Bijografija
Tgħallimna Nafdaw Għalkollox f’Ġeħova
KIF RAKKONTATA MINN NATALIE HOLTORF
Kien Ġunju taʼ l-1945. Ġurnata minnhom f’dak ix-xahar, raġel b’wiċċu pallidu ġie quddiem id-dar tagħna u qagħad jistenna bis-sabar quddiem il-bieb taʼ barra. Mifxula, Ruth, binti ż-żgħira, għajtet: “Mamà, hemm wieħed raġel fil-bieb!” Lanqas biss għaddielha minn rasha li dak ir-raġel kien missierha—l-għażiż żewġi, Ferdinand. Sentejn qabel, tlett ijiem biss wara li twieldet Ruth, Ferdinand ħareġ mid-dar, ġie arrestat, u spiċċa f’kamp tal-konċentrament tan-Nazi. Imma issa, finalment Ruth iltaqgħet maʼ missierha, u l-familja tagħna reġgħet ngħaqdet. Kemm kellna x’nirrakkontaw lil xulxin jien u Ferdinand!
FERDINAND twieled fl-1909 fil-belt taʼ Kiel, il-Ġermanja, u jien twilidt fl-1907 fil-belt taʼ Dresden, il-Ġermanja wkoll. Meta kelli 12-il sena, il-familja tagħna kellha l-ewwel kuntatt maʼ l-istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufa dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta kelli 19-il sena, tlaqt il-Knisja Evanġelika u ddedikajt ħajti lil Ġeħova.
Sadanittant, Ferdinand iggradwa mill-kulleġġ nawtiku u sar baħri. Matul il-vjaġġi tiegħu hu qagħad jimmedita dwar jekk jeżistix Ħallieq. Meta daħal lura fil-port, Ferdinand żar lil ħuh, li kien Student tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Ġeħova. Din iż-żjara kienet biżżejjed biex tikkonvinċih li l-Bibbja kellha t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li kienu qed jinkwetawh. Hu telaq il-Knisja Luterana, u ddeċieda wkoll li ma jibqax jaħdem bħala baħri. Wara li qattaʼ l-ewwel jum fix-xogħol taʼ l-ippridkar, hu ħass xewqa kbira li jagħmel dan ix-xogħol għall-bqija taʼ ħajtu. Dak il-lejl stess, Ferdinand iddedika ħajtu lil Ġeħova. Hu tgħammed f’Awissu taʼ l-1931.
Baħri u Xandâr
F’Novembru taʼ l-1931, Ferdinand qabad ferrovija għall-Olanda biex jgħin fix-xogħol taʼ l-ippridkar f’dan il-post. Meta Ferdinand qal lill-ħu li kien qed jorganizza x-xogħol f’dan il-pajjiż li hu kien baħri, il-ħu qallu: “Int eżatt dak li għandna bżonn!” L-aħwa kienu krew dgħajsa sabiex grupp taʼ pijunieri (ministri full-time) setgħu jippridkaw lil dawk li jgħixu tul ix-xmajjar fil-parti tat-tramuntana tal-pajjiż. Id-dgħajsa kellha ekwipaġġ taʼ ħamsa min-nies, imma ħadd minnhom ma setaʼ jsuqha. Allura Ferdinand sar il-kaptan.
Sitt xhur wara, Ferdinand intalab jaqdi bħala pijunier f’Tilburg, fin-nofsinhar taʼ l-Olanda. Dak iż-żmien jien ukoll kont għadni kif wasalt f’Tilburg biex naqdi bħala pijuniera u ltqajt maʼ Ferdinand. Imma mill-ewwel intlabna mmorru naqdu fi Groningen, fit-tramuntana tal-pajjiż. Iżżewwiġna hemmhekk f’Ottubru taʼ l-1932 u qamar il-għasel qattajnieh hemmhekk, f’dar li kienet tintuża minn diversi pijunieri, waqt li fl-istess ħin konna noħorġu naħdmu fix-xogħol taʼ pijunier!
Fl-1935 twieldet it-tifla tagħna Esther. Għalkemm kellna ftit finanzi, aħna konna determinati li nibqgħu naqdu bħala pijunieri. Morna noqogħdu f’villaġġ, fejn għexna f’dar ċkejkna. Waqt li jien kont nieħu ħsieb it-tarbija d-dar, ir-raġel kien iqattaʼ ġurnata sħiħa fil-ministeru. L-għada konna nibdlu. Dan bqajna nagħmluh sakemm Esther kienet kbira biżżejjed biex tiġi magħna fil-ministeru.
Ftit biss wara, is-sitwazzjoni politika fl-Ewropa bdiet issir perikoluża. Sirna nafu dwar il-persekuzzjoni tax-Xhieda fil-Ġermanja, u rrealizzajna li dalwaqt kien se jmiss lilna. Konna naħsbu x’konna se nagħmlu f’persekuzzjoni estrema. Fl-1938, l-awtoritajiet Olandiżi ħarġu liġi li ma kinitx tħalli lill-barranin iqassmu pubblikazzjonijiet reliġjużi. Biex jgħinuna nkomplu fil-ministeru tagħna, ix-Xhieda Olandiżi tawna l-ismijiet taʼ wħud li wrew l-interess fix-xogħol tagħna, u aħna rnexxielna nistudjaw il-Bibbja maʼ xi wħud minnhom.
Għal dik il-ħabta kienet se ssir konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm ma kellniex il-finanzi biex nixtru l-biljetti tal-ferrovija għall-vjaġġ lejn il-post tal-konvenzjoni, aħna ridna nkunu hemm. Allura bdejna l-vjaġġ taʼ tlett ijiem bir-roti, biċ-ċkejkna Esther bil-qiegħda f’siġġu mwaħħal fuq in-naħa taʼ quddiem tar-rota. Qattajna l-iljieli max-Xhieda li kienu jgħixu tul it-triq. Kemm fraħna li stajna nkunu preżenti għall-ewwel konvenzjoni nazzjonali tagħna! Il-programm saħħaħna għall-provi li kellna quddiemna. Fuq kollox, ġejna mfakkrin biex inpoġġu l-fiduċja tagħna f’Alla. Il-kliem taʼ Salm 31:7 (31:6, NW) sar il-motto tagħna: “Jien [f’Ġeħova] nittama.”
Ikkaċċjati min-Nazi
F’Mejju taʼ l-1940, in-Nazi invadew lOlanda. Ftit wara dan, il-Gestapo, jew il-pulizija sigrieta, daħlu fuqna waqt li konna qed nirranġaw il-letteratura Biblika li kienet għadha kif waslet bil-baħar. Ferdinand ittieħed lejn il-kwartieri ġenerali tal-Gestapo. Jien u Esther konna nżuruh regolarment f’dan il-post, u kultant kien jiġi interrogat u msawwat quddiem għajnejna. F’Diċembru, Ferdinand f’daqqa waħda nħeles, imma ma tantx dam ħieles. Darba minnhom fil-għaxija, hekk kif wasalna d-dar, rajna karozza tal-Gestapo ħdejn id-dar. Ferdinand irnexxielu jaħrab waqt li jien u Esther dħalna d-dar. L-uffiċjali tal-Gestapo kienu qed jistennewna. Huma riedu lil Ferdinand. Dak il-lejl stess wara li telqu l-Gestapo, il-pulizija Olandiża ġew u ħaduni biex jinterrogawni. L-għada jien u Esther morna nistaħbew fid-dar taʼ koppja li kienu Xhieda mgħammdin ġodda, il-familja Norder, u dawn tawna saqaf fuq rasna u pproteġewna.
Lejn l-aħħar taʼ Jannar taʼ l-1941, żewġ pijunieri miżżewġin li kienu jgħixu f’dgħajsa ġew arrestati. L-għada, l-indokratur tas-circuit (ministru li jivvjaġġa) u żewġi marru fuq id-dgħajsa biex jieħdu xi affarijiet li jappartjenu lill-koppja, imma dawk li kienu jikkooperaw mal-Gestapo qabżu fuqhom. Ferdinand irnexxielu jeħlisha u jaħrab bir-rota tiegħu. Madankollu, l-indokratur tas-circuit ittieħed il-ħabs.
L-aħwa responsabbli talbu lil Ferdinand biex jieħu post l-indokratur tas-circuit. Dan kien ifisser li ma kienx se jkun jistaʼ jiġi d-dar għal iktar minn tlett ijiem fix-xahar. Din kienet sfida ġdida għalina, imma jien bqajt naqdi bħala pijuniera. Il-Gestapo bdew ifittxu iktar bir-reqqa għax-Xhieda, u allura kellna dejjem nibdlu l-post fejn noqogħdu. Fl-1942 bdilna d-dar tliet darbiet. Maż-żmien, spiċċajna fil-belt taʼ Rotterdam, ’il bogħod ħafna mill-post fejn Ferdinand kien qed iwettaq il-ministeru tiegħu bil-moħbi. Sa dak iż-żmien jien kont tqila bit-tieni tarbija. Il-familja Kamp, li ż-żewġ subien tagħha kienu għadhom kif ġew deportati lejn il-kampijiet tal-konċentrament, b’qalb tajba laqgħetna f’darha.
Il-Gestapo Jiġru Warajna l-Ħin Kollu
It-tieni tifla tagħna, Ruth, twieldet f’Lulju taʼ l-1943. Wara li twieldet Ruth, Ferdinand setaʼ jibqaʼ magħna tlett ijiem, imma mbagħad kellu jitlaq u din kienet l-aħħar darba li rajnieh għal żmien twil. Xi tliet ġimgħat wara, Ferdinand ġie arrestat f’Amsterdam. Hu ttieħed fl-għassa tal-Gestapo, fejn ġiet konfermata l-identità tiegħu. Il-Gestapo interrogawh bl-aħrax biex jipprovaw iġagħluh jagħti informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħna taʼ l-ippridkar. Imma l-unika ħaġa li Ferdinand kien lest jgħid kienet li hu kien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u li ma kien involut f’ebda attività politika. L-uffiċjali tal-Gestapo kienu rrabjati għall-aħħar li Ferdinand, raġel Ġermaniż, ma kienx irrapporta għas-servizz militari, u heddewh li joqtluh bħala traditur.
Għall-ħames xhur taʼ wara, Ferdinand inżamm f’ċella l-ħabs, fejn kellu jissaporti theddid kontinwu li s-suldati jisparawlu. Xorta waħda, hu ma ddgħajjifx fil-lealtà tiegħu lejn Ġeħova. X’għenu jibqaʼ b’saħħtu spiritwalment? Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, peress li Ferdinand kien Xhud ma ħallewhx ikollu Bibbja. Madankollu, il-ħabsin l-oħra setgħu jitolbu waħda. Allura, Ferdinand ikkonvinċa lil sieħbu taʼ l-istess ċella biex jitlob lill-familja tiegħu tibgħatlu Bibbja, u dan hekk għamel. Ħafna snin wara, meta Ferdinand kien jitkellem dwar din il-ġrajja, għajnejh kienu jixegħlu u kien jgħid: “Kemm kienet taʼ faraġ dik il-Bibbja!”
Kmieni f’Jannar taʼ l-1944, Ferdinand ittieħed f’daqqa waħda lejn kamp tal-konċentrament f’Vught, fl-Olanda. Bla mistenni, din iċ-ċaqliqa kienet barka għalih għax hemmhekk iltaqaʼ maʼ 46 Xhud ieħor. Meta sirt naf b’dan, tgħidx kemm fraħt li kien għadu ħaj!
Jippridkaw bla Heda fil-Kamp tal-Konċentrament
Il-ħajja fil-kamp kienet iebsa ferm. Il-malnutrizzjoni kbira, in-nuqqas taʼ lbies li jsaħħan, u l-kesħa kiefra kienu xi ħaġa taʼ kuljum. Ferdinand marad gravi bit-tonsillite. Wara rassenja twila barra fil-kesħa, mar fl-infermerija. Dawk il-pazjenti li kellhom 104 deni jew iktar kienu jitħallew f’dan il-post. Imma Ferdinand ma tħalliex jibqaʼ jistrieħ, għaliex hu kellu biss 102 deni! Huma bagħtuh lura għax-xogħol. Madankollu, sħabu l-ħabsin li tħassruh għenuh billi ħbewh għal ħinijiet qosra f’postijiet għas-sħana. Hu ħassu aħjar meta t-temp beda jisħon. Ukoll, meta xi wħud mill-aħwa kienu jirċievu pakketti bl-ikel, huma kienu jaqsmu l-ikel maʼ l-oħrajn, u allura Ferdinand reġaʼ kiseb ftit minn saħħtu.
Qabel ma żewġi ntefaʼ l-ħabs, l-ippridkar kien ħajtu, u fil-kamp kompla jaqsam maʼ l-oħrajn it-twemmin tiegħu. L-uffiċjali tal-kamp spiss kienu jkasbruh bi kliemhom dwar it-trijanglu l-vjola tiegħu, is-simbolu li kien jidentifika lil ħabsi bħala Xhud. Imma Ferdinand kien iħares lejn dawn il-kummenti bħala opportunità biex jibda konversazzjoni magħhom. Għall-ewwel, it-territorju taʼ l-ippridkar kien limitat għall-inħawi fejn il-biċċa l-kbira mill-ħabsin kienu Xhieda. L-aħwa staqsew lilhom infushom, ‘Kif nistgħu nilħqu iktar ħabsin?’ Mingħajr ma kienu jafu, dawk li jmexxu l-kamp ipprovdewlhom soluzzjoni. Kif?
L-aħwa kellhom ħażna sigrieta taʼ letteratura Biblika u 12-il Bibbja. Darba minnhom il-gwardji sabu xi letteratura, imma ma setgħux isibu taʼ min kienet. Allura, l-uffiċjali tal-kamp iddeċidew li l-għaqda tax-Xhieda kellha tinkiser. Għalhekk, bħala kastig l-aħwa kollha tpoġġew mal-ħabsin li ma kinux Xhieda. Iktar minn hekk, waqt l-ikel l-aħwa kellhom ipoġġu ħdejn dawk li ma kinux Xhieda. Dan l-arranġament kien barka. Issa l-aħwa setgħu jagħmlu dak li xtaqu mill-bidu—jippridkaw lil kemm jistaʼ jkun ħabsin.
Irrabbi Żewġt Ibniet Waħdi
Sadanittant, jien u ż-żewġ uliedi konna għadna ngħixu f’Rotterdam. Ix-xitwa taʼ l-1943/44 kienet tabilħaqq kiefra. Wara d-dar, kien hemm il-kanuni li jintużaw biex jisparaw lejn l-ajruplani, kontrollati mis-suldati Ġermaniżi. Quddiemna kien hemm il-Port Waal, mira prinċipali tas-suldati Alleati. Ma tantx kien l-iktar post ħieles mill-periklu fejn nistaħbew. Iżjed minn hekk, l-ikel kien skars. Iktar minn qatt qabel, tgħallimna nafdaw għalkollox f’Ġeħova.—Proverbji 3:5, 6.
Esther, li kellha tmien snin, għenet lill-familja ċkejkna tagħna billi kienet toqgħod fil-kju fejn kien jingħata l-ikel b’xejn. Madankollu, meta kien ikun imiss lilha biex tiġbor l-ikel, spiss ma kien ikun għad fadal xejn. Matul waħda mill-qadjiet biex tfittex l-ikel, inqabdet f’nofs attakk mill-ajru. Tani estru meta smajt l-isplużjonijiet, imma l-ansjetà tiegħi ma damitx ma nbidlet fi dmugħ taʼ ferħ meta ġiet lura qawwija u sħiħa u saħansitra b’daqsxejn pitravi f’idejha. L-ewwel ħaġa li għedtilha kienet, “X’ġara?” Bil-kalma kollha qaltli: “Meta bdew neżlin il-bombi, għamilt eżatt dak li qalli l-papà, ‘Imtedd maʼ l-art, ibqaʼ mimduda, u itlob.’ U ħadmet!”
Minħabba l-aċċent Ġermaniż tiegħi, kien aħjar li Esther tagħmel il-ftit xiri li kien għadu possibbli jsir. Is-suldati Ġermaniżi indunaw xorta, u għalhekk bdew jagħmlu ħafna mistoqsijiet lil Esther. Imma hi ma kienet tikxef xejn. Fid-dar kont inħarreġ lil Esther mill-Bibbja, u minħabba li ma setgħetx tattendi l-iskola, għallimtha taqra u tikteb u tagħmel affarijiet oħra.
Esther għenitni wkoll fil-ministeru. Qabel ma kont noħroġ biex nistudja l-Bibbja maʼ xi ħadd, kont nibgħat lil Esther qabli biex tara jekk kienx hemm xi ħadd josservana. Hi kienet tiċċekkja jekk l-istudenta tal-Bibbja tkunx għamlet f’posthom is-sinjali li nkunu ftehemna dwarhom. Per eżempju, il-persuna li nkun se nżur kienet tpoġġi qasrija f’ċerta pożizzjoni fuq il-ħoġor tat-tieqa biex turini li nistaʼ nidħol. Matul l-istudju tal-Bibbja, Esther kienet tibqaʼ barra biex tara jekk hemmx xi sinjali taʼ periklu waqt li kienet tippassiġġa bil-pushchair fit-triq biċ-ċkejkna Ruth.
Lejn Sachsenhausen
X’sar minn Ferdinand? F’Settembru taʼ l-1944, flimkien maʼ ħafna oħrajn, hu ttieħed bil-mixi lejn stazzjon tal-ferrovija fejn grupp taʼ 80 ħabsi ġew imrassin fil-vaguni tal-ferrovija li kienu qed jistennewhom. Kull vagun kellu barmil biex iservi taʼ latrina u barmil bl-ilma tax-xorb. Il-vjaġġ dam tlett ijiem u tlett iljieli, u ma kienx hemm wisaʼ ħlief biex joqogħdu bil-wieqfa! Bilkemm kien hemm minfejn tgħaddi l-arja. Il-vaguni kienu magħluqin għalkollox ħlief għal xi toqob żgħar ħafna ’l hawn u ’l hemm. Is-sħana, il-ġuħ, u l-għatx—biex ma nsemmux l-intiena—li kellhom jissaportu ma jistgħux jiġu spjegati bil-kliem.
Il-ferrovija waqfet meta waslet fil-kamp tal-konċentrament taʼ fama ħażina taʼ Sachsenhausen. Lill-ħabsin kollha ttiħdilhom dak kollu li kienu jippossiedu—minbarra t-12-il Bibbja żgħira li x-Xhieda ħadu magħhom fil-vjaġġ!
Ferdinand u tmien aħwa rġiel oħra ntbagħtu f’kamp kontrollat minn Sachsenhausen f’Rathenow biex jaħdmu fuq il-produzzjoni tat-tagħmir tal-gwerra. Għalkemm spiss ġew mheddin li jinqatlu, l-aħwa rrifjutaw li jagħmlu dan it-tip taʼ xogħol. Biex jinkuraġġixxu lil xulxin ħalli jibqgħu sodi, fil-għodu kienu jaqsmu maʼ xulxin vers mill-Bibbja, bħal dak taʼ Salm 18:3 (18:2, NW), biex ikunu jistgħu jimmeditaw fuqu matul il-jum. Dan għenhom jimmeditaw dwar affarijiet spiritwali.
Sa fl-aħħar, il-ħoss tal-kanuni ħabbar li kienu qed joqorbu l-Alleati u t-truppi Russi. Ir-Russi kienu l-ewwel li waslu fil-kamp fejn kien hemm Ferdinand u sħabu. Huma taw lill-ħabsin ftit ikel u ordnawlhom jitilqu mill-kamp. Sa l-aħħar t’April taʼ l-1945, l-armata Russa ħalliethom jitilqu lejn darhom.
Finalment Flimkien Bħala Familja
Fil-15 taʼ Ġunju, Ferdinand wasal l-Olanda. L-aħwa fi Groningen tawh merħba mill-qalb. Hu malajr sar jaf li konna ħajjin u li konna qed ngħixu xi mkien fil-kampanja, u lilna waslitilna l-aħbar li kien ġie lura. Iż-żmien li domna nistennewh ħassejnieh twil wisq. Imma fl-aħħar, darba minnhom iċ-ċkejkna Ruth għajtet: “Mamà, hemm wieħed raġel fil-bieb!” Dak kien l-għażiż missierha u żewġi!
Kellna viżibilju taʼ problemi xi nsolvu qabel ma stajna nerġgħu nkunu familja normali. Ma kellniex fejn noqogħdu, u l-akbar sfida kienet li nerġgħu niksbu l-istat tagħna bħala residenti permanenti. Peress li konna Ġermaniżi, għal ħafna snin l-uffiċjali Olandiżi ma ridux jaċċettawna. Però, maż-żmien, stajna nissetiljaw u nibdew ngħixu l-ħajja li tant konna nixxennqu għaliha—dik li naqdu lil Ġeħova flimkien bħala familja.
‘F’Ġeħova Nittama’
Snin wara, kulmeta jien u Ferdinand konna nkunu flimkien maʼ xi wħud minn sħabna li bħalna għaddew minn dawk is-snin taʼ tbatija, konna noqogħdu niftakru fil-gwida kollha mħabba taʼ Ġeħova f’dawk iż-żminijiet diffiċli. (Salm 7:2 [7:1, NW]) Fraħna li matul is-snin, Ġeħova ppermetta li jkollna sehem f’li mexxu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna. Ukoll spiss konna ngħidu kemm inħossuna kuntenti li qattajna ż-żgħożija fis-servizz sagru taʼ Ġeħova.—Koħèlet 12:1.
Wara l-perijodu tal-persekuzzjoni min-Nazi, jien u Ferdinand qdejna lil Ġeħova flimkien għal iktar minn 50 sena qabel ma hu spiċċa l-ħajja tiegħu fuq l-art fl-20 taʼ Diċembru, 1995. Dalwaqt ngħalaq 98 sena. Kuljum nirringrazzja lil Ġeħova li wliedna kienu t’appoġġ matul dawk is-snin diffiċli u li għadni nistaʼ nagħmel dak kollu li niflaħ fis-servizz tiegħu għall-glorja taʼ ismu. Jien grata għal dak kollu li Ġeħova għamel miegħi, u hija x-xewqa taʼ qalbi li nkompli ngħix skond il-motto tiegħi: “Jien [f’Ġeħova] nittama.”—Salm 31:7 (31:6, NW).
[Stampa f’paġna 19]
Maʼ Ferdinand, Ottubru taʼ l-1932
[Stampa f’paġna 19]
Id-dgħajsa taʼ l-ippridkar “Almina” bl-ekwipaġġ tagħha
[Stampa f’paġna 22]
Maʼ Ferdinand u t-tfal