Inwaqqgħu Affarijiet li Jkunu Stabbiliti fis-Sod
1 Satana ilu sekli sħaħ juża t-tagħlim falz u l-qerq biex jagħmi l-qlub u l-imħuħ taʼ ħafna nies. Hu xerred duttrini bħat-Trinità, l-immortalità tar-ruħ, u n-nar taʼ l-infern. Hu jippromwovi dubju dwar l-eżistenza taʼ Ħallieq u dwar l-awtentiċità tal-Bibbja. Ir-razziżmu u n-nazzjonaliżmu huma żewġ ostakli kbar oħrajn li jwaqqfu n-nies milli jaċċettaw il-verità. (2 Kor. 4:4) Kif nistgħu nwaqqgħu twemmin li jkun stabbilit fis-sod?—2 Kor. 10:4, 5.
2 L-Emozzjonijiet Involuti: Spiss in-nies ikollhom emozzjonijiet qawwijin dwar it-twemmin reliġjuż li jkunu ilhom iħaddnu. Xi wħud ilhom iħaddnu twemmin żbaljat minn tfulithom. Biex ngħinu lil dawn l-uħud, irridu nitkellmu b’rispett lejn il-ħarsa tagħhom.—1 Pt. 3:15.
3 Nistgħu nuru rispett lejn dawn l-individwi billi nħalluhom jispjegaw x’jemmnu u għala jemmnuh. (Ġak. 1:19) Forsi huma jsostnu li r-ruħ hija immortali minħabba li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt u jixtiequ jerġgħu jarawh. Jew forsi jiċċelebraw il-festi minħabba li jgħożżu l-opportunitajiet li jagħtuhom biex iqattgħu l-ħin mal-familja tagħhom. Jekk nisimgħu dak li għandhom xi jgħidu se nifhmu aħjar is-sentimenti tagħhom u se niġu megħjunin inwiġbuhom b’mod effettiv.—Prov. 16:23.
4 Imitaw lil Ġesù: Ġesù pprovdielna eżempju eċċellenti meta wieġeb il-mistoqsijiet taʼ raġel li kien jaf il-Liġi sew. Ġesù ma qallux x’għandu jagħmel għaliex ir-raġel setaʼ jiċħad it-tweġiba minħabba li kien jgħożż it-twemmin tiegħu. Minflok, Ġesù rrefera għall-Iskrittura, stiednu jesprimi l-ħarsa tiegħu, u għenu jirraġuna permezz taʼ tixbiha.—Lq. 10:25-37.
5 Il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħin lin-nies ma jibqgħux jemmnu twemmin reliġjuż falz li kien stabbilit fis-sod. (Ebr. 4:12) Jekk bil-paċenzja nispjegaw il-verità nistgħu nqanqlu qalb is-semmiegħa tagħna u ngħinuhom jiċħdu t-tagħlim falz u jħaddnu l-verità li tistaʼ teħlishom.—Ġw. 8:32.