Evidenza taʼ Fidi Soda!
1. Liema ġrajjiet inkwetanti bassar Ġesù?
1 L-appostli taw widen b’attenzjoni hekk kif Ġesù tkellem dwar il-preżenza tiegħu u dwar tmiem is-sistema. Kellhom iseħħu ġrajjiet inkwetanti fuq l-umanità—gwerer, nuqqas taʼ ikel, terremoti, u mard. Imbagħad Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kellhom ikunu mibgħudin, jingħataw f’idejn min kien se jġegħelhom isofru, u jinqatlu. Kellhom iqumu profeti foloz u jqarrqu b’ħafna wħud. L-imħabba tal-maġġuranza kellha tibred.
2. Għala huwa taʼ min jinnotah il-fatt li l-aħbar tajba qed tiġi pridkata mad-dinja kollha?
2 Meta tqis dak li kien għadu kif iddeskriva, żgur li l-appostli nħasdu meta Ġesù kompla jgħid li l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla kellha tiġi pridkata fl-art abitata kollha. (Mt. 24:3-14) Illum aħna naraw it-twettiq taʼ min jinnotah taʼ din il-profezija kollha ġrajjiet eċċitanti. Għalkemm qed ngħixu fi żmien perikoluż, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jxandru l-aħbar tajba biż-żelu. Hekk kif l-imħabba tad-dinja tibred, l-imħabba tagħna titkebbes dejjem iktar. Minkejja l-fatt li aħna mibgħudin mill-“ġnus kollha,” tistaʼ tgħid li aħna nippridkaw lil kull ġens.
3. Liema figuri inkuraġġanti sibt fir-rapport taʼ madwar id-dinja?
3 Kemm huwa inkuraġġanti li nirrivedu l-attività tax-Xhieda taʼ Ġeħova matul is-sena taʼ servizz li għaddiet kif tidher fit-tabella f’paġni 3 sa 6! Għal 16-il sena wara xulxin, saru iktar minn biljun siegħa fis-sena fix-xogħol taʼ l-ippridkar u taʼ li jintgħamlu dixxipli. X’evidenza taʼ fidi soda hija din! Kien hemm żjidiet taʼ 5.8 fil-mija fl-għadd taʼ pijunieri, 3.1 fil-mija fl-għadd taʼ pubblikaturi, u 4.4 fil-mija fl-għadd taʼ studji tal-Bibbja. Kellna 20.1 fil-mija iktar uħud li tgħammdu mis-sena taʼ qabel. Iġiblek ferħ li tara li kważi sebaʼ miljun ruħ qed jaqdu lil Ġeħova lealment—iktar hemm uħud bħal dawn issa milli qatt kien hawn fl-istorja umana! Int u teżamina t-tabella, x’hemm fiha li jinkuraġġik b’mod partikulari?
4. Liema problemi kellu jegħleb wieħed raġel waqt li kien qed jagħmel progress lejn il-magħmudija?
4 Dawn il-figuri fihom infushom jimpressjonawk, imma qatt m’għandna ninsew li dawn jirrappreżentaw nies li taw prova tal-fidi tagħhom. Ikkunsidra eżempju wieħed. Guillermo trabba fil-Bolivja. Hu twieled fl-1935, u kien jaħdem f’impjant tal-kokaina minn meta kellu disaʼ snin. Minn ċkunitu ’l quddiem, hu kien jomgħod il-weraq tal-kokaina biex itaffi l-miżerja tax-xogħol fiżiku iebes li kellu jagħmel. Iktar tard hu kien jabbuża mill-alkoħol u jpejjep is-sigaretti. Hekk kif beda jitgħallem dwar dak li Ġeħova jeħtieġ minnu, Guillermo waqaf ipejjep u mbagħad ma baqax jabbuża mill-alkoħol. L-akbar sfida kienet li jwaqqaf il-vizzju li kellu għall-maġġor parti taʼ ħajtu, dak li jomgħod il-weraq tal-kokaina. Hu talab bla heda u għeleb il-vizzju tiegħu. Minħabba li qataʼ l-vizzji kollha, hu setaʼ jitgħammed. Hu jgħid: “Issa nħossni nadif u ferħan ħafna.”
5. Liema xewqa għandek int?
5 Ġeħova tassew jinteressah min-nies. Hu jixtieq li lkoll kemm huma jaslu għall-indiema. (2 Pt. 3:9) Din hija x-xewqa tagħna wkoll. Jalla qlubna jqanqluna nagħmlu kulma nistgħu biex inkomplu ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta jsiru jafu lil Ġeħova u jħobbuh bħalna.