It-triq għal-libertà vera
“Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew.”—ĠWANNI 8:36.
1, 2. (a) X’qed jagħmlu n-nies biex jiksbu l-libertà? (b) X’inhu r-riżultat?
ILLUM, nies f’ħafna partijiet tad-dinja jitkellmu dwar drittijiet ugwali u libertà, jew ħelsien. Xi wħud iridu jkunu liberi minn trattament inġust, preġudizzju, u faqar. Oħrajn iridu jkunu liberi li jgħidu li jridu, jagħżlu li jridu, u jgħixu kif iridu. Kull fejn iddawwar wiċċek, in-nies iridu jkunu liberi.
2 Sabiex jiksbu l-libertà, in-nies jorganizzaw protesti u saħansitra rivoluzzjonijiet. Imma jiksbu tassew dak li jridu? Le. Ġeneralment, ir-riżultat ikun iżjed tbatija u anke mewt. Il-kliem tas-Sultan Salamun li nsibu f’Ekkleżjasti 8:9 hu verament minnu: “Il-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih.”
3. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu verament ferħanin u sodisfatti?
3 Il-Bibbja tgħidilna x’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu verament ferħanin u sodisfatti. Id-dixxiplu Ġakbu qal: “Min iħares fiss lejn il-liġi perfetta tal-libertà u jibqaʼ jagħmel hekk . . . ikun hieni li qed jagħmilha.” (Ġakbu 1:25) Il-liġi perfetta tiġi mingħand Ġeħova, u hu jaf l-aħjar x’għandna bżonn biex inkunu ferħanin u sodisfatti għalkollox. Ġeħova ta lil Adam u Eva libertà vera u kull ħaġa oħra li kellhom bżonn biex ikunu ferħanin.
META L-BNEDMIN KIENU ĦIELSA TASSEW
4. X’libertà kellhom Adam u Eva? (Ara l-ewwel stampa.)
4 Meta naqraw l-ewwel żewġ kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi nitgħallmu li Adam u Eva kellhom it-tip taʼ libertà li n-nies illum jistgħu biss jixxennqu għaliha. Huma kellhom kulma kienu jeħtieġu, ma kellhom biżaʼ taʼ xejn, u ħadd ma ttrattahom inġustament. Ma kinux jinkwetaw dwar ikel, xogħol, mard, jew mewt. (Ġenesi 1:27-29; 2:8, 9, 15) Imma kienet il-libertà tagħhom mingħajr limiti? Ejja naraw.
5. Minkejja dak li ħafna jaħsbu, in-nies x’għandhom bżonn biex ikollhom il-libertà?
5 Ħafna nies jaħsbu illi li jkollhom libertà vera jfisser li jistgħu jagħmlu kulma jridu mingħajr ma jinkwetaw dwar il-konsegwenzi. The World Book Encyclopedia tgħid li l-libertà hi “l-abbiltà li tagħmel għażliet u twettaqhom.” Madankollu, tgħid ukoll li n-nies ikunu liberi jekk gvern jagħmlilhom limiti li jkunu ġusti, neċessarji, jew raġunevoli. Dan ifisser li xi limiti huma neċessarji biex kulħadd ikun jistaʼ jkollu l-libertà. Imma min għandu d-dritt li jiddeċiedi jekk ċertu limitu hux ġust, neċessarju, u raġunevoli?
6. (a) Ġeħova għala hu l-uniku wieħed li għandu libertà assoluta? (b) Liema tip taʼ libertà jistaʼ jkollhom il-bnedmin, u għala?
6 Hu importanti li niftakru li Alla Ġeħova biss għandu libertà assoluta u bla limitu. Għala? Għaliex hu ħalaq l-affarijiet kollha u hu l-Mexxej li jistaʼ kollox tal-univers. (1 Timotju 1:17; Rivelazzjoni 4:11) Is-Sultan David uża kliem sabiħ biex jiddeskrivi l-pożizzjoni unika u għolja li Ġeħova biss għandu. (Aqra l-1 Kronaki 29:11, 12.) B’kuntrast għal dan, il-libertà tal-ħlejjaq kollha fis-sema u fuq l-art għandha l-limiti. Din hi libertà relattiva. Alla Ġeħova jridna nifhmu li hu biss għandu d-dritt li jiddeċiedi liema limiti huma ġusti, neċessarji, u raġunevoli. Sa mill-bidu, Ġeħova għamel limiti għall-ħolqien tiegħu.
7. X’inhuma xi ftit mill-affarijiet li rridu nagħmlu u li jagħmluna ferħanin?
7 Għalkemm Adam u Eva kellhom ħafna libertà, il-libertà tagħhom kellha l-limiti. Uħud minn dawn il-limiti kienu naturali għalihom. Pereżempju, biex jibqgħu jgħixu kellhom jieħdu n-nifs, jieklu, u jorqdu. Kien dan ifisser li ma kinux liberi? Le. Fil-fatt, Ġeħova għamel ċert illi li jagħmlu dawn l-affarijiet kien se jagħmilhom ferħanin u kuntenti. (Salm 104:14, 15; Ekkleżjasti 3:12, 13) Ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir b’arja nadifa, nieklu l-ikel favorit tagħna, u jkollna lejl tajjeb taʼ mistrieħ. Ma nħossuniex limitati meta nagħmlu dawn l-affarijiet. Żgur li Adam u Eva ħassewhom bl-istess mod.
8. Liema kmand speċifiku ta Alla lil Adam u Eva, u għaliex?
8 Ġeħova ta kmand speċifiku lil Adam u Eva. Qalilhom biex ikollhom it-tfal, jimlew l-art, u jieħdu ħsiebha. (Ġenesi 1:28) Neħħa dan il-kmand il-libertà tagħhom? Lanqas xejn, anzi tahom l-opportunità li jibdlu l-art kollha f’ġenna, u b’hekk jagħmluha dar fejn setgħu jgħixu għal dejjem mat-tfal perfetti tagħhom. Dan kien l-iskop t’Alla. (Isaija 45:18) Illum, in-nies ma jkunux qed jiksru l-kmand t’Alla jekk jagħżlu li ma jiżżewġux jew li ma jkollhomx tfal. Minkejja dan, in-nies xorta jiżżewġu u jkollhom it-tfal avolja dan iġib miegħu xi diffikultajiet. (1 Korintin 7:36-38) Għaliex? Għax jistennew li jsibu l-ferħ u s-sodisfazzjon. (Salm 127:3) Kieku Adam u Eva obdew lil Ġeħova, huma setgħu jgawdu ż-żwieġ u l-familja tagħhom għal dejjem.
KIF INTILFET IL-LIBERTÀ VERA?
9. Il-kmand t’Alla li nsibu f’Ġenesi 2:17 għala kien ġust, neċessarju, jew raġunevoli?
9 Ġeħova ta kmand ieħor lil Adam u Eva u qalilhom biċ-ċar x’kien se jiġri jekk ma jobduhx. Hu qal: “Mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:17) Kien dak il-kmand inġust, mhux neċessarju, jew mhux raġunevoli? Lil Adam u Eva ħadilhom il-libertà? Bl-ebda mod! Fil-fatt, ħafna studjużi tal-Bibbja jaħsbu li l-kmand t’Alla kien veru għaqli u jagħmel sens. Studjuż minnhom jgħid li l-kmand jgħallimna “li huwa Alla biss li jaf x’inhu tajjeb . . . għall-bnedmin u Alla biss jaf x’inhu ħażin . . . għalihom. Sabiex igawdu t-‘tajjeb,’ il-bnedmin għandhom jafdaw lil Alla u jobduh. Jekk ma jobdux, huma se jitħallew jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb . . . u x’inhu ħażin.” Din hi xi ħaġa diffiċli wisq biex il-bnedmin jagħmluha waħedhom.
L-għażla taʼ Adam u Eva wasslet għal diżastru! (Ara paragrafi 9-12)
10. Il-libertà tal-għażla għala mhix l-istess ħaġa bħad-dritt li wieħed jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin?
Ġeħova biss għandu d-dritt li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin
10 Xi nies għandhom mnejn jaħsbu li Ġeħova ma tax il-libertà lil Adam biex jagħmel li jrid. Madankollu, huma ma jirrealizzawx li l-libertà tal-għażla, jew id-dritt li tagħżel x’tagħmel, mhuwiex l-istess bħad-dritt li tiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Adam u Eva kellhom il-libertà li jagħżlu jekk jobdux lil Alla. Iżda Ġeħova biss għandu d-dritt li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. “Is-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” kienet evidenza għal Adam u Eva taʼ dan il-fatt. (Ġenesi 2:9) Aħna mhux dejjem inkunu nafu x’se jkun ir-riżultat tal-għażliet tagħna, u żgur li ma nistgħux inkunu nafu jekk ir-riżultati jkunux dejjem tajbin. Hu għalhekk li spiss naraw nies jagħmlu għażliet jew jieħdu deċiżjonijiet b’intenzjonijiet tajbin, imma r-riżultat taʼ dawn l-għażliet ikun tbatija, diżastru, jew traġedja. (Proverbji 14:12) Iva, il-bnedmin huma limitati f’dak li jistgħu jagħmlu. Billi ta lil Adam u Eva l-kmand biex ma jiklux mis-siġra, Ġeħova għallimhom li kellhom jobduh biex ikollhom libertà vera. Adam u Eva xi ddeċidew li jagħmlu?
11, 12. L-għażla li għamlu Adam u Eva għala wasslet għal diżastru? Agħti eżempju.
11 B’dispjaċir, Adam u Eva għażlu li ma jobdux lil Ġeħova. Eva għażlet li tagħti kas kliem Satana meta wiegħed: “Għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 3:5) Wasslet l-għażla li għamlu Adam u Eva għal iktar libertà, bħalma qal Satana? Le, ma wasslitx. Fil-fatt huma sabu li meta ċaħdu d-direzzjoni taʼ Ġeħova, dan wassal għal diżastru. (Ġenesi 3:16-19) Għala? Għaliex Ġeħova ma tax lill-bnedmin il-libertà li jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.—Aqra Proverbji 20:24; Ġeremija 10:23.
12 Dan hu simili għal pilota li jsuq ajruplan. Sabiex jasal qawwi u sħiħ fid-destinazzjoni tiegħu, normalment isegwi rotta approvata, billi juża l-għodod taʼ navigazzjoni fuq l-ajruplan u jikkomunika maʼ uffiċjali tat-traffiku tal-ajru. Imma jekk il-pilota ma jsegwix id-direzzjonijiet u jgħaddi minn fejn irid hu, dan jistaʼ jwasslu għal diżastru. Bħal dak il-pilota, Adam u Eva riedu jagħmlu l-affarijiet bil-mod tagħhom. Huma ċaħdu l-gwida t’Alla. B’liema riżultat? Diżastru! Id-deċiżjoni tagħhom wasslet għad-dnub u l-mewt għalihom u għat-tfal tagħhom kollha li ġew wara. (Rumani 5:12) Adam u Eva ma kisbux iktar libertà billi pprovaw jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Minflok, huma tilfu l-libertà vera li Ġeħova kien tahom.
KIF NIKSBU LIBERTÀ VERA
13, 14. Kif nistgħu niksbu libertà vera?
13 Xi nies jaħsbu li l-aħjar hu meta jkollhom libertà bla limitu. Imma dan veru? Għalkemm hemm ħafna benefiċċji f’li wieħed ikollu l-libertà, tistaʼ int timmaġina kif tkun id-dinja kieku ma kien hemm limiti taʼ xejn? The World Book Encyclopedia tgħid li l-liġijiet taʼ kull soċjetà organizzata huma komplikati għax għandhom jipproteġu u fl-istess ħin jillimitaw il-libertà tan-nies. Dan mhux dejjem faċli. Għalhekk naraw daqstant liġijiet u daqstant avukati u mħallfin li jipprovaw jispjegawhom u japplikawhom.
14 Ġesù Kristu spjega kif jistaʼ jkollna libertà vera. Hu qal: “Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.” (Ġwanni 8:31, 32) Allura biex ikollna libertà vera għandna bżonn nagħmlu żewġ affarijiet. L-ewwel, għandna bżonn naċċettaw il-verità li Ġesù għallem. It-tieni, għandna bżonn insiru dixxipli tiegħu. Li nagħmlu dawn l-affarijiet jagħtina libertà vera. Imma libertà minn xiex? Ġesù qal: “Kulmin jagħmel id-dnub hu lsir tad-dnub.” Hu żied: “Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew.”—Ġwanni 8:34, 36.
15. Il-libertà li Ġesù wiegħed għala tistaʼ tagħmilna “ħielsa tassew”?
15 Il-libertà li Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu hi bil-wisq aħjar mit-tip taʼ libertà li l-biċċa l-kbira min-nies iridu llum. Meta Ġesù qal, “Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew,” hu kien qed jitkellem dwar libertà mill-jasar għad-dnub, l-agħar tip taʼ jasar li l-bnedmin qatt esperjenzaw. B’liema mod aħna lsiera tad-dnub? Id-dnub iġegħelna nagħmlu affarijiet ħżiena. Jistaʼ wkoll iżommna milli nagħmlu dak li nafu li hu tajjeb jew milli nagħmlu l-aħjar tagħna. Ir-riżultat hu frustrazzjoni, uġigħ, tbatija, u fl-aħħar mewt. (Rumani 6:23) L-appostlu Pawlu kien jaf kemm kien taʼ wġigħ li wieħed ikun ilsir tad-dnub. (Aqra Rumani 7:21-25.) Huwa biss meta d-dnub jitneħħa kompletament li aħna se jkollna l-libertà vera li darba kellhom Adam u Eva.
16. Kif nistgħu nsiru ħielsa tassew?
16 L-istqarrija taʼ Ġesù “jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi” turi li jekk irridu li Ġesù jeħlisna, jeħtieġ li nagħmlu ċerti affarijiet. Liema affarijiet? Bħala Kristjani dedikati, aħna ċħadna lilna nfusna u għażilna li naċċettaw il-limiti li Ġesù għamel għad-dixxipli tiegħu. (Mattew 16:24) Bħalma wiegħed Ġesù, aħna se nkunu verament ħelsin fil-futur meta nirċievu l-benefiċċji kollha tas-sagrifiċċju bħala fidwa.
17. (a) Kif nistgħu nkunu verament ferħanin u sodisfatti? (b) X’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?
17 Sabiex inkunu verament ferħanin u sodisfatti, bħala d-dixxipli taʼ Ġesù rridu nobdu t-tagħlim tiegħu. Jekk nagħmlu dan, fl-aħħar mill-aħħar nistgħu ninħelsu għalkollox mill-jasar għad-dnub u l-mewt. (Aqra Rumani 8:1, 2, 20, 21.) Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu kif nistgħu nużaw b’għaqal il-libertà li għandna issa. Imbagħad inkunu nistgħu nonoraw lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà vera, għal dejjem.