Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Huma gruppi indipendenti taʼ Xhieda li jiltaqgħu flimkien biex jagħmlu riċerka jew dibattitu Skritturali approvati mill-“ilsir leali u għaqli”?—Mt. 24:45, 47.
Le, ma japprovahomx. U madankollu, f’diversi partijiet tad-dinja, ftit li jissieħbu maʼ l-organizzazzjoni tagħna fformaw gruppi biex jagħmlu riċerka indipendenti dwar suġġetti konnessi mal-Bibbja. Xi wħud ifformaw gruppi indipendenti biex jistudjaw l-Ebrajk u l-Grieg tal-Bibbja ħalli janalizzaw ir-reqqa tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Oħrajn jeżaminaw suġġetti xjentifiċi konnessi mal-Bibbja. Huma ħolqu Web sites u chat rooms bl-iskop li jaqsmu m’oħrajn il-ħarsa tagħhom u jiddiskutuha. Għamlu wkoll konferenzi u pproduċew pubblikazzjonijiet biex jippreżentaw dak li sabu u jżidu maʼ dak li jiġi provdut fil-laqgħat Kristjani tagħna u fil-letteratura tagħna.
Madwar id-dinja, in-nies taʼ Ġeħova qed jirċievu tagħlim u inkuraġġiment spiritwali abbundanti fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, fl-assembleat, u fil-konvenzjonijiet, kif ukoll permezz tal-pubblikazzjonijiet taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Taħt il-gwida taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu u fuq il-bażi tal-Kelma tiegħu taʼ verità, Ġeħova jipprovdi dak li hemm bżonn biex in-nies kollha t’Alla jistgħu jkunu “magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed” u jibqgħu ‘sodi fil-fidi.’ (1 Kor. 1:10; Kol. 2:6, 7) Żgur li aħna grati għall-provvedimenti spiritwali taʼ Ġeħova f’dawn l-aħħar jiem. Għal din ir-raġuni, “l-ilsir leali u għaqli” ma japprovax letteratura, laqgħat, jew Web sites li m’humiex pubblikati jew organizzati bl-indokrar tiegħu.—Mt. 24:45-47.
Individwi li jixtiequ jużaw l-abbiltà tal-ħsieb tagħhom biex jappoġġaw l-aħbar tajba huma taʼ min ifaħħarhom. Madankollu, ebda attività persunali m’għandha tfixkel dak li qed iwettaq Ġesù Kristu llum permezz tal-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art. Fl-ewwel seklu, l-appostlu Pawlu wissa kontra li wieħed jinvolvi ruħu f’suġġetti li jgħejjuk, u jiħdulek ħafna ħin, bħall-“ġenealoġiji li ma jwasslu mkien u li jqajmu mistoqsijiet għal riċerka minflok ma jwasslu biex titqassam xi ħaġa mingħand Alla rigward il-fidi.” (1 Tim. 1:3-7) Il-Kristjani kollha għandhom jistinkaw biex ‘jaħarbu l-kwistjonijiet bla sens u l-ġenealoġiji u l-ġlied u t-tilwim fuq il-Liġi, għax dawn huma bla siwi u fiergħa.’—Titu 3:9.
Lil dawk li jixtiequ jagħmlu iktar studju u riċerka minn fuq il-Bibbja, nagħtuhom il-parir li jużaw l-Insight on the Scriptures, l-“All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” u l-pubblikazzjonijiet l-oħrajn tagħna, bħal dawk li jiddiskutu l-profeziji li jinsabu fil-kotba Bibliċi taʼ Danjel, Isaija, u Rivelazzjoni. Dawn jipprovdu bosta materjal għall-istudju tal-Bibbja u l-meditazzjoni, u bihom inkunu nistgħu ‘nimtlew bl-għarfien eżatt dwar ir-rieda [t’Alla] bl-għerf kollu u b’fehma spiritwali sħiħa. B’hekk inkunu nistgħu nimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-għan li nogħġbuh għalkollox hekk kif inkomplu nagħtu l-frott f’kull għemil tajjeb u noktru fl-għarfien eżatt dwar Alla.’—Kol. 1:9, 10.