LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 2/1 pp. 27-32
  • “Għalkemm Ma Rajtuhx, Intom Tħobbuh”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Għalkemm Ma Rajtuhx, Intom Tħobbuh”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Affarijiet Li Semgħu
  • L-​Ispirtu Li Wera Hu
  • Id-​Dipendenza Umli Tiegħu Fuq Alla
  • Nesprimu Mħabbitna Lejh
  • Se Twieġeb Int Għall-Imħabba taʼ Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • ‘Nagħrfu l-imħabba ta’ Kristu’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Imħarrġin biex Nagħtu Xiehda bir-Reqqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Ġesù . . . Baqa’ Jħobbhom sa l-Aħħar”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 2/1 pp. 27-32

“Għalkemm Ma Rajtuhx, Intom Tħobbuh”

“Għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu [“teżerċitaw fidi,” “NW”]; fih intom tifirħu.”—1 PIETRU 1:8.

1. Għalkemm ħadd fuq l-​art illum ma ra lil Ġesù, xi nies reliġjużi kif jistinkaw biex juru devozzjoni lejh?

ĦADD minn dawk ħajjin fuq l-​art illum qatt ma ra lil Ġesù Kristu. Madankollu, miljuni taʼ nies isostnu li jħobbuh. Kull sena fid-​9 taʼ Jannar, fil-​Manila, ġewwa l-​Filippini, statwa kbira daqs bniedem taʼ Ġesù Kristu jġorr is-​salib tiġi miġbuda matul it-​toroq f’dik li ġiet deskritta bħala wirja l-​iktar kbira u l-​iktar spettakolari taʼ reliġjon popolari fil-​pajjiż. Il-​folla eċċitata timbotta u tross; in-​nies saħansitra jaqbżu fuq xulxin fi sforz sfrenat biex imissu x-​xbiha. Ħafna li jkunu preżenti biex josservaw dan huma attirati prinċipalment mill-​purċissjoni kollha briju. Madankollu, xi wħud minnhom huma bla dubju nies li sinċerament iħossuhom miġbudin lejn Ġesù. Bħala evidenza taʼ dan, għandhom mnejn jilbsu xi kurċifiss jew għandhom mnejn imorru regolarment il-​knisja. Madankollu, tistaʼ idolatrija bħal din titqies bħala qima vera?

2, 3. (a) Min fost is-​segwaċi taʼ Ġesù attwalment rah u semgħu? (b) Min iktar fl-​ewwel seklu kienu dawk li ħabbew lil Ġesù u poġġew fidi fih, għalkemm qatt ma rawh personalment?

2 Fl-​ewwel seklu, kien hemm ħafna eluf fil-​provinċji Rumani tal-​Ġudea, tas-​Samarija, tal-​Perea, u tal-​Galilija li tabilħaqq raw u semgħu lil Ġesù Kristu. Semgħuh hekk kif spjega veritajiet li jqawwu l-​qalb dwar is-​Saltna t’Alla. Kienu xhieda li raw b’għajnejhom il-​mirakli li wettaq. Xi wħud minnhom saru dixxipli devoti tiegħu, konvinti li kien “[i]l-Messija, Bin Alla l-​ħaj.” (Mattew 16:16) Madankollu, dawk li lilhom l-​appostlu Pietru kiteb l-​ewwel ittra mnebbħa tiegħu ma kinux fost dawn.

3 Dawk indirizzati minn Pietru kienu jinsabu fil-​provinċji Rumani taʼ Pontus, tal-​Galatja, tal-​Kappadoċja, taʼ l-​Asja, u tal-​Bitinja​—ilkoll fl-​inħawi fejn illum hemm it-​Turkija. Lilhom Pietru kiteb: “Għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu [“teżerċitaw fidi,” NW]; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser.” (1 Pietru 1:1, 8) Huma kif saru jafu lil Ġesù Kristu sal-​punt li jħobbuh u jeżerċitaw fidi fih?

4, 5. Dawk in-​nies li qatt ma kienu raw lil Ġesù kif tgħallmu biżżejjed dwaru biex iħobbuh u jpoġġu fidi fih?

4 Evidentement, xi wħud kienu Ġerusalemm meta l-​appostlu Pietru ta xiehda lill-​folla li kienet qiegħda tattendi għall-​festa taʼ Pentekoste fis-​sena 33 E.K. Wara l-​festa ħafna dixxipli baqgħu Ġerusalemm sabiex jirċievu iktar struzzjoni mill-​appostli. (Atti 2:9, 41, 42; qabbel 1 Pietru 1:1.) Matul il-​vjaġġi missjunarji li għamel ripetutament, l-​appostlu Pawlu wettaq ministeru żeluż ukoll fost in-​nies li kienu jgħixu fl-​inħawi fejn Pietru iktar tard bagħat l-​ewwel ittra Biblika li ġġib ismu.—Atti 18:23; 19:10; Galatin 1:1, 2.

5 Dawk in-​nies, li qatt ma kienu raw lil Ġesù, għala kienu daqshekk miġbudin lejh? Fi żmienna, miljuni oħrajn madwar il-​globu għala jħobbuh b’mod profond?

L-​Affarijiet Li Semgħu

6. (a) Kieku int smajt lil Pietru jagħti xiehda dwar Ġesù f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., xi stajt titgħallem? (b) Dan kif effettwa lil madwar 3,000 li kienu preżenti?

6 Kieku kont f’Ġerusalemm meta Pietru kellem lil dik il-​folla fil-​festa tas-​sena 33 E.K., x’kont titgħallem dwar Ġesù? Bla ebda dubju l-​mirakli li wettaq urew li kien mibgħut minn Alla. Li, għalkemm bnedmin midinbin kienu qatlu lil Ġesù, ma kienx għadu fil-​qabar imma ġie rxoxtat u wara ġie eżaltat lejn is-​sema fuq in-​naħa tal-​lemin t’Alla. Li Ġesù kien, tabilħaqq, il-​Kristu, il-​Messija li dwaru kienu kitbu l-​profeti. Li permezz taʼ Ġesù Kristu, ġie mferraʼ l-​ispirtu qaddis fuq is-​segwaċi tiegħu biex b’hekk kienu kapaċi mill-​ewwel jagħtu xiehda lil nies minn ħafna ġnus dwar l-​affarijiet taʼ l-​għaġeb li Alla kien qiegħed jagħmel permezz taʼ Ibnu. Il-​qlub taʼ ħafna li semgħu lil Pietru f’dik l-​okkażjoni ġew imqanqlin b’mod profond, u madwar 3,000 tgħammdu bħala dixxipli Kristjani. (Atti 2:14-42) Li kieku kont hemm, kont int tieħu azzjoni deċiżiva bħal dik?

7. (a) Kieku int kont f’Antijokija meta l-​appostlu Pawlu ppriedka hemmhekk, xi stajt titgħallem? (b) Xi wħud fost il-​folla għala saru kredenti u qasmu l-​aħbar tajba m’oħrajn?

7 Kieku int kont fost dawk preżenti meta l-​appostlu Pawlu għallem f’Antijokija fil-​provinċja Rumana tal-​Galatja, x’iktar stajt titgħallem dwar Ġesù? Kont tismaʼ lil Pawlu jispjega li l-​fatt li Ġesù ġie kkundannat għall-​mewt mill-​ħakkiema f’Ġerusalemm kien ġie mbassar mill-​profeti. Kont tismaʼ wkoll dwar evidenza taʼ xhieda li raw b’għajnejhom l-​irxoxt taʼ Ġesù. Żgur li kont tibqaʼ impressjonat mill-​ispjegazzjoni taʼ Pawlu fejn qal li, billi rxoxta lil Ġesù mill-​mewt, Jehovah ikkonferma li dan kien tabilħaqq l-​Iben t’Alla. U ma kontx tħoss qalbek tfur bl-​imħabba hekk kif tgħallimt li l-​maħfra tad-​dnubiet li ntgħamlet possibbli bil-​fidi f’Ġesù setgħet twassal għall-​ħajja taʼ dejjem? (Atti 13:16-41, 46, 47; Rumani 1:4) Billi rrikonoxxew is-​sinjifikat taʼ dak li kienu qegħdin jisimgħu, xi wħud f’Antijokija saru dixxipli, billi b’mod attiv qasmu l-​aħbar tajba m’oħrajn, avolja li jagħmlu dan kien ifisser li kienu se jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa.—Atti 13:42, 43, 48-52; 14:1-7, 21-23.

8. Kieku int kont fil-​laqgħa tal-​kongregazzjoni t’Efesu meta rċevew l-​ittra taʼ Pawlu, x’kont tistaʼ titgħallem?

8 Xi ngħidu kieku int kont qiegħed tassoċja mal-​kongregazzjoni Kristjana f’Efesu, fil-​provinċja Rumana taʼ l-​Asja, meta waslet hemmhekk l-​ittra mnebbħa taʼ Pawlu lid-​dixxipli? Xi stajt titgħallem minnha dwar l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla? F’dik l-​ittra Pawlu spjega li permezz taʼ Kristu l-​affarijiet kollha fis-​sema u fuq l-​art kellhom jinġiebu lura f’armonija m’Alla, li l-​għotja t’Alla permezz taʼ Kristu ġiet estiża lil nies taʼ kull ġens, li individwi li kienu ilhom mejtin f’għajnejn Alla minħabba n-​nuqqasijiet tagħhom kienu qegħdin jintgħamlu ħajjin permezz tal-​fidi fi Kristu u li, bħala riżultat taʼ dan il-​provvediment, kien possibbli għal darb’oħra li l-​bnedmin isiru wlied maħbubin t’Alla.—Efesin 1:1, 5-10; 2:4, 5, 11-13.

9. (a) X’jistaʼ jgħinek tagħraf jekk int tifhimx personalment is-​sinjifikat taʼ dak li Pawlu kiteb lill-​Efesin? (b) L-​aħwa fil-​provinċji Rumani msemmijin minn Pietru kif ġew effettwati minn dak li kienu qegħdin jitgħallmu dwar Ġesù?

9 Kien apprezzament għal dan kollu se jagħmel l-​imħabba tiegħek għall-​Iben t’Alla iktar profonda? Kienet dik l-​imħabba se tinfluwenza l-​ħajja tiegħek minn jum għal jum, bħalma inkuraġġixxa l-​appostlu Pawlu fil-​kapitli 4 sa 6 t’Efesin? Kien apprezzament bħal dan se jqanqlek biex teżamina bir-​reqqa l-​prijoritajiet tiegħek stess fil-​ħajja? Għall-​imħabba t’Alla u bi gratitudni lejn Ibnu, kont int se tagħmel l-​aġġustamenti meħtieġa sabiex li tagħmel ir-​rieda t’Alla jkun verament iċ-​ċentru taʼ ħajtek? (Efesin 5:15-17) Rigward il-​mod li bih Kristjani fl-​Asja, fil-​Galatja, u fi provinċji Rumani oħrajn ġew effettwati minn dak li kienu qegħdin jitgħallmu, l-​appostlu Pietru kitbilhom: “Għalkemm ma rajtuhx [lil Ġesù Kristu], intom tħobbuh; . . . intom temmnu [“teżerċitaw fidi,” NW]; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser.”—1 Pietru 1:8.

10. (a) X’ikkontribwixxa bla ebda dubju għall-​imħabba tal-​Kristjani bikrin lejn Ġesù? (b) Kif nistgħu aħna nibbenefikaw ukoll?

10 Kien hemm xi ħaġa oħra li bla dubju kkontribwiet għall-​imħabba lejn l-​Iben t’Alla li kienu jħossu dawk il-​Kristjani bikrin li lilhom indirizza Pietru. Din x’kienet? Saż-​żmien li Pietru kiteb l-​ewwel ittra tiegħu, minn taʼ l-​inqas tnejn mill-​Evanġelji​—Mattew u Luqa—​kienu diġà qegħdin fl-​idejn. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu li qatt ma kienu raw lil Ġesù setgħu jaqraw dawn ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju. Aħna wkoll nistgħu naqrawhom. L-​Evanġelji m’humiex xi rakkonti immaġinarji; dawn għandhom il-​karatteristiċi kollha taʼ l-​istorja l-​iktar taʼ min joqgħod fuqha. F’dawk id-​dokumenti mnebbħin, insibu ħafna affarijiet li japprofondulna l-​imħabba tagħna lejn l-​Iben t’Alla.

L-​Ispirtu Li Wera Hu

11, 12. X’hemm dwar l-​ispirtu li Ġesù wera lejn bnedmin oħrajn li jġagħlek tħobbu?

11 Hemmhekk fid-​dokument miktub tal-​ħajja taʼ Ġesù, nitgħallmu kif ittratta maʼ bnedmin oħrajn. L-​ispirtu li wera jqanqal il-​qlub tan-​nies saħansitra issa, iktar minn 1,960 sena wara li miet. Kulmin hu ħaj jinsab imtaqqal bl-​effetti tad-​dnub. Bosta miljuni huma vittmi taʼ inġustizzji, qegħdin jitqabdu maʼ mard, jew għal xi raġunijiet oħrajn iħossu diżappunt li jifnihom. Lil dawn l-​uħud kollha, Ġesù jgħidilhom: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.

12 Ġesù wera tħassib sensittiv għall-​foqra, għall-​imġewħin, u għal dawk li jinsabu mnikktin. Meta ċ-​ċirkostanzi għamluha neċessarja, hu saħansitra temaʼ b’mod mirakoluż folol kbar. (Luqa 9:12-17) Ħelishom minn tradizzjonijiet taʼ jasar. Bena wkoll il-​fidi tagħhom fil-​provvediment t’Alla biex itemm il-​moħqrija politika u ekonomika. Ġesù ma ħonoqx l-​ispirtu taʼ dawk li kienu diġà mgħaffġin. B’tenerezza u mħabba, hu bis-​sengħa għolla lill-​ġwejdin. Irrifreska lil dawk li kienu qishom qasab mitbiela li kienu ltwew u lil dawk li kienu bħal ftejjel tal-​kittien inemnu u li kienu waslu biex jintfew. Sal-​ġurnata tal-​lum, ismu jispira tama, saħansitra fil-​qlub taʼ dawk li qatt ma rawh.—Mattew 12:15-21; 15:3-10.

13. Il-​mod li bih Ġesù ttratta mal-​midinbin għala jattira lin-​nies?

13 Ġesù m’approvax il-​ħażen, u madankollu wera li kien jifhem lin-​nies li kienu għamlu żbalji fil-​ħajja imma wrew indiema u daru lejh għall-​għajnuna. (Luqa 7:36-50) Kien ipoġġi bil-​qiegħda u jiekol maʼ nies li kienu mistmerra fil-​komunità jekk kien iħoss li dan kien se jipprovdi opportunità biex jgħinhom spiritwalment. (Mattew 9:9-13) Bħala riżultat taʼ dak l-​ispirtu li wera, miljuni taʼ nies f’ċirkostanzi simili u li qatt ma raw lil Ġesù ġew imqanqlin biex isiru jafuh u poġġew fidi fih.

14. X’jolqtok l-​iktar fil-​mod li bih Ġesù għen lin-​nies li kienu morda, immankati, jew imnikktin?

14 Il-​mod li bih Ġesù ttratta maʼ nies li kienu morda jew immankati jagħti evidenza tal-​kordjalità u l-​mogħdrija tiegħu kif ukoll taʼ l-​abbiltà tiegħu biex iġibilhom serħan. B’hekk, meta raġel marid mimli lebbra resaq lejh u talbu bil-​ħniena għall-​għajnuna, Ġesù ma nġibidx lura x’ħin rah. U ma qalx lir-​raġel li, għalkemm kien jitħassru, il-​każ kien avanzat wisq u li ma setaʼ jsir xejn biex jgħinu. Ir-​raġel talab bil-​ħniena: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tfejjaqni.” Mingħajr ma qagħad jaħsibha, Ġesù ħareġ idu u mess lil-​lebbruż, billi qallu: “Irrid; kun imfejjaq.” (Mattew 8:2, 3) F’okkażjoni oħra mara fittxet biex tfiq billi, mingħajr ħadd ma nduna, messet il-​frenża tal-​libsa tiegħu. Ġesù ttratta magħha b’qalb tajba u b’mod rassiguranti. (Luqa 8:43-48) U meta ltaqaʼ maʼ funeral għaddej, tqanqal bil-​ħniena għall-​armla mnikkta li kien mitilha l-​uniku iben tagħha. Għalkemm Ġesù kien irrifjuta li juża l-​qawwa tiegħu mogħtija minn Alla biex b’mod mirakoluż jipprovdi l-​ikel għalih innifsu, hu wżaha liberament biex jirxoxta lill-​mejjet u jagħtih lura lil ommu.—Luqa 4:2-4; 7:11-16.

15. Li taqra r-​rakkonti dwar Ġesù u timmedita fuqhom kif jeffettwak?

15 Hekk kif naqraw dawn ir-​rakkonti u nimmeditaw fuq l-​ispirtu li wera Ġesù, l-​imħabba tagħna ssir iktar profonda għal dan il-​wieħed li ċeda l-​ħajja umana tiegħu sabiex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. Avolja qatt ma rajnieh, inħossuna miġbudin lejh, u rridu nsegwu fil-​passi tiegħu.—1 Pietru 2:21.

Id-​Dipendenza Umli Tiegħu Fuq Alla

16. Ġesù fuq min iffoka l-​attenzjoni primarja, u x’inkuraġġiena biex nagħmlu?

16 Iktar minn kull ħaġa oħra, Ġesù ffoka l-​attenzjoni tiegħu u tagħna fuq Missieru tas-​sema, Alla Jehovah. Hu identifika l-​akbar kmandament fil-​liġi, billi qal: “Ħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:36, 37) Hu wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Emmnu f’Alla.” (Mark 11:22) Meta kienu ffaċċjati bi prova serja tal-​fidi tagħhom, hu ħeġġiġhom: “Itolbu [“kontinwament,” NW].”—Mattew 26:41.

17, 18. (a) Ġesù kif wera d-​dipendenza umli tiegħu fuq Missieru? (b) Dak li għamel għala huwa daqshekk importanti għalina?

17 Ġesù nnifsu stabbilixxa l-​eżempju. It-​talb kellu parti importanti f’ħajtu. (Mattew 14:23; Luqa 9:28; 18:1) Meta wasal iż-​żmien biex jagħżel lill-​appostli tiegħu, Ġesù ma ddependiex sempliċement fuq il-​ġudizzju tiegħu stess, għalkemm l-​anġli kollha fis-​sema kienu qabel taħt is-​superviżjoni tiegħu. B’mod umli hu qattaʼ lejl sħiħ f’talb lil Missieru. (Luqa 6:12, 13) Meta ffaċċja arrest u mewta kiefra, Ġesù reġaʼ dar lejn Missieru, billi talab bis-​serjetà. Ma qagħadx jgħid li lil Satana kien jafu sew u setaʼ faċilment jegħleb kwalunkwe ħaġa li dak il-​wieħed mill-​agħar setaʼ jivvinta. Ġesù rrealizza kemm kien importanti li hu ma jfallix. Xi tmaqdir kien iġib il-​falliment tiegħu fuq Missieru! U x’telfa għall-​umanità, li l-​prospetti tal-​ħajja tagħhom kienu jiddependu fuq is-​sagrifiċċju li Ġesù kien se joffri!

18 Ġesù talab ripetutament​—meta kien maʼ l-​appostli tiegħu f’kamra fis-​sular taʼ fuq f’Ġerusalemm u saħansitra iktar bil-​ħeġġa fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. (Mattew 26:36-44; Ġwann 17:1-26; Lhud 5:7) Meta kien qiegħed isofri fuq iz-​zokk tat-​tortura, m’għajjarx lil dawk li nsulentawh. Minflok, hu talab għan-​nom taʼ dawk li bdew jaġixxu fl-​injoranza: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Luqa 23:34) Hu żamm moħħu ffokat fuq Missieru, billi “ħalla f’idejn l-​Imħallef ġust.” L-​aħħar kliem li lissen fuq iz-​zokk tat-​tortura kien talba lil Missieru. (1 Pietru 2:23; Luqa 23:46) Kemm aħna grati li, b’dipendenza sħiħa fuq Jehovah, Ġesù wettaq fedelment l-​inkarigu li Missieru kien fdalu f’idejh! Għalkemm qatt ma rajna lil Ġesù Kristu, kemm inħobbuh profondament għal dak li għamel!

Nesprimu Mħabbitna Lejh

19. F’li nesprimu mħabba lejn Ġesù, liema prattiċi għandna nevitaw bħala li huma kompletament mhux xierqa?

19 Kif nistgħu nagħtu evidenza li l-​imħabba li nsostnu li għandna hija iktar minn sempliċi kliem? Ladarba Missieru, li lilu Ġesù kien iħobb, ipprojbixxa li wieħed jagħmel xbihat u li mbagħad iqishom bħala oġġetti taʼ devozzjoni, żgur li ma nkunux qegħdin inġibu unur lil Ġesù billi nilbsu xbiha bħal din maʼ xi ġiżirana madwar għonqna jew billi nġorru xi xbiha mat-​toroq. (Eżodu 20:4, 5; Ġwann 4:24) Ma se nġibu ebda unur lil Ġesù jekk aħna nattendu funzjonijiet reliġjużi, saħansitra billi nagħmlu dan diversi drabi fil-​ġimgħa, u ma ngħixux f’armonija mat-​tagħlim tiegħu għall-​bqija tal-​ġimgħa. Ġesù qal: “Min iżomm il-​kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-​Missier.”—Ġwann 14:21, 23; 15:10.

20. X’inhuma xi affarijiet li se juru jekk tassew inħobbux lil Ġesù?

20 Liema kmandamenti tana hu? Fuq quddiemnett, biex inqimu lil dak Alla veru, Jehovah, u lilu waħdu. (Mattew 4:10; Ġwann 17:3) Minħabba l-​irwol tiegħu fl-​iskop t’Alla, Ġesù għallem ukoll li aħna rridu neżerċitaw fidi fih bħala l-​Iben t’Alla u li din irridu nuruha billi nistmerru x-​xogħlijiet mill-​agħar u billi nimxu fid-​dawl. (Ġwann 3:16-21) Hu tana parir biex infittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u t-​tjieba tiegħu, billi npoġġu dawn qabel it-​tħassib dwar ħtiġijiet fiżiċi. (Mattew 6:31-33) Hu kkmanda li nħobbu lil xulxin bħalma ħabbna hu. (Ġwann 13:34; 1 Pietru 1:22) U inkarigana biex inkunu xhieda rigward l-​iskop t’Alla, saħansitra bħalma kien hu. (Mattew 24:14; 28:19, 20; Apokalissi 3:14) Għalkemm qatt ma raw lil Ġesù, madwar ħames miljun Xhieda taʼ Jehovah illum huma mqanqlin minn imħabba ġenwina għalih biex josservaw dawk il-​kmandamenti. Il-​fatt li lil Ġesù ma rawhx personalment bl-​ebda mod ma jdgħajjef id-​determinazzjoni tagħhom biex ikunu ubbidjenti. Huma jiftakru dak li Sidhom qal lill-​appostlu Tumas: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”—Ġwann 20:29.

21. Kif nibbenefikaw milli nattendu l-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu, li din is-​sena se jinżamm nhar il-​Ħadd, 23 taʼ Marzu?

21 Huwa ttamat li int se tkun fost dawk li mad-​dinja kollha se jinġabru fis-​Swali tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah wara nżul ix-​xemx nhar il-​Ħadd, 23 taʼ Marzu, 1997, biex tiftakar fl-​aqwa espressjoni taʼ l-​imħabba t’Alla lejn l-​umanità u biex tikkommemora l-​mewt taʼ Ibnu leali, Ġesù Kristu. Dak li jintqal u dak li jsir f’dik l-​okkażjoni għandu japprofondixxi l-​imħabba għal Jehovah u għal Ibnu u b’hekk iżid ix-​xewqa biex tħares il-​kmandamenti t’Alla.—1 Ġwann 5:3.

(w97 2/1)

Kif Twieġeb Int?

◻ Dawk li lilhom ġie indirizzat l-​ewwel ktieb taʼ Pietru kif saru jafu u jħobbu lil Ġesù?

◻ X’inhuma xi wħud mill-​affarijiet li jimpressjonawk li semgħu xi Kristjani bikrin?

◻ X’hemm dwar l-​ispirtu li Ġesù wera li japprofondixxi l-​imħabba tiegħek għalih?

◻ Id-​dipendenza umli taʼ Ġesù fuq Alla għala hija daqshekk importanti għalina?

◻ Kif nistgħu nuru mħabbitna lejn Ġesù Kristu?

[Stampa f’paġna 30]

Aħna nħossuna miġbudin lejn Ġesù minħabba l-​ispirtu li hu wera

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja