Seklu ta’ reklamar tas-Saltna!
1. In-nies ta’ Ġeħova, x’ġew inkuraġġiti li jagħmlu kważi seklu ilu?
1 “Araw, is-Sultan jirrenja! Intom l-aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, lis-Sultan u s-Saltna tiegħu.” B’dan il-kliem kommoventi minn Ħuna Rutherford kważi seklu ilu, in-nies ta’ Ġeħova kienu inkuraġġiti biex ixandru l-messaġġ tas-Saltna ma’ kullimkien. U hekk proprju għamilna! Bħall-Kristjani tal-bidu, ippritkajna l-aħbar tajba tas-Saltna “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kol. 1:23) Meta nikkunsidraw is-seklu li għadda, x’għamilna biex nirriklamaw is-Saltna t’Alla? Kif nistgħu nkomplu nirreklamawha hekk kif noqorbu lejn il-100 sena minn mindu twieldet is-Saltna?
2. Il-letteratura tagħna kif ippromwoviet is-Saltna t’Alla?
2 Nikkunsidraw il-passat: Għal sekli sħaħ, il-letteratura tagħna ppromwoviet is-Saltna t’Alla. Mill-1939 ir-rivista prinċipali tagħna kellha dan it-titlu: It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna t’Alla. Din ir-rivista spiss tiddiskuti s-Saltna u dak li se twettaq. Ir-rivista Stenbaħ! ukoll tenfasizza s-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità. Kemm hu xieraq li dawn iż-żewġ rivisti huma l-iktar żewġ rivisti tradotti u l-iktar imqassmin mad-dinja kollha!—Riv. 14:6.
3. X’inhuma xi metodi li użajna biex nirreklamaw is-Saltna?
3 In-nies ta’ Ġeħova użaw diversi metodi biex jirreklamaw is-Saltna. Fil-bidu tas-seklu li għadda għamilna użu minn karozzi bil-loudspeakers, xandir bir-radju, u fonografi li jinġarru. Dawn il-metodi għenuna nxandru l-aħbar tajba lil ħafna nies f’daqqa fi żmien meta kien għad hemm ftit proklamaturi. (Salm 19:4) Fis-snin reċenti ppubblikajna informazzjoni fuq jw.org, u b’hekk xandarna dwar is-Saltna lil miljuni ta’ nies—inkluż lil dawk li jgħixu f’pajjiżi fejn hemm restrizzjonijiet fuq ix-xogħol tagħna.
4. Liema inizjattivi speċjali bdejna nieħdu sehem fihom?
4 In-nies ta’ Ġeħova ħadu sehem ukoll f’inizjattivi speċjali sabiex ixandru l-messaġġ tas-Saltna. Pereżempju, madwar is-sena 1995 għamilna sforz biex, apparti x-xogħol minn dar għal dar, nagħtu xhieda wkoll f’ġonna u f’postijiet ta’ parkeġġ u kummerċ. Reċentement, organizzajna għoti ta’ xhieda speċjali lill-pubbliku fi bliet kbar madwar id-dinja. Barra minn hekk, ħafna kongregazzjonijiet qed jieħdu sehem fl-ippritkar f’postijiet pubbliċi fit-territorju lokali tagħhom billi jużaw stends u mwejjed li jitpoġġew f’akkwati fejn ikun hemm ħafna nies. M’għandniex xi ngħidu, ix-xogħol minn dar għal dar għadu l-metodu prinċipali ta’ ppritkar tagħna.—Atti 20:20.
5. Is-sena ġdida ta’ servizz, liema opportunitajiet toffri għal ħafna minna?
5 Nikkunsidraw il-futur: Mill-bidu tas-sena ġdida ta’ servizz f’Settembru, ħafna se jibdew jaqdu bħala pijunieri regulari. Tista’ tibda magħhom? Jekk le, tista’ taqdi bħala pijunier awżiljarju minn żmien għal żmien? Kemm jekk tista’ taqdi bħala pijunier u kemm jekk le, Ġeħova żgur li jbierkek għal kwalunkwe sforz li tagħmel sabiex tirreklama s-Saltna b’mod sħiħ.—Mal. 3:10.
6. Ix-xahar t’Ottubru 2014 għala se jkun speċjali?
6 F’Ottubru 2014, is-Saltna se tagħlaq 100 sena minn mindu twieldet. Għax ma tagħmilx sforz biex twassal din l-aħbar tajba lil kemm jista’ jkun nies? Hekk kif inħarsu lejn il-futur, jalla kull wieħed minna jkompli “jxandar l-aħbar tajba dwar is-saltna t’Alla” lil kull min lest li jisma’.—Atti 8:12.