LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/1 pp. 12-17
  • Imħarrġin biex Nagħtu Xiehda bir-Reqqa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imħarrġin biex Nagħtu Xiehda bir-Reqqa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tliet Snin taʼ Taħriġ
  • Interess fin-​Nies
  • Imqanqlin mill-​Imħabba
  • Nibqgħu Ffokati fuq Dak li Hu Importanti
  • Ma Nħallux l-​Oppożizzjoni Tiskuraġġina
  • Se Ġġib Benefiċċji taʼ Veru
  • Tgħallem mill-​Eżempju taʼ Ġesù
  • Se Twieġeb Int Għall-Imħabba taʼ Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • “Għalkemm Ma Rajtuhx, Intom Tħobbuh”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • “Morru u Agħmlu Dixxipli”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • Kristu—Iċ-Ċentru tal-Profezija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/1 pp. 12-17

Imħarrġin biex Nagħtu Xiehda bir-​Reqqa

“Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”​—ATTI 1:8.

1, 2. X’kien l-​inkarigu taʼ Pietru, u min tahulu?

“ĠESÙ, li kien minn Nazaret, . . . ordnalna nippridkaw lin-​nies u nagħtu xiehda bir-​reqqa li kien Hu li nħatar minn Alla biex ikun imħallef tal-​ħajjin u tal-​mejtin.” (Atti 10:​38, 42) B’dan il-​kliem, l-​appostlu Pietru spjega lil Kornelju u l-​familja tiegħu l-​inkarigu li kien irċieva biex ikun evanġelizzatur.

2 Ġesù meta ta dan l-​inkarigu? X’aktarx li Pietru kellu f’moħħu dak li qal Ġesù rxoxtat eżatt qabel telaʼ s-​sema. F’dik l-​okkażjoni, Ġesù qal lid-​dixxipli leali tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Madankollu, Pietru diġà kien ilu jaf ftit taż-​żmien li bħala dixxiplu taʼ Ġesù kien se jkollu jitkellem m’oħrajn dwar il-​fidi tiegħu f’Ġesù.

Tliet Snin taʼ Taħriġ

3. Liema miraklu wettaq Ġesù, u liema stedina għamel lil Pietru u Indrì?

3 Diversi xhur wara l-​magħmudija tiegħu fis-​sena 29 E.K., Ġesù kien qed jippriedka fl-​inħawi fejn Pietru u ħuh Indrì kienu jaħdmu bħala sajjieda fuq il-​Baħar tal-​Galilija. Dawn kienu ilhom jaħdmu l-​lejl kollu imma ma rnexxielhom jaqbdu xejn. Madankollu, Ġesù qal: “Oħroġ ’il barra fejn hu fond, u itfgħu x-​xbieki tagħkom ħa taqbdu qabda ħut.” Meta għamlu kif qalilhom Ġesù, “qabdu kwantità kbira taʼ ħut. Fil-​fatt, ix-​xbieki tagħhom bdew jinqasmu.” Meta ra l-​miraklu, Pietru nħakem mill-​biżaʼ, imma Ġesù kkalmah, u qallu: “Tibqax beżgħan. Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.”—Luqa 5:​4-10.

4. (a) Ġesù kif ipprepara lid-​dixxipli tiegħu biex jagħtu xiehda? (b) Il-​ministeru tad-​dixxipli taʼ Ġesù kif kellu jkun meta jitqabbel maʼ tiegħu?

4 Minnufih, Pietru u Indrì​—kif ukoll Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew​—ħallew id-​dgħajjes tagħhom u marru wara Ġesù. Għal kważi tliet snin, huma marru maʼ Ġesù fuq il-​vjaġġi tiegħu taʼ ppridkar u ġew imħarrġin bħala evanġelizzaturi. (Mattew 10:7; Marku 1:​16, 18, 20, 38; Luqa 4:​43; 10:9) Fi tmiem dak il-​perijodu, fl-​14 taʼ Nisan, 33 E.K., Ġesù qalilhom: “Min jeżerċita l-​fidi fija, dan ukoll se jagħmel l-​għemejjel li nagħmel jien; u se jagħmel għemejjel akbar minn dawn.” (Ġwanni 14:12) Id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom jagħtu xiehda bir-​reqqa bħalma ta Ġesù imma fuq skala ħafna akbar. Bħalma skoprew ftit wara, huma u d-​dixxipli kollha tal-​futur kellhom jagħtu xiehda fil-​“ġnus kollha,” preċiż “sa tmiem is-​sistema.”​—Mattew 28:​19, 20.

5. B’liema modi nistgħu nibbenefikaw mit-​taħriġ li Ġesù ta lis-​segwaċi tiegħu?

5 Aħna qed ngħixu fi “tmiem is-​sistema.” (Mattew 24:3) Ma nistgħux immorru maʼ Ġesù u narawh jippriedka lin-​nies bħalma setgħu jagħmlu l-​ewwel dixxipli tiegħu. Madankollu, nistgħu nibbenefikaw mit-​taħriġ tiegħu billi naqraw fil-​Bibbja dwar kif ippriedka u liema istruzzjonijiet ta lis-​segwaċi tiegħu. (Luqa 10:​1-​11) Madankollu, dan l-​artiklu se jiddiskuti xi ħaġa oħra taʼ importanza vitali li Ġesù wera lid-​dixxipli tiegħu​—l-​attitudni xierqa lejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar.

Interess fin-​Nies

6, 7. Liema kwalità taʼ Ġesù għamlet il-​ministeru tiegħu effettiv, u kif nistgħu nimitawh f’dan ir-​rigward?

6 Ġesù għala kien jagħti xiehda b’mod daqshekk effettiv? Raġuni waħda kienet li hu kien jinteressah profondament fin-​nies u kien jimpurtah minnhom. Is-​salmista bassar li Ġesù kellu “jħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar.” (Salm 72:13) Hu żgur wettaq dik il-​profezija. Il-​Bibbja tgħid dwar okkażjoni minnhom: “Malli ra l-​folol tħassarhom, għax kienu mqaxxrin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Anki midinbin kbar ħassew l-​interess tiegħu u nġibdu lejh.—Mattew 9:​9-​13; Luqa 7:​36-​38; 19:​1-​10.

7 Aħna llum se nkunu effettivi jekk nuru l-​istess interess fin-​nies. Qabel ma tieħu sehem fil-​ministeru, għala ma toqgħodx taħseb ftit dwar kemm in-​nies għandhom bżonn l-​informazzjoni li se tiħdilhom? Aħseb dwar il-​problemi li forsi għandhom u li s-​Saltna biss tistaʼ ssolvilhom. Kun determinat li tkun pożittiv maʼ kulħadd, ladarba ma tafx min se jaċċetta l-​messaġġ. Forsi l-​persuna li jmissek tkellem ilha titlob li xi ħadd bħalek imur jgħinha!

Imqanqlin mill-​Imħabba

8. Bħal Ġesù, xi jqanqal lis-​segwaċi tiegħu jippridkaw l-​aħbar tajba?

8 L-​aħbar tajba li ddikjara Ġesù kellha x’taqsam mat-​twettiq tar-​rieda taʼ Ġeħova, it-​taqdis taʼ Ismu, u l-​ivvindikar tas-​sovranità Tiegħu—l-​iktar kwistjonijiet importanti li tiffaċċja l-​umanità. (Mattew 6:​9, 10) Peress li kien iħobb lil Missieru, Ġesù tqanqal biex iżomm l-​integrità tiegħu sat-​tmiem u jagħti xiehda bir-​reqqa dwar is-​Saltna, li se ssolvi dawn il-​kwistjonijiet. (Ġwanni 14:31) Peress li s-​segwaċi taʼ Ġesù llum jiġu mqanqlin mill-​istess ħaġa, huma jħabirku fil-​ministeru. L-​appostlu Ġwanni qal: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu,” fosthom il-​kmandament li nippridkaw l-​aħbar tajba u nagħmlu dixxipli.​—1 Ġwanni 5:3; Mattew 28:​19, 20.

9, 10. Minbarra l-​imħabba għal Alla, liema mħabba oħra tqanqalna nagħtu xiehda bir-​reqqa?

9 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Jekk tħobbuni, tosservaw il-​kmandamenti tiegħi. Min għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni.” (Ġwanni 14:​15, 21) B’hekk, l-​imħabba għal Ġesù għandha tqanqalna nagħtu xiehda dwar il-​verità u nobdu l-​affarijiet l-​oħra li kkmandana. Matul waħda mid-​dehriet tiegħu wara li rxoxta, Ġesù ħeġġeġ lil Pietru: “Itmaʼ l-​ħrief tiegħi. . . . Irgħa n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi. . . . Itmaʼ n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.” X’kellu jqanqal lil Pietru jagħmel hekk? Ġesù indika t-​tweġiba meta darba wara l-​oħra staqsa lil Pietru: “Tħobbni int? . . . Tħobbni int? . . . Għandek int affezzjoni lejja?” Iva, l-​imħabba taʼ Pietru għal Ġesù, l-​affezzjoni tiegħu lejh, kienet se tqanqlu jagħti xiehda bir-​reqqa, isib “in-​nagħaġ ċkejknin” taʼ Ġesù, u mbagħad ikun ragħaj spiritwali għalihom.—Ġwanni 21:​15-17.

10 Illum, aħna ma nafuhx personalment lil Ġesù bħalma kien jafu Pietru. Imma xorta waħda għandna fehma profonda taʼ dak li Ġesù għamel għalina. Qalbna titqanqal mill-​imħabba kbira li wasslitu “jduq il-​mewt għal kull bniedem.” (Ebrej 2:9; Ġwanni 15:13) Aħna nħossuna bħalma ħassu Pawlu meta kiteb: “L-​imħabba li għandu l-​Kristu ġġagħalna . . . [Hu] miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma [għalih].” (2 Korintin 5:​14, 15) Aħna nuru li nieħdu bis-​serjetà l-​imħabba taʼ Ġesù għalina u nuru li aħna nħobbuh ukoll billi nieħdu bis-​serjetà l-​inkarigu li tana biex nagħtu xiehda bir-​reqqa. (1 Ġwanni 2:​3-5) Qatt ma rridu nibdew inqisu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar b’indifferenza, bħallikieku s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù ma kien jiswa xejn speċjali għalina.​—Ebrej 10:29.

Nibqgħu Ffokati fuq Dak li Hu Importanti

11, 12. Ġesù għala ġie fid-​dinja, u kif baqaʼ ffokat fuq dak li kien importanti?

11 Meta Ġesù kien quddiem Ponzju Pilatu, hu qal: “Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwanni 18:37) Ġesù ma ħalla xejn itellfu milli jixhed għall-​verità. Dik kienet ir-​rieda t’Alla għalih.

12 Satana tassew ġarrab lil Ġesù f’dan ir-​rigward. Ftit wara l-​magħmudija taʼ Ġesù, Satana offra li jagħmlu persuna importanti fid-​dinja, li jagħtih “is-​saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom.” (Mattew 4:​8, 9) Iktar tard, il-​Lhud riedu jagħmluh sultan. (Ġwanni 6:​15) Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu kemm setgħu kienu l-​benefiċċji kieku Ġesù aċċetta dawk l-​offerti, forsi billi jirraġunaw li bħala sultan uman Ġesù setaʼ għamel ħafna ġid għall-​bnedmin. Iżda Ġesù rrifjuta dak it-​tip taʼ rraġunar. L-​iktar importanti għalih kien li jixhed għall-​verità.

13, 14. (a) X’ma rnexxilux itellef lil Ġesù milli jibqaʼ ffokat? (b) X’wettaq Ġesù għalkemm kien fqir materjalment?

13 Iktar minn hekk, Ġesù ma ħalliex il-​ġiri wara rrikkezzi jtellfu. Għaldaqstant, m’għexx ħajja taʼ lussu. Lanqas dar ma kellu. Darba minnhom, hu qal: “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien u l-​għasafar tas-​sema għandhom il-​bejtiet, imma Bin il-​bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Mattew 8:​20) Meta Ġesù miet, l-​unika ħaġa taʼ valur li hu miktub li kellu kienet il-​libsa li tellgħu bix-​xorti s-​suldati Rumani. (Ġwanni 19:​23, 24) Allura ħajjet Ġesù kienet falliment? Lanqas xejn!

14 Ġesù wettaq bil-​wisq iktar milli qatt jistaʼ jwettaq l-​iżjed filantropu għani. Pawlu qal: “Intom tafu l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, li għalkemm kien għani sar fqir minħabba fikom, biex intom issiru għonja permezz tal-​faqar tiegħu.” (2 Korintin 8:9; Filippin 2:​5-8) Għalkemm kien fqir materjalment, Ġesù fetaħ it-​triq għal individwi umli biex igawdu ħajja taʼ dejjem fil-​perfezzjoni. Kemm aħna grati lejh! U kemm nifirħu għall-​premju li rċieva talli baqaʼ ffokat fuq li jagħmel ir-​rieda t’Alla!​—Salm 40:8; Atti 2:​32, 33, 36.

15. X’inhu iktar prezzjuż mill-​għana?

15 Il-​Kristjani li llum jistinkaw biex jimitaw lil Ġesù wkoll jirrifjutaw li jħallu l-​ġiri wara l-​għana jtellifhom. (1 Timotju 6:​9, 10) Huma jammettu li r-​rikkezzi jistgħu jagħmlu l-​ħajja komda, imma jafu li l-​futur etern ma jiddependix mill-​għana. Meta Kristjan imut, il-​ġid materjali tiegħu ma jiswielu xejn bħalma l-​libsa taʼ Ġesù ma swietlu xejn meta miet. (Koħèlet 2:​10, 11, 17-​19; 7:​12) L-​unika ħaġa tassew prezzjuża li jkollu Kristjan meta jmut hija r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u maʼ Ġesù Kristu.​—Mattew 6:​19-​21; Luqa 16:9.

Ma Nħallux l-​Oppożizzjoni Tiskuraġġina

16. Ġesù kif iffaċċjaha l-​oppożizzjoni?

16 L-​oppożizzjoni ma tellfitx lil Ġesù milli jixhed għall-​verità. Avolja kien jaf li l-​ministeru tiegħu fuq l-​art kien se jispiċċa b’mewta bħala sagrifiċċju, hu ma skuraġġiex ruħu. Pawlu qal dwar Ġesù: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb, u qagħad bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron t’Alla.” (Ebrej 12:2) Innota li Ġesù “ma qiesx l-​għajb.” Ma qagħadx jinkwieta dwar dak li l-​għedewwa tiegħu kienu jaħsbu dwaru. Hu kien iffokat fuq li jagħmel ir-​rieda t’Alla.

17. X’nistgħu nitgħallmu meta nqisu kemm Ġesù ssaporta xorti?

17 Meta kien qed jispjega dwar it-​tagħlima li nieħdu meta nqisu kemm Ġesù ssaporta xorti, Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani: “Irriflettu sew dwar dak li ssaporta l-​kliem ostili minn dawk li jidinbu kontra l-​interessi tagħhom stess, biex ma tgħejjewx u ċċedu f’ruħkom.” (Ebrej 12:3) Veru, il-​fatt li niffaċċjaw l-​oppożizzjoni jew it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt jum wara l-​ieħor jistaʼ jixorbilna saħħitna. Nistgħu negħjew għax kontinwament irridu nirreżistu l-​ġibdiet tad-​dinja, waqt li forsi fl-​istess ħin niddiżappuntaw lil xi qraba li jinkuraġġuna “nagħmlu xi ħaġa” b’ħajjitna biex nirnexxu. Madankollu, bħal Ġesù aħna nistrieħu fuq Ġeħova għall-​appoġġ hekk kif b’determinazzjoni npoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna.​—Mattew 6:​33; Rumani 15:13; 1 Korintin 2:4.

18. Liema tagħlima mill-​aħjar nistgħu nieħdu mill-​kliem taʼ Ġesù lil Pietru?

18 Kemm Ġesù ma ħalla xejn itellfu jidher ċar meta hu beda jgħid lid-​dixxipli tiegħu li mewtu kienet riesqa. Pietru inkuraġġixxa lil Ġesù biex ‘ikun ħanin’ miegħu nnifsu u żgurah li ‘ma kienx se jiġrilu dan.’ Ġesù ma ried jismaʼ xejn li setaʼ jdgħajjef id-​determinazzjoni tiegħu biex jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova. Hu ta dahru lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.” (Mattew 16:​21-​23) Ħalli aħna wkoll inkunu determinati bl-​istess mod li nirrifjutaw il-​ħsibijiet tal-​bnedmin. Minflok, ejja dejjem inħallu l-​ħsibijiet t’Alla jiggwidawna.

Se Ġġib Benefiċċji taʼ Veru

19. Għalkemm għamel ħafna mirakli, x’kienet l-​iktar parti importanti fil-​ministeru taʼ Ġesù?

19 Ġesù għamel ħafna mirakli biex juri li kien il-​Messija. Hu saħansitra qajjem lill-​mejtin. Dawk l-​għemejjel ġibdu l-​attenzjoni tal-​folol, imma Ġesù ma ġiex fuq l-​art sempliċement biex jagħmel xogħol soċjali. Hu ġie biex jixhed għall-​verità. Kien jaf li l-​benefiċċji materjali li kien jipprovdi kienu temporanji. Anki dawk li ġew irxoxtati kienu se jerġgħu jmutu. L-​uniku mod kif setaʼ jgħin lil xi wħud jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem kien billi jixhed għall-​verità.​—Luqa 18:​28-​30.

20, 21. Liema bilanċ iżommu l-​Kristjani veri fejn jidħlu l-​għemejjel tajbin?

20 Illum, xi individwi jipprovaw jimitaw l-​għemejjel tajbin taʼ Ġesù billi jiftħu sptarijiet jew jagħtu servizzi oħrajn lill-​foqra tad-​dinja. F’xi każijiet, huma jagħmlu dan b’sagrifiċċju persunali kbir, u s-​sinċerità tagħhom hi taʼ min ifaħħarha; imma kwalunkwe għajnuna li jistgħu jagħtu hija biss temporanja. Is-​Saltna biss se ġġib għajnuna permanenti. Għaldaqstant, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jikkonċentraw, bħalma għamel Ġesù, fuq li jixhdu għall-​verità dwar dik is-​Saltna.

21 M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani veri jagħmlu għemejjel tajbin. Pawlu kiteb: “Dment li għandna ż-​żmien favorevoli għal dan, ħa nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-​fidi.” (Galatin 6:​10) Fi żmien taʼ kriżi jew meta xi ħadd ikun fil-​bżonn, aħna ma noqogħdux lura milli “nagħmlu t-​tajjeb” lil għajrna jew lil ħutna l-​Kristjani. Madankollu, nibqgħu ffokati primarjament fuq dak li suppost​—fuq li nixhdu għall-​verità.

Tgħallem mill-​Eżempju taʼ Ġesù

22. Il-​Kristjani għala jippridkaw lil għajrhom?

22 Pawlu kiteb: “Tassew, gwaj għalija jekk ma nxandarx l-​aħbar tajba!” (1 Korintin 9:​16) Hu ma kienx jieħu l-​aħbar tajba ħafif ħafif għax l-​ippridkar kien ifisser ħajja għalih u għal dawk li kienu jisimgħuh. (1 Timotju 4:​16) Aħna nqisu l-​ministeru tagħna bl-​istess mod. Irridu ngħinu lil għajrna. Irridu nuru l-​imħabba tagħna għal Ġeħova. Irridu nuru kemm inħobbu lil Ġesù u kemm napprezzaw l-​imħabba kbira tiegħu għalina. Għaldaqstant, nippridkaw l-​aħbar tajba, u b’hekk ‘ma ngħixux iktar għax-​xewqat tal-​bnedmin, imma għar-​rieda t’Alla.’​—1 Pietru 4:​1, 2.

23, 24. (a) Liema tagħlima nieħdu mill-​miraklu tal-​ħut? (b) Min illum qiegħed jagħti xiehda bir-​reqqa?

23 Bħal Ġesù, meta oħrajn iwaqqgħuna għaċ-​ċajt jew bir-​rabja jirrifjutaw il-​messaġġ tagħna ma nħalluhomx itellfuna milli nibqgħu ffokati. Nitgħallmu tagħlima mill-​miraklu li għamel Ġesù meta sejjaħ lil Pietru u Indrì biex jimxu warajh. Nifhmu li jekk nobdu lil Ġesù u, biex ngħidu hekk, nitfgħu x-​xbieki tagħna saħansitra f’ilmijiet li jidhru li m’humiex produttivi, is-​sajd tagħna jistaʼ jipproduċi r-​riżultati. Ħafna sajjieda Kristjani qabdu ħafna ħut wara snin taʼ xogħol f’ilmijiet li kienu jidhru vojta. Oħrajn setgħu jmorru fejn is-​sajd huwa iktar produttiv u qabdu ħafna ħut hemmhekk. Nagħmlu x’nagħmlu, m’aħniex se nieqfu nitfgħu x-​xbieki tagħna. Nafu li Ġesù għadu ma qalx li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar huwa lest xi mkien fl-​art.​—Mattew 24:14.

24 Iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Ġeħova issa jinsabu jaħdmu iebes f’230 pajjiż. Il-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Frar, 2005, se jkun fiha r-​rapport dwar l-​attività tagħhom madwar id-​dinja għas-​sena taʼ servizz 2004. Dan ir-​rapport se juri kemm Ġeħova qed ibierek bil-​kbir ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Fiż-​żmien li fadlilha din is-​sistema, jalla nkomplu nieħdu bis-​serjetà l-​kliem inkuraġġanti taʼ Pawlu: “Ippriedka l-​kelma u agħmel dan b’urġenza.” (2 Timotju 4:2) Jalla nkomplu nagħtu xiehda bir-​reqqa sakemm Ġeħova jgħid li x-​xogħol huwa lest.

Minn din is-​sena, ir-​Rapport tas-​Sena taʼ Servizz tax-​Xhieda taʼ Ġeħova Madwar id-​Dinja mhux se jidher fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Jannar. Minflok, se jiġi pubblikat fil-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Frar.

Taf Twieġeb?

• Kif nistgħu nibbenefikaw mit-​taħriġ li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu?

• X’kienet l-​attitudni taʼ Ġesù lejn in-​nies li kien jippridkalhom?

• Xi jqanqalna biex nagħtu xiehda bir-​reqqa?

• B’liema modi nistgħu nibqgħu ffokati fuq li nagħmlu r-​rieda t’Alla bħalma għamel Ġesù?

[Stampa f’paġna 15]

Se nkunu effettivi fil-​ministeru tagħna jekk nuru l-​istess interess fin-​nies li wera Ġesù

[Stampa f’paġna 16]

Ġesù ġie fuq l-​art primarjament biex jixhed għall-​verità

[Stampi f’paġna 17]

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jikkonċentraw fuq li jagħtu xiehda bir-​reqqa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja