Qed Nagħmel Biżżejjed?
1. Liema tħassib jistaʼ jkollu Kristjan leali?
1 Ġieli staqsejt din il-mistoqsija lilek innifsek? Forsi naqqast fil-ministeru minħabba l-età avanzata, problemi taʼ saħħa, jew iktar responsabbiltajiet tal-familja, u għalhekk bdejt tħossok skuraġġit. Waħda oħt bi tlett itfal kitbet li kultant tħoss sentimenti taʼ ħtija minħabba li ħafna mill-ħin u l-enerġija trid tużahom biex tieħu ħsieb il-familja tagħha, u b’hekk hi limitata f’dak li tistaʼ tagħmel fil-ministeru. X’se jgħinna nħarsu lejn l-affarijiet b’mod bilanċjat?
2. Ġeħova x’jistenna minna?
2 Dak li Jistenna Minna Ġeħova: Żgur li lkoll kemm aħna nixtiequ nagħmlu iktar fil-ministeru. Imma spiss hemm differenza kbira bejn dak li nixtiequ nagħmlu u dak li nistgħu nagħmlu b’mod realistiku. Il-fatt li nixtiequ nagħmlu iktar juri li jimpurtana. Irridu niftakru li Ġeħova jaf sew il-limitazzjonijiet tagħna u ma jirrikjedix minna iktar milli nistgħu nagħtu b’mod raġunevoli. (Salm 103:13, 14) X’jistenna minna? Hu jridna naqduh b’ruħna kollha, jiġifieri li nagħtuh l-aħjar tagħna.—Kol. 3:23.
3. Kif nistgħu neżaminaw l-isforzi tagħna fil-ministeru?
3 X’se jgħinna naraw x’inhu realistiku li nistennew minna nfusna? Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nħarsu lejn is-sitwazzjoni tagħna b’mod realistiku. (Salm 26:2) Ħabib Kristjan matur fdat, li jafna sew u li ma jibżax jgħidilna jekk għandniex bżonn nitjiebu, jistaʼ wkoll ikun t’għajnuna. (Prov. 27:9) Ftakar ukoll li ladarba ċ-ċirkustanzi jinbidlu jkun tajjeb li neżaminaw is-sitwazzjoni tagħna regolarment.—Efes. 5:10.
4. Kif għandna nħarsu lejn it-tfakkiriet ibbażati fuq il-Bibbja dwar il-ministeru?
4 Kif Għandna Nħarsu Lejn it-Tfakkiriet Dwar il-Ministeru: Matul tellieqa, dawk li jkunu qed jaraw lill-ġerrejja spiss jgħajtu biex jinkuraġġuhom. L-iskop hu li jgħinu lill-ġerrejja jilħqu l-mira tagħhom mhux li jaqtgħulhom qalbhom. B’mod simili, l-inkuraġġiment u t-tfakkiriet ibbażati fuq il-Bibbja li jingħataw fil-laqgħat u fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex ‘nippritkaw il-kelma b’urġenza’ huma għall-ġid tagħna u mhux biex jagħtuna x’nifhmu li l-isforzi tagħna b’xi mod mhumiex biżżejjed. (2 Tim. 4:2) Nistgħu nkunu fiduċjużi li sakemm nibqgħu nipprovaw nagħmlu l-aħjar tagħna, Ġeħova se jiftakar b’għożża ‘l-imħabba u l-għemejjel’ tagħna u jappoġġana.—Ebr. 6:10.