wħud li studjajna l-Bibbja magħhom ġew imħawdin mid-duttrini tar-reliġjon falza. L-irwol tagħna bħala għalliema hu li nagħmlu l-Bibbja faċli biex tinftiehem. Għalliema effettivi jgħaddu informazzjoni sempliċi, ċara, u eżatta. Jekk insegwu din il-gwida, m’aħniex se nagħmlu l-verità iktar diffiċli biex tinftiehem. Evita dettalji mhux neċessarji. M’għandniex għalfejn nikkummentaw fuq kull aspett taʼ l-iskrittura li naqraw. Sempliċement iffoka fuq dak li hu essenzjali biex il-punt li qed jiġi kunsidrat ikun ċar. L-istudent se jibda japprezza veritajiet Skritturali iktar profondi hekk kif jagħmel progress fil-fehma tiegħu.—Ebr. 5:13, 14.
10. Liema fatturi jiddeterminaw kemm se nkopru materjal matul l-istudju tal-Bibbja?
10 Kemm għandna ngħaddu materjal f’sessjoni waħda taʼ studju? Biex inkunu nafu għandna bżonn id-dixxerniment. L-abbiltajiet u ċ-ċirkustanzi kemm taʼ l-istudent u kemm taʼ l-għalliem se jvarjaw, imma dejjem għandna nżommu f’moħħna li l-mira tagħna bħala għalliema hi li ngħinu lill-istudent tagħna jibni fidi soda. Allura nagħtuh biżżejjed ħin biex jaqra, jifhem, u jaċċetta l-veritajiet preżentati fil-Kelma t’Alla. Ma nikkunsidrawx iktar materjal milli jistaʼ jifhem. Fl-istess ħin, inżommu l-istudju mexxej. Ladarba l-istudent tagħna jkun fehem il-punt, ngħaddu għall-punt li jmiss.—Kol. 2:6, 7.
11. Liema lezzjoni rigward it-tagħlim nistgħu nitgħallmu mill-appostlu Pawlu?
11 L-appostlu Pawlu żamm il-messaġġ taʼ l-aħbar tajba sempliċi meta kien qed jitkellem maʼ wħud ġodda. Avolja kellu edukazzjoni għolja, hu evita li juża lingwaġġ intelletwali. (Aqra l-1 Korintin 2:1, 2.) Is-sempliċità tal-veritajiet Skritturali tiġbed u tissodisfa lil nies sinċieri. M’hemmx għalfejn wieħed ikun taʼ skola biex jifhimha.—Mt. 11:25; Atti 4:13; 1 Kor. 1:26, 27.
Għin lill-Istudenti Japprezzaw Dak li Jitgħallmu
12, 13. X’jistaʼ jqanqal student biex jaġixxi fuq dak li qed jitgħallem? Agħti eżempju.
12 It-tagħlim tagħna jrid imiss qalb l-istudent sabiex inkunu effettivi. L-istudent irid jifhem kif l-informazzjoni tapplika għalih personalment, kif jibbenefika minnha, u kif ħajtu se titjieb jekk isegwi d-direzzjoni Skritturali.—Is. 48:17, 18.
13 Per eżempju, forsi nkunu qed nikkunsidraw il-versi t’Ebrej 10:24, 25, li jinkuraġġixxu lill-Kristjani biex jinġabru maʼ sħabhom fit-twemmin għal inkuraġġiment Skritturali u sħubija kollha mħabba. Jekk l-istudent ikun għadu mhux qed jattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni, nistgħu niddeskrivu fil-qosor kif dawn isiru u xi jkun se jiġi kunsidrat. Forsi nistgħu nsemmu li l-laqgħat tal-kongregazzjoni huma parti mill-qima tagħna u nuruh li aħna nibbenefikaw minnhom personalment. Imbagħad nistgħu nistiednu lill-istudent biex jattendi. Għandha tkun ix-xewqa tiegħu li jobdi lil Ġeħova li timmotivah biex iwieġeb għall-kmandi Skritturali, mhux biex jogħġob lill-individwu li jistudja miegħu.—Gal. 6:4, 5.
14, 15. (a) Student tal-Bibbja x’jistaʼ jitgħallem dwar Ġeħova? (b) Student tal-Bibbja kif jistaʼ jibbenefika minn għarfien dwar il-personalità t’Alla?
14 Benefiċċju fundamentali li jiksbu l-istudenti mill-istudju tal-Bibbja u l-applikar tal-prinċipji tagħha hu li jsiru jafu u japprezzaw lil Ġeħova bħala persuna. (Is. 42:8, NW) Mhux biss huwa Missier kollu mħabba u l-Ħallieq u s-Sid taʼ l-univers, imma wkoll jikxef il-personalità u l-abbiltajiet tiegħu lil dawk li jħobbuh u jaqduh. (Aqra Eżodu 34:6, 7.) Meta Mosè kien se jmexxi lill-ġens taʼ Iżrael ’il barra mill-jasar fl-Eġittu, Ġeħova identifika lilu nnifsu bl-espressjoni: “Jien se nsir dak li rrid insir.” (Eżo. 3:13-15, NW) Dan ifisser li Ġeħova kien se jsir dak kollu li kien neċessarju għalih sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu rigward il-poplu magħżul tiegħu. B’hekk, l-Iżraelin saru jafu lil Ġeħova bħala Salvatur, Gwerrier, Wieħed li jipprovdi, u Wieħed li jwettaq il-wegħdi u li għenhom b’modi oħrajn.—Eżo. 15:2, 3; 16:2-5; Ġoż. 23:14.
15 Jistaʼ jkun li l-istudenti tagħna ma jesperjenzawx intervent drammatiku minn Ġeħova f’ħajjithom bħalma ġralu Mosè. Minkejja dan, hekk kif l-istudenti tagħna jkabbru l-fidi u l-apprezzament tagħhom għal dak li qed jitgħallmu u jibdew japplikawh, bla dubju huma se jaraw il-bżonn li jistrieħu fuq Ġeħova għall-kuraġġ, l-għerf, u l-gwida. Hekk kif jagħmlu dan, huma wkoll se jsiru jafu lil Ġeħova bħala Kunsillier u Protettur għaqli u fdat, u wieħed li jipprovdi l-bżonnijiet kollha tagħhom b’mod ġeneruż.—Salm 55:23 [55:22, NW]; 63:8 [63:7, NW]; Prov. 3:5, 6.
Uri Interess bl-Imħabba
16. L-abbiltà naturali għala m’hijiex l-iktar fattur importanti fl-effettività tagħna bħala għalliema?
16 Jekk tħoss li m’intix għalliem tajjeb daqskemm tixtieq, taqtax qalbek. Ġeħova u Ġesù qed jindokraw il-programm edukattiv li llum qed isir madwar id-dinja. (Atti 1:7, 8; Riv. 14:6) Huma jistgħu jbierku l-isforzi tagħna sabiex kliemna jkollu effett pożittiv fuq individwu li għandu attitudni xierqa. (Ġw. 6:44) L-imħabba sinċiera t’għalliem għall-istudent tiegħu tistaʼ tpatti għan-nuqqas t’abbiltà naturali. L-appostlu Pawlu wera li hu fehem l-importanza taʼ li nħobbu lil dawk li ngħallmu.—Aqra l-1 Tessalonikin 2:7, 8.
17. Kif nistgħu nuru interess sinċier f’kull student tal-Bibbja?
17 B’mod simili, aħna nistgħu nuru interess sinċier f’kull student tal-Bibbja billi nieħdu l-ħin biex insiru nafuh. Hekk kif niddiskutu prinċipji Skritturali miegħu, x’aktarx li se nsiru midħla taċ-ċirkustanzi tiegħu. Forsi nosservaw li hu diġà qed jgħix ħajtu fi qbil maʼ xi punti li tgħallem mill-Bibbja. F’affarijiet oħrajn, forsi għad għandu fejn jagħmel aġġustamenti. Meta ngħinu lill-istudent jara kif l-informazzjoni preżentata fis-sessjonijiet taʼ l-istudju tal-Bibbja tapplika għalih personalment, inkunu nistgħu ngħinuh bl-imħabba biex isir dixxiplu ġenwin taʼ Kristu.
18. Għala huwa importanti li nitolbu maʼ l-istudent tagħna u għalih?
18 Fuq kollox, nistgħu nitolbu maʼ l-istudent tagħna u għalih. Hu għandu jara ċar li l-mira tagħna hi li ngħinuh isir jaf lill-Ħallieq tiegħu b’mod iktar intimu, jersaq eqreb Lejh, u jibbenefika mill-gwida t’Alla. (Aqra Salm 25:4, 5.) It-talb tagħna għall-barka taʼ Ġeħova fuq l-isforzi taʼ student biex japplika dak li qed jitgħallem jistaʼ jgħinu jara l-importanza taʼ li hu jsir wieħed li ‘jagħmel il-kelma.’ (Ġak. 1:22) U hekk kif l-istudent jismaʼ t-talb sinċier tagħna, hu wkoll se jitgħallem kif għandu jitlob. X’ferħ niksbu meta ngħinu studenti tal-Bibbja jiżviluppaw relazzjoni għalihom infushom maʼ Ġeħova!
19. X’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
19 Huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li iktar minn sitt miljun u nofs Xhieda madwar id-dinja jinsabu beżlin jipprattikaw l-“arti tat-tagħlim,” bl-iskop li jgħinu individwi taʼ qalb onesta josservaw l-affarijiet kollha li kkmanda Ġesù. Liema riżultati qed jinkisbu mill-attività tagħna taʼ l-ippridkar? It-tweġiba għal din il-mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
• Il-Kristjani għala għandhom jiżviluppaw l-“arti tat-tagħlim”?
• Liema metodi jistgħu jagħmlu t-tagħlim tagħna iktar effettiv?
• X’jistaʼ jpatti għal kwalunkwe nuqqas fl-abbiltà naturali tagħna biex ngħallmu?
[Stampa f’paġna 9]
Tipparteċipa int fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku?
[Stampa f’paġna 10]
Għala huwa importanti li tistieden lill-istudent tiegħek biex jaqra mill-Bibbja?
[Stampa f’paġna 12]
Itlob maʼ l-istudent tiegħek u għalih