LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 2/1 pp. 22-30
  • “Xiehda lill-Ġnus Kollha”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Xiehda lill-Ġnus Kollha”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ix-​Xiehda li Ngħatat fl-​Ewwel Seklu
  • Ħaddiema Sħab m’Alla
  • Ix-​Xiehda li Qed Tingħata Llum
  • Ħidma Iebsa biex Tingħata Xiehda
  • Xhieda Kristjani Favur is-Sovranità Divina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Fl-Art Kollha”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Imħarrġin biex Nagħtu Xiehda bir-Reqqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 2/1 pp. 22-30

“Xiehda lill-​Ġnus Kollha”

“Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”​—ATTI 1:8.

1. Id-​dixxipli meta u fejn semgħu l-​profezija mniżżla f’Mattew 24:14 għall-​ewwel darba?

IL-​KLIEM taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 24:14 tant huwa familjari li ħafna minna nafuh bl-​amment. U kemm hi profezija verament taʼ l-​għaġeb! Immaġina x’ħasbu d-​dixxipli l-​ewwel darba li semgħuha! Kienet is-​sena 33 E.K. Id-​dixxipli kienu ilhom maʼ Ġesù għal madwar tliet snin, u issa kienu ġew miegħu Ġerusalemm. Kienu raw il-​mirakli u semgħu t-​tagħlim tiegħu. Għalkemm tgħaxxqu bil-​veritajiet prezzjużi li Ġesù għallimhom, kienu jafu tajjeb li mhux kulħadd ħassu bħalhom. Ġesù kellu għedewwa li kellhom qawwa u influwenza kbira.

2. Liema perikli u sfidi kienu se jiffaċċjaw id-​dixxipli?

2 Fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, erbaʼ dixxipli li kienu bil-​qiegħda maʼ Ġesù kienu qed jisimgħu b’attenzjoni hekk kif qalilhom li kienu ġejjin perikli u sfidi li kien se jkollhom jiffaċċjaw. Ftit qabel, Ġesù kien qalilhom li hu kellu jinqatel. (Mattew 16:21) Issa għamilha ċara li huma wkoll kellhom jesperjenzaw oppożizzjoni ħarxa. Hu qal: “Jagħtukom f’idejn min iġagħalkom issofru u joqtlukom, u tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” Dan ma kienx kollox. Profeti foloz kienu se jiżvijaw lil ħafna. Oħrajn kienu se jiġu mfixklin u kienu se jittradixxu u jobogħdu lil xulxin. Kien hemm oħrajn, fil-​fatt il-​“biċċa l-​kbira min-​nies,” li kienu se jħallu l-​imħabba tagħhom għal Alla u għall-​Kelma tiegħu tibred.​—Mattew 24:​9-​12.

3. Il-​kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:14 għala hu tassew meraviljuż?

3 Wara li semma dawn iċ-​ċirkustanzi skuraġġanti, Ġesù għamel stqarrija li ġiegħlet lid-​dixxipli jistagħġbu. Hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Iva, ix-​xogħol li beda Ġesù f’Iżrael​—li ‘jixhed għall-​verità’—kellu jkompli u jespandi madwar id-​dinja. (Ġwanni 18:37) Xi profezija tassew meraviljuża! Biex dan ix-​xogħol jinfirex fil-​“ġnus kollha” kien se jkun biċċa xogħol diffiċli, u biex dan isir filwaqt li jkunu “mibgħudin mill-​ġnus kollha” żgur li kellu jkun miraklu. It-​twettiq taʼ dan l-​inkarigu tassew kbir mhux biss kien se jigglorifika s-​sovranità u l-​qawwa taʼ Ġeħova imma wkoll l-​imħabba, il-​ħniena, u l-​paċenzja tiegħu. Flimkien maʼ dan, dan ix-​xogħol kien se jagħti lill-​qaddejja tiegħu l-​opportunità biex juru l-​fidi u d-​devozzjoni tagħhom.

4. Lil min ngħata x-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda, u Ġesù liema faraġ ta?

4 Ġesù għamilhielhom ċara lid-​dixxipli tiegħu li kellhom inkarigu importanti ħafna xi jwettqu. Qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù dehrilhom u qalilhom: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) M’għandniex xi ngħidu, oħrajn dalwaqt kienu se jingħaqdu magħhom. Minkejja dan, id-​dixxipli kienu ftit. Min jaf kemm kien taʼ faraġ li jkunu jafu li l-​ispirtu qaddis setgħan t’Alla kien se jagħtihom is-​saħħa li kellhom bżonn biex iwettqu dan l-​inkarigu divin!

5. Id-​dixxipli x’ma kinux jafu dwar ix-​xogħol tax-​xandir?

5 Id-​dixxipli kienu jafu li kellhom jippridkaw l-​aħbar tajba u ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mattew 28:​19, 20) Imma ma kinux jafu kemm dan l-​għoti taʼ xiehda kien se jsir bir-​reqqa, u ma kinux jafu meta t-​tmiem kien se jiġi. U lanqas aħna. Dawn huma kwistjonijiet f’idejn Ġeħova biss. (Mattew 24:36) Meta l-​għoti taʼ xiehda jkun ngħata sal-​punt li Ġeħova jkun sodisfatt, imbagħad hu se jġib tmiem għal din is-​sistema mill-​agħar. F’dak iż-​żmien biss il-​Kristjani se jkunu jafu li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar se jkun lest sal-​punt li ried Ġeħova. Dawk id-​dixxipli tal-​bidu żgur ma setgħux jimmaġinaw kemm l-​għoti taʼ xiehda kien se jinfirex f’dan iż-​żmien tat-​tmiem.

Ix-​Xiehda li Ngħatat fl-​Ewwel Seklu

6. X’ġara f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. u ftit taż-​żmien wara dan?

6 Fl-​ewwel seklu, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li jagħmlu dixxipli kellu riżultati taʼ l-​għaġeb. Fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., madwar 120 dixxiplu kienu f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. L-​ispirtu qaddis t’Alla tferraʼ fuqhom, l-​appostlu Pietru ta taħdita kommoventi li fiha spjega t-​tifsira taʼ dan il-​miraklu, u xi 3,000 ruħ bdew jemmnu u tgħammdu. Dan kien biss il-​bidu. Minkejja l-​isforzi determinati tal-​mexxejja reliġjużi biex iwaqqfu l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, “Ġeħova kompla jżid [mad-dixxipli] kuljum lil dawk li kienu qed jiġu salvati.” Fi żmien qasir, “l-​għadd taʼ l-​irġiel sar madwar ħamest elef.” Wara dan, “dawk li kienu jemmnu fil-​Mulej baqgħu jiżdiedu, kotriet kemm taʼ rġiel u kemm taʼ nisa.”​—Atti 2:​1-4, 8, 14, 41, 47; 4:4; 5:​14.

7. Il-​konverżjoni taʼ Kornelju għala kienet żvilupp sinifikanti?

7 Fis-​sena 36 E.K. kien hemm żvilupp sinifikanti ieħor​—il-​konverżjoni u l-​magħmudija taʼ Kornelju li kien wieħed mill-​Ġentili. Meta Ġeħova dderieġa lill-​appostlu Pietru għand dan ir-​raġel li kellu l-​biżaʼ t’Alla, Ġeħova wera li l-​kmand taʼ Ġesù biex ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha’ ma kienx limitat biss għal-​Lhud f’pajjiżi differenti. (Atti 10:​44, 45) X’kienet ir-​reazzjoni taʼ dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija? Meta l-​appostli u l-​irġiel ixjeħ fil-​Lhudija għarfu li l-​aħbar tajba kellha tittieħed għand dawk tal-​ġnus—dawk li ma kinux Lhud​—huma gglorifikaw lil Alla. (Atti 11:​1, 18) Sadanittant, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kompla jagħmel il-​frott fost il-​Lhud. Ftit tas-​snin wara, possibbilment madwar is-​sena 58 E.K., flimkien mal-​Ġentili kien hemm “eluf li emmnu fost il-​Lhud.”​—Atti 21:20.

8. L-​aħbar tajba kif teffettwa lil xi wħud individwalment?

8 Għalkemm in-​numru taʼ dawk li ħaddnu l-​Kristjanità fl-​ewwel seklu hu impressjonanti, qatt m’għandna ninsew li dawn il-​figuri fil-​fatt jirrappreżentaw individwi. Il-​messaġġ Bibliku li huma semgħu kien qawwi. (Ebrej 4:​12) Biddel il-​ħajjiet taʼ dawk li ħaddnuh b’mod drammatiku. Xi wħud irranġaw ħajjithom, libsu l-​personalità l-​ġdida, u reġgħu tħabbew m’Alla. (Efesin 4:​22, 23) L-​istess huwa minnu llum. U dawk kollha li aċċettaw l-​aħbar tajba għandhom prospett meraviljuż li jgħixu għal dejjem.​—Ġwanni 3:​16.

Ħaddiema Sħab m’Alla

9. Il-​Kristjani tal-​bidu, liema privileġġ u responsabbiltà rrealizzaw li kellhom?

9 Il-​Kristjani tal-​bidu ma ħadux il-​kredtu għal dak li kien qed jitwettaq. Huma għarfu li x-​xogħol tagħhom bħala ministri kien appoġġat bil-​“qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis.” (Rumani 15:​13, 19) Ġeħova kien il-​wieħed responsabbli għat-​tkabbir spiritwali. Fl-​istess ħin, dawk il-​Kristjani kienu jafu li kellhom il-​privileġġ u r-​responsabbiltà li jkunu “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Korintin 3:​6-9) Minħabba f’hekk, fi qbil mal-​parir taʼ Ġesù, huma stinkaw kemm felħu fix-​xogħol li ġew inkarigati jagħmlu.​—Luqa 13:24.

10. Xi Kristjani tal-​bidu liema sforzi għamlu biex jagħtu xiehda lill-​ġnus kollha?

10 Bħala “appostlu tal-​ġnus,” Pawlu vvjaġġa eluf taʼ kilometri fuq l-​art u l-​baħar, u stabbilixxa ħafna kongregazzjonijiet fil-​provinċja Rumana taʼ l-​Asja u fil-​Greċja. (Rumani 11:13) Hu vvjaġġa wkoll lejn Ruma u x’aktarx lejn Spanja. Sadanittant, l-​appostlu Pietru, fdat bl-​“aħbar tajba . . . għal dawk [li kienu] ċirkonċiżi,” ivvjaġġa fid-​direzzjoni l-​oħra biex jaqdi f’Babilonja, ċentru importanti tal-​Ġudaiżmu f’dak iż-​żmien. (Galatin 2:​7-9; 1 Pietru 5:​13) Fost il-​ħafna oħrajn li stinkaw fix-​xogħol tal-​Mulej kien hemm nisa bħal Trifena u Trifosa. U mara oħra li jisimha Persi jingħad li “tħabtet ħafna fil-​Mulej.”​—Rumani 16:12.

11. Ġeħova kif bierek l-​isforzi tad-​dixxipli?

11 Ġeħova bierek bil-​kbir l-​isforzi taʼ dawn l-​uħud u ħaddiema żelużi oħra. Inqas minn 30 sena minn mindu Ġesù bassar li kellha tingħata xiehda lill-​ġnus kollha, Pawlu kiteb li l-​“aħbar tajba” kienet ġiet “pridkata fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.” (Kolossin 1:​23) Wasal imbagħad it-​tmiem? F’ċertu sens, iva. Wasal fuq is-​sistema Lhudija fis-​sena 70 E.K. meta l-​armati Rumani qerdu lil Ġerusalemm flimkien mat-​tempju. Però, Ġeħova kien diġà ddeċieda li kellha tingħata xiehda ħafna akbar qabel ma jġib it-​tmiem tas-​sistema dinjija taʼ Satana.

Ix-​Xiehda li Qed Tingħata Llum

12. L-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu kif fehmu l-​kmand biex imorru jippridkaw?

12 Matul l-​aħħar parti tas-​seklu 19, wara perijodu twil li fih l-​apostasija reliġjuża kienet dominanti, il-​qima pura reġgħet ġiet stabbilita. L-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien, fehmu sew il-​kmand biex jagħmlu dixxipli fid-​dinja kollha. (Mattew 28:​19, 20) Sa l-​1914, kien hemm madwar 5,100 persuna li ħadu sehem b’mod attiv fl-​attività taʼ l-​ippridkar, u l-​aħbar tajba laħqet xi 68 pajjiż. Madankollu, dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja lura f’dak iż-​żmien ma fehmux is-​sinifikat sħiħ taʼ Mattew 24:14. Sa l-​aħħar tas-​seklu 19, il-​Bibbja, li fiha hemm l-​aħbar tajba, jew l-​evanġelju, kienet ġiet tradotta u stampata minn soċjetajiet Bibliċi b’diversi lingwi u mqassma madwar id-​dinja. B’hekk, għal xi żmien, l-​Istudenti tal-​Bibbja rraġunaw li diġà kienet ngħatat xiehda lill-​ġnus.

13, 14. F’ħarġa taʼ The Watch Tower fl-​1928, liema fehma iktar ċara tar-​rieda u l-​iskop t’Alla ġiet preżentata?

13 Maż-​żmien, Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu fehma iktar ċara tar-​rieda u l-​iskop tiegħu. (Proverbji 4:​18) The Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1928, qal hekk: ‘Nistgħu ngħidu li ttqassim tal-​Bibbji wettaq l-​ippridkar taʼ levanġelju tas-​saltna li kien ġie mbassar? Dażgur li le! Minkejja t-​tqassim tal-​Bibbji, xorta huwa neċessarju li l-​grupp żgħir taʼ xhieda t’Alla fuq l-​art jistampaw letteratura li tispjega [l-iskop] t’Alla u jżuru d-​djar taʼ dawk l-​uħud li aċċettaw dawn il-​Bibbji. Inkella n-​nies se jibqgħu fl-​injoranza dwar il-​fatt li s-​Saltna Messjanika ġiet stabbilita fi żmienna.’

14 Din il-​ħarġa taʼ The Watch Tower kompliet tgħid: “Fl-​1920, . . . l-​Istudenti tal-​Bibbja waslu għal fehma korretta dwar il-​profezija tal-​Mulej tagħna f’Mattew 24:14. Imbagħad irrealizzaw li ‘dan l-​evanġelju’ li kellu jiġi pridkat fid-​dinja kollha bħala xiehda lill-​Ġentili jew lill-​ġnus kollha, ma kienx evanġelju taʼ saltna li għad trid tiġi imma evanġelju li bażikament jistqarr li s-​Sultan Messjaniku beda l-​ħakma tiegħu fuq l-​art.”

15. Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kif kiber mis-​snin 20 ’l hawn?

15 Dak “il-​grupp żgħir taʼ xhieda” tas-​snin 20 ma baqax żgħir. Fis-​snin taʼ wara, “folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn” ġiet identifikata u bdiet tinġabar. (Rivelazzjoni 7:9; Ġwanni 10:16) Illum, hemm 6,613,829 proklamatur taʼ l-​aħbar tajba f’235 pajjiż madwar id-​dinja. Xi twettiq meraviljuż tal-​profezija! “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna” qatt qabel ma ġiet pridkata fuq skala daqshekk kbira. Qatt qabel ma kien hawn daqstant qaddejja leali taʼ Ġeħova fuq l-​art.

16. Xi twettaq fis-​sena taʼ servizz li għaddiet? (Ara t-​tabella f’paġni 27-​30.)

16 Magħqudin flimkien, din il-​folla kbira taʼ Xhieda kienet bieżla ħafna fis-​sena taʼ servizz 2005. Qattgħu iktar minn biljun siegħa jipproklamaw l-​aħbar tajba f’235 pajjiż. Saru miljuni taʼ żjajjar lura, u nżammu miljuni taʼ studji tal-​Bibbja. Dan ix-​xogħol twettaq mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li minn jeddhom taw mill-​ħin u r-​riżorsi tagħhom biex jaqsmu l-​Kelma t’Alla m’oħrajn. (Mattew 10:8) Permezz taʼ l-​ispirtu qaddis setgħan tiegħu, Ġeħova jkompli jsaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu biex iwettqu r-​rieda tiegħu.​—Żakkarija 4:6.

Ħidma Iebsa biex Tingħata Xiehda

17. Il-​poplu taʼ Ġeħova kif qed iwieġeb għall-​kliem taʼ Ġesù dwar l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba?

17 Għalkemm għaddew kważi 2,000 sena minn mindu Ġesù qal li l-​aħbar tajba kellha tiġi pridkata, iż-​żelu li l-​poplu t’Alla għandu għal dan ix-​xogħol ma naqasx. Aħna nafu li permezz tas-​sabar tagħna f’li nagħmlu dak li hu tajjeb, inkunu qed nirriflettu l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova taʼ l-​imħabba, il-​ħniena, u l-​paċenzja. Bħalu, aħna nixtiequ li ħadd ma jinqered imma li n-​nies jindmu u jerġgħu jitħabbu maʼ Ġeħova. (2 Korintin 5:​18-​20; 2 Pietru 3:9) Imħeġġin bl-​ispirtu t’Alla, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova b’żelu jkomplu jipproklamaw l-​aħbar tajba sa truf l-​art. (Rumani 12:11) B’riżultat taʼ dan, in-​nies kullimkien qed iħaddnu l-​verità u qed iġibu ħajjithom fi qbil mad-​direzzjoni kollha mħabba taʼ Ġeħova. Ikkunsidra xi ftit eżempji.

18, 19. Liema esperjenzi tistaʼ tirrakkonta dwar xi wħud li wieġbu b’mod favorevoli għall-​aħbar tajba?

18 Charles kien bidwi fil-​punent tal-​Kenja. Fl-​1998, hu biegħ iktar minn 8,000 kilogramma tabakk u ngħata ċertifikat li stqarr li kien l-​Aħjar Bidwi tat-​Tabakk. F’dak iż-​żmien, hu beda jistudja l-​Bibbja. Malajr tgħallem li individwu mdaħħal fil-​produzzjoni tat-​tabakk ikun qed imur kontra l-​kmand taʼ Ġesù biex iħobb lill-​proxxmu. (Mattew 22:39) Meta wasal għall-​konklużjoni li “l-​aħjar bidwi tat-​tabakk” kien fil-​fatt ‘l-​aħjar qattiel,’ Charles qered il-​pjanti tat-​tabakk tiegħu. Hu għamel progress u wasal għad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija u issa qed jaqdi bħala pijunier regulari u qaddej ministerjali.

19 M’hemm l-​ebda dubju li Ġeħova qed iqanqal lill-​ġnus permezz tax-​xiehda globali li qed tingħata, u l-​ġid—in-​nies​—qed jinġabar. (Ħaggaj 2:7) Pedro, li jgħix il-​Portugall, daħal f’seminarju meta kellu 13-il sena. Il-​mira tiegħu kienet li jsir missjunarju u jgħallem il-​Bibbja. Madankollu, wara perijodu qasir, hu telaq mis-​seminarju għaliex il-​Bibbja ftit li xejn kienet tingħata attenzjoni fil-​lezzjonijiet tiegħu. Sitt snin wara kien qed jistudja l-​psikoloġija f’università f’Lisbona. Hu kien jgħix maʼ zitu, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li inkuraġġietu biex jistudja l-​Bibbja. F’dak il-​perijodu taʼ ħajtu, Pedro ma kienx ċert jekk Alla jeżistix, u lanqas ma setaʼ jiddeċiedi jekk jistudjax il-​Bibbja jew le. Hu kellem lill-​professur tal-​psikoloġija tiegħu dwar l-​indeċiżjoni. Il-​professur qallu li l-​psikoloġija tgħallem li nies li ma jafux jieħdu deċiżjonijiet spiss ikollhom it-​tendenza li jagħmlu l-​ħsara lilhom infushom. X’ħin semaʼ dan, Pedro ddeċieda li jkollu studju tal-​Bibbja. Hu tgħammed reċentement u issa hu stess qed jikkonduċi studji tal-​Bibbja.

20. Għala nistgħu nifirħu li qed tingħata xiehda lill-​ġnus fuq skala daqstant kbira?

20 Għadna ma nafux sa liema punt se tingħata xiehda lill-​ġnus, u lanqas ma nafu l-​jum jew is-​siegħa meta se jasal it-​tmiem. Kulma nafu hu li ġej dalwaqt. Aħna nifirħu li l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba fuq skala daqstant kbira hu biss wieħed mill-​ħafna indikazzjonijiet li ż-​żmien qed joqrob biex is-​Saltna t’Alla tieħu post il-​gvernijiet umani. (Danjel 2:​44) Kull sena, miljuni qed jingħataw l-​opportunità biex iwieġbu għall-​aħbar tajba, u dan jigglorifika lil Alla tagħna, Ġeħova. Jalla tkun id-​determinazzjoni tagħna li nibqgħu leali u, flimkien maʼ ħutna madwar id-​dinja, nibqgħu beżlin fix-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda lill-​ġnus kollha. Jekk nagħmlu hekk, se nsalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna.​—1 Timotju 4:​16.

X’Tiftakar?

• Il-​profezija li nsibu f’Mattew 24:14 għala hija daqstant taʼ l-​għaġeb?

• Il-​Kristjani tal-​bidu liema sforzi għamlu fl-​ippridkar, u x’kienu r-​riżultati?

• L-​Istudenti tal-​Bibbja kif saru jifhmu l-​bżonn li jagħtu xiehda lill-​ġnus kollha?

• Hekk kif ikkunsidrajt l-​attività tal-​poplu taʼ Ġeħova fis-​sena taʼ servizz li għaddiet, x’impressjonak?

[Tabella f’paġna 27-30]

RAPPORT TAS-​SENA TAʼSERVIZZ 2005 TAX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA MADWAR ID-​DINJA

(Ara bound volume)

[Mappa/Stampi f’paġna 25]

Pawlu vvjaġġa eluf taʼ mili fuq l-​art u fuq il-​baħar biex jippriedka l-​aħbar tajba

[Stampa f’paġna 24]

Ġeħova dderieġa lil Pietru biex jagħti xiehda lil Kornelju u lill-​familja tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja