LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 9/15 pp. 7-11
  • It-Tfakkiriet ta’ Ġeħova Huma ta’ Min Jafdahom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tfakkiriet ta’ Ġeħova Huma ta’ Min Jafdahom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF IŻRAEL IRREAĠIXXA GĦAT-​TFAKKIRIET T’ALLA
  • OBDI LIL ALLA U TGĦIX
  • IT-​TFAKKIRIET GĦENU LILL-​KRISTJANI TAL-​BIDU JIBQGĦU LEALI
  • AFDA F’ĠEĦOVA LLUM
  • Tħobbhom Ħafna Int it-Tfakkiriet taʼ Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Agħmel it-Tfakkiriet ta’ Ġeħova l-Ferħ ta’ Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “It-Tfakkiriet Tiegħek Huma Dak li Jien Ngħożż”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Din Mhux Diġà Smajnieha?
    Il-Ministeru tas-Saltna—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 9/15 pp. 7-11

It-​Tfakkiriet taʼ Ġeħova Huma taʼ Min Jafdahom

“It-​tfakkira taʼ Ġeħova taʼ min jafdaha, u tagħti l-​għerf lil min hu bla esperjenza.”—SALM 19:7.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġeħova liema tip taʼ tfakkiriet jagħtina fl-​Iskrittura?

  • It-​tfakkiriet taʼ Ġeħova kif jistgħu jgħinu lill-​Kristjani llum?

  • X’raġunijiet għandna biex nafdaw it-​tfakkiriet taʼ Ġeħova?

1. Liema suġġetti spiss nistudjaw fil-​laqgħat tagħna, u studju regulari taʼ dawn is-​suġġetti kif jgħinna?

WAQT li tkun qed tipprepara l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa, ġieli ħsibt, ‘Qisna diġà studjajnieh dan is-​suġġett’? Jekk ilek xi żmien tattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, x’aktarx li nnotajt li xi suġġetti jiġu kunsidrati darba wara l-​oħra. Spiss nistudjaw dwar is-​Saltna t’Alla, il-​fidwa, ix-​xogħol tal-​ippritkar, u kwalitajiet bħall-​imħabba u l-​fidi. Studju regulari taʼ dawn is-​suġġetti jżomm il-​fidi tagħna b’saħħitha u jgħinna ‘nagħmlu l-​kelma, u mhux nisimgħuha biss.’—Ġak. 1:22.

2. (a) It-​tfakkiriet t’Alla spiss għal xiex jirreferu? (b) Il-​liġijiet taʼ Ġeħova kif inhuma differenti mil-​liġijiet umani?

2 In-​nom Ebrajk tradott “tfakkira” spiss jirreferi għal liġijiet, kmandi, u regoli li Alla jagħti lill-​poplu tiegħu. Kuntrarju għal-​liġijiet umani, li spiss ikollhom jitbiddlu jew jiġu aġġornati, il-​liġijiet u r-​regoli taʼ Ġeħova dejjem huma taʼ min jafdahom. Huwa minnu li Alla ta xi liġijiet fil-​passat li l-​poplu tiegħu llum m’għadx għandu għalfejn isegwihom. Imma dan mhuwiex għax dawn il-​liġijiet kellhom xi ħaġa ħażina. Is-​salmista qal: “Is-​sewwa tat-​tfakkiriet tiegħek jibqaʼ għal dejjem.”—Salm 119:144.

3, 4. (a) X’jistgħu jinkludu t-​tfakkiriet taʼ Ġeħova? (b) L-​Iżraelin kif kienu se jibbenefikaw kieku obdewhom?

3 Int għandek mnejn innotajt li t-​tfakkiriet taʼ Ġeħova kultant inkludew messaġġi taʼ twissija. Il-​ġens t’Iżrael spiss kien jingħata twissijiet permezz tal-​profeti t’Alla. Pereżempju, ftit qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Mosè wissiehom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li ma tmurx qalbkom titħajjar, u dduru u tqimu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, u r-​rabja taʼ Ġeħova tixgħel kontrikom.” (Dt. 11:16, 17) Il-​Bibbja turi li Alla ta lill-​poplu tiegħu bosta tfakkiriet t’għajnuna.

4 F’ħafna okkażjonijiet oħra, Ġeħova ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex jibżgħu minnu, jisimgħu minn leħnu, u jqaddsu lil ismu. (Dt. 4:29-​31; 5:28, 29) Kieku obdew dawn it-​tfakkiriet, żgur li kienu se jgawdu ħafna barkiet.—Lev. 26:3-​6; Dt. 28:1-​4.

KIF IŻRAEL IRREAĠIXXA GĦAT-​TFAKKIRIET T’ALLA

5. Ġeħova għala ġġieled għas-​Sultan Ħeżekija?

5 Matul l-​istorja tal-​Iżraelin, Alla dejjem żamm il-​wegħda tiegħu magħhom. Pereżempju, meta s-​sultan Assirjan Sennakerib invada lil Ġuda u hedded lis-​Sultan Ħeżekija, Ġeħova bagħat anġlu biex jgħin lill-​poplu Tiegħu. F’lejl wieħed biss, l-​anġlu t’Alla qered “kull raġel qalbieni u setgħan” fl-​armata Assirjana, u Sennakerib ġie sforzat imur lura pajjiżu umiljat. (2 Kron. 32:21; 2 Slat. 19:35) Alla għala ġġieled għas-​Sultan Ħeżekija? Għax Ħeżekija “baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova. Ma warrabx minn warajh, imma kompla jħares il-​kmandamenti” tiegħu.—2 Slat. 18:1, 5, 6.

Ġosija semaʼ t-​tfakkiriet taʼ Ġeħova u għen lin-​nies biex jerġgħu jqimu lil Ġeħova (Ara paragrafu 6)

6. Is-​Sultan Ġosija kif wera li kellu fiduċja f’Ġeħova?

6 Eżempju ieħor taʼ xi ħadd li obda l-​kmandi taʼ Ġeħova hu s-​Sultan Ġosija. Minn meta kellu biss tmien snin “għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova . . . u ma żvijax lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug.” (2 Kron. 34:1, 2) Ġosija wera l-​fiduċja tiegħu f’Ġeħova billi naddaf l-​art mill-​idoli u billi ġedded il-​qima vera. Minħabba li Ġosija għamel dawn l-​affarijiet, Ġeħova ma berikx biss lilu imma wkoll lill-​ġens kollu kemm hu.—Aqra t-​2 Kronaki 34:31-​33.

7. X’ġara meta l-​Iżraelin m’obdewx lil Ġeħova?

7 Madankollu, b’dispjaċir il-​poplu t’Alla mhux dejjem fada kompletament fit-​tfakkiriet taʼ Ġeħova. Matul is-​sekli, huma m’obdewx lil Ġeħova bosta drabi. Meta l-​fidi tagħhom kienet dgħajfa, oħrajn faċilment influwenzawhom biex iqimu lil allat foloz. (Efes. 4:13, 14) U bħalma Alla kien wissiehom, meta ma fdawx fih, huma batew.—Lev. 26:23-​25; Ġer. 5:23-​25.

8. Kif nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tal-​Iżraelin?

8 B’liema mod nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju tal-​Iżraelin? Bħalma ngħataw huma, il-​qaddejja t’Alla llum jingħataw pariri u dixxiplina. (2 Pt. 1:12) Il-​Kelma ispirata t’Alla tistaʼ sservi bħala tfakkira għalina kull darba li naqrawha. U Ġeħova jħallina nagħżlu jekk nobdux il-​kmandi tiegħu jew jekk nagħmlux biss dak li jidher sew f’għajnejna. (Prov. 14:12) Ejja nikkunsidraw xi raġunijiet għala nistgħu npoġġu l-​fiduċja tagħna fit-​tfakkiriet taʼ Ġeħova u kif nibbenefikaw billi nobduhom.

OBDI LIL ALLA U TGĦIX

9. Meta l-​Iżraelin kienu fix-​xagħri, Ġeħova kif aċċertahom li kien qed jappoġġahom?

9 Meta l-​Iżraelin bdew il-​vjaġġ tagħhom t’40 sena fix-​xagħri, Ġeħova ma tahomx dettalji speċifiċi minn qabel dwar kif kien se jidderiġihom, jipproteġihom, u jieħu ħsiebhom. Xorta waħda, hu darba wara l-​oħra wera li setgħu jafdaw fih u fl-​istruzzjonijiet tiegħu. Permezz taʼ kolonna tas-​sħab bi nhar u waħda tan-​nar bil-​lejl, Ġeħova fakkar lill-​Iżraelin li hu kien qed jappoġġahom fil-​vjaġġ diffiċli tagħhom. (Dt. 1:19; Eżo. 40:36-​38) Hu pprovdielhom ukoll il-​bżonnijiet bażiċi tagħhom. ‘Ilbieshom ma qdiemx, u saqajhom ma ntefħulhomx.’ Tabilħaqq, “ma kien jonqoshom xejn.”—Neħ. 9:19-​21.

10. Ġeħova kif qed jiggwida lill-​poplu tiegħu llum?

10 Il-​qaddejja t’Alla llum dalwaqt se jkunu f’dinja ġdida taʼ ġustizzja. Għandna fiduċja aħna li Ġeħova se jagħtina dak li neħtieġu biex insalvaw mit-​“tribulazzjoni kbira” li riesqa? (Mt. 24:21, 22; Salm 119:40, 41) Huwa minnu li Ġeħova ma taniex kolonna tas-​sħab jew waħda tan-​nar biex tiggwidana għal ġod-​dinja l-​ġdida. Imma qed juża l-​organizzazzjoni tiegħu biex jgħinna nibqgħu għassa. Pereżempju, aħna ġejna mħeġġin insaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova billi naqraw il-​Bibbja, ikollna lejla tal-​Qima tal-​Familja, kif ukoll billi regolarment nattendu l-​laqgħat u noħorġu fil-​ministeru. Għamilna aħna aġġustamenti f’ħajjitna biex inkunu nistgħu nsegwu dawn l-​istruzzjonijiet? Jekk nagħmlu dan se niġu megħjunin ikollna l-​fidi soda li neħtieġu biex ngħaddu ħajjin għal ġod-​dinja l-​ġdida.

Meta nagħtu widen għat-​tfakkiriet taʼ Ġeħova niġu megħjunin inżommu s-​Sala tas-​Saltna tagħna bla periklu (Ara paragrafu 11)

11. Liema huma xi modi kif Alla juri li jimpurtah mis-​saħħa u l-​ferħ tagħna?

11 Minbarra li jgħinuna nibqgħu mqajmin spiritwalment, id-​direzzjonijiet li ngħatajna jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum. Pereżempju, ġejna mħeġġin inżommu ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali u nżommu għajn sempliċi biex innaqqsu l-​ansjetà. Ibbenefikajna wkoll mill-​gwida dwar l-​ilbies u d-​dehra tagħna, l-​għażla taʼ divertiment xieraq, u l-​ammont t’edukazzjoni li għandna nieħdu. U aħseb fit-​tfakkiriet li jgħinuna nkunu fis-​sigurtà f’darna, fil-​karozzi tagħna, u fis-​Swali tas-​Saltna u li jgħinuna nkunu preparati għall-​emerġenzi. Dawn il-​pariri kollha juru li Alla jimpurtah mis-​saħħa u l-​ferħ tagħna.

IT-​TFAKKIRIET GĦENU LILL-​KRISTJANI TAL-​BIDU JIBQGĦU LEALI

12. (a) Ġesù dwar liema suġġett ripetutament kellem lid-​dixxipli tiegħu? (b) Liema lezzjoni t’umiltà qatt ma nesa Pietru, u kif għandha teffettwana?

12 Fl-​ewwel seklu, il-​poplu t’Alla ngħata tfakkiriet regulari. Ġesù ripetutament kellem lid-​dixxipli tiegħu dwar il-​bżonn li jikkultivaw l-​umiltà. Però, hu għamel iktar milli sempliċement qal lid-​dixxipli tiegħu xi jfisser li tkun umli—hu wriehom kif. Fl-​aħħar jum tiegħu fuq l-​art bħala bniedem, Ġesù ġabar lill-​appostli flimkien għall-​Qbiż. Waqt li l-​appostli tiegħu kienu qed jieklu, Ġesù qam minn fuq il-​mejda u ħaslilhom saqajhom—xi ħaġa li s-​soltu kienet issir minn ilsir. (Ġw. 13:1-​17) Dak li għamel Ġesù f’dik il-​lejla għallem lill-​appostli lezzjoni qawwija li qatt ma nsew. Xi 30 sena wara, l-​appostlu Pietru, li kien hemmhekk f’dik l-​ikla, ta lil sħabu fit-​twemmin parir dwar l-​umiltà. (1 Pt. 5:5) L-​eżempju taʼ Ġesù għandu jqanqalna lkoll inkunu umli meta nittrattaw maʼ xulxin.—Flp. 2:5-​8.

13. Ġesù fakkar lid-​dixxipli tiegħu dwar il-​bżonn li jiżviluppaw liema kwalità importanti ferm?

13 Il-​bżonn għal fidi soda kien suġġett ieħor li Ġesù spiss iddiskuta mad-​dixxipli tiegħu. Wara li ma rnexxilhomx ifejqu lil tifel li kien maħkum minn demonju, id-​dixxipli saqsew lil Ġesù: “Għala ma stajniex inkeċċuh?” Ġesù wieġeb: “Minħabba l-​fidi żgħira tagħkom. Għax tassew ngħidilkom, Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-​mustarda, . . . xejn ma jkun impossibbli għalikom.” (Mt. 17:14-​20) Matul il-​ministeru taʼ Ġesù, hu għallem lid-​dixxipli tiegħu li l-​fidi hi kwalità importanti ferm. (Aqra Mattew 21:18-​22.) Qegħdin aħna nieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet disponibbli għalina biex insaħħu l-​fidi tagħna permezz tal-​istruzzjoni inkuraġġanti li ningħataw fil-​konvenzjonijiet, l-​assembleat, u l-​laqgħat Kristjani? Dawn mhumiex biss laqgħat taʼ ferħ; huma okkażjonijiet biex nuru fiduċja f’Ġeħova.

14. Għala hu importanti li nikkultivaw imħabba bħal taʼ Kristu llum?

14 L-​Iskrittura Griega Kristjana hi mimlija tfakkiriet għalina biex nuru mħabba lejn xulxin. Ġesù qal li t-​tieni l-​akbar kmandament hu li ‘tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ (Mt. 22:39) B’mod simili, Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, sejjaħ l-​imħabba “l-​liġi nobbli.” (Ġak. 2:8) L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbubin, m’iniex qed niktbilkom kmandament ġdid, imma kmandament qadim li ngħatajtu sa mill-​bidu.” (1 Ġw. 2:7, 8) Ġwanni għal xiex kien qed jirreferi bħala l-​“kmandament qadim”? Kien qed jirreferi għall-​kmand biex inħobbu. Kien “qadim” fis-​sens li Ġesù kien ta dan il-​kmand għaxriet taʼ snin qabel, “sa mill-​bidu.” Imma dan il-​kmand kien “ġdid” ukoll għax id-​dixxipli iktar tard kien se jkollhom juru mħabba mhix egoistika f’sitwazzjonijiet ġodda. Bħala dixxipli taʼ Kristu, napprezzaw aħna twissijiet li jgħinuna ngħassu kontra li niżviluppaw l-​attitudni egoistika li hi tant komuni fid-​dinja u li tistaʼ teqred l-​imħabba tagħna għall-​proxxmu?

15. X’kien ix-​xogħol ewlieni taʼ Ġesù fuq l-​art?

15 Ġesù wera interess persunali fin-​nies. Naraw l-​interess kollu mħabba tiegħu meta fejjaq il-​morda u meta rxoxta l-​mejtin. Madankollu, ix-​xogħol ewlieni taʼ Ġesù ma kienx li jfejjaq lin-​nies fiżikament. L-​ippritkar u t-​tagħlim tiegħu kellhom impatt ħafna iktar dejjiemi fuq il-​ħajja tan-​nies. Kif? Pereżempju, nafu li dawk li Ġesù fejjaq u rxoxta fl-​ewwel seklu eventwalment xjaħu u mietu, filwaqt li dawk li laqgħu l-​messaġġ li pprietka kellhom l-​opportunità li jgawdu l-​ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 11:25, 26.

16. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova llum kif qed jobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli?

16 Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.” (Mt. 28:19) Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu komplew ix-​xogħol li beda Ġesù u aħna llum nippritkaw lil iktar nies f’iktar postijiet minn qatt qabel. Iktar minn sebaʼ miljun Xhud taʼ Ġeħova qed ixandru s-​Saltna t’Alla b’mod żeluż f’iktar minn 230 pajjiż, u x-​Xhieda regolarment jistudjaw il-​Bibbja maʼ miljuni taʼ nies. Dan l-​ippritkar juri li qed ngħixu fl-​aħħar jiem.

AFDA F’ĠEĦOVA LLUM

17. Liema pariri taw Pawlu u Pietru?

17 B’mod ċar, it-​tfakkiriet għenu lill-​Kristjani tal-​bidu biex jibqgħu sodi fil-​fidi. Immaġina l-​inkuraġġiment li Timotju żgur ħass meta l-​appostlu Pawlu, li dak iż-​żmien kien priġunier f’Ruma, qallu: “Ibqaʼ żomm il-​mudell taʼ kliem mimli saħħa li smajt mingħandi.” (2 Tim. 1:13) Wara li ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex irawmu kwalitajiet bħas-​sabar, l-​affezzjoni lejn l-​aħwa, u r-​rażan, l-​appostlu Pietru qal: “Inkun dejjem lest li nfakkarkom f’dawn l-​affarijiet, għalkemm tafuhom u intom stabbiliti sew fil-​verità.”—2 Pt. 1:5-​8, 12.

18. Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu kif kienu jqisu t-​tfakkiriet?

18 Iva, l-​ittri li kitbu Pawlu u Pietru kien fihom “dak li ngħad qabel mill-​profeti mqaddsa.” (2 Pt. 3:2) Imma rrabjaw ħutna tal-​ewwel seklu meta ngħataw direzzjoni bħal din? Le. Kienu jafu li Alla kien qed jagħtihom din id-​direzzjoni għax kien iħobbhom u ried jgħinhom jibqgħu leali.—2 Pt. 3:18.

19, 20. Għala għandna nafdaw it-​tfakkiriet taʼ Ġeħova, u kif nibbenefikaw meta nagħmlu dan?

19 Illum, aħna għandna bosta raġunijiet biex ikollna fiduċja fit-​tfakkiriet taʼ Ġeħova, li jinsabu fil-​Kelma infallibbli tiegħu, il-​Bibbja. (Aqra Ġożwè 23:14.) Fil-​paġni tagħha, insibu kif Alla ttratta mal-​bnedmin imperfetti matul eluf taʼ snin. Dan ir-​rakkont storiku tniżżel bil-​miktub għall-​benefiċċju tagħna. (Rum. 15:4; 1 Kor. 10:11) Aħna rajna t-​twettiq taʼ profeziji Bibliċi. Il-​profeziji jistgħu jitqabblu maʼ tfakkiriet li jintqalu bil-​quddiem. Pereżempju, miljuni taʼ nies saru aduraturi taʼ Ġeħova, bħalma ġie profetizzat li se jiġri “fl-​aħħar parti tal-​jiem.” (Is. 2:2, 3) Il-​kundizzjonijiet tad-​dinja li dejjem sejrin għall-​agħar ukoll iwettqu profeziji Bibliċi. U, bħalma diġà ssemma, ix-​xogħol tal-​ippritkar mad-​dinja kollha qed iwettaq direttament il-​kliem taʼ Ġesù.—Mt. 24:14.

20 Matul is-​sekli, il-​Ħallieq tagħna wera b’mod ċar li nistgħu nafdaw fih. Qegħdin aħna nibbenefikaw mit-​tfakkiriet tiegħu? Oħt jisimha Rosellen tgħid: ‘Hekk kif bdejt nafda kompletament f’Ġeħova, bdejt nara iktar ċar kif bi mħabba kien qed jappoġġani u jsaħħaħni.’ Aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw jekk nagħtu kas it-​tfakkiriet taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja