Il-Protezzjoni tan-Nisa—X’Tgħid il-Bibbja
Miljuni taʼ nisa u bniet minn madwar id-dinja ġew abbużati. Int waħda minnhom? Sir af kemm Alla jimpurtah li n-nisa jkunu protetti u ara x’se jagħmel biex iwaqqaf lil dawk li jittrattaw ħażin lin-nisa.
“Meta kont żgħira, ħija l-kbir kuljum kien jabbużani fiżikament u jgħidli kliem li jweġġaʼ ħafna. Wara li żżewwiġt, il-kunjata kienet tabbużani. Hi u l-kunjatu kienu jittrattawni qisni skjava. Ġieli ħsibt li nagħmel suwiċidju.”—Madhu,a l-Indja.
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, “il-vjolenza fuq in-nisa saret komuni mad-dinja kollha.” Huwa kkalkulat li mara minn kull tlieta xi darba f’ħajjitha se tgħaddi minn vjolenza fiżika jew sesswali.
Jekk għaddejt minn dan, forsi ma tħossokx protetta u tibżaʼ li kull fejn tmur tistaʼ tiġi abbużata verbalment, sesswalment, jew fiżikament. Minħabba li ħafna nisa qed jesperjenzaw il-vjolenza u jiġu trattati ħażin, forsi tħoss li ħafna nies għandhom l-idea li n-nisa mhux importanti. Imma huma n-nisa importanti għal Alla?
Il-Bibbja turina li għal Alla hu importanti li n-nisa jkunu protetti
Alla kif iqis lin-nisa?
Vers mill-Bibbja: “[Alla] raġel u mara ħalaqhom.”—Ġenesi 1:27.
Dan xi jfisser: Alla ħalaq kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa. Għalih it-tnejn ħaqqhom ir-rispett. Fil-fatt, Alla jrid li raġel miżżewweġ “iħobb lill-mara tiegħu bħalu nnifsu,” mhux jipprova jikkontrollaha, u żgur mhux se jgħidilha kliem li jweġġaʼ jew ikun vjolenti magħha. (Efesin 5:33; Kolossin 3:19) Mela dan juri li għal Alla hu importanti ħafna li n-nisa jkunu protetti.
“Meta kont żgħira, kont abbużata sesswalment minn membri tal-familja. Meta kelli 17, l-imgħallem heddidni li jkeċċini mix-xogħol jekk ma nagħmilx sess miegħu. Meta kbirt ġejt trattata ħażin mir-raġel, mill-ġenituri, u mill-ġirien. Imma mbagħad tgħallimt dwar Ġeħova,b il-Ħallieq tagħna, u fhimt li hu jirrispetta lin-nisa. Dan serraħli moħħi li jħobbni u li jien prezzjuża għalih.”—Maria, l-Arġentina.
X’jistaʼ jgħinek biex ma tibqax tħossok imweġġgħa emozzjonalment?
Vers mill-Bibbja: “Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.”—Proverbji 18:24.
Dan xi jfisser: Ħabib veru se jkun hemm għalik. Jekk hu possibbli, iftaħ qalbek maʼ xi ħadd li tafda.
“Għal 20 sena ma għedt lil ħadd li kont qed niġi abbużata sesswalment. Minħabba f’hekk kont inħossni mdejqa, anzjuża, u dipressa. Meta fl-aħħar ftaħt qalbi maʼ xi ħadd li kien lest li jismagħni, ħassejtni vera aħjar.”—Elif, it-Turkija.
Vers mill-Bibbja: ‘Ħallu l-ansjetajiet tagħkom f’idejn [Alla], għax hu jimpurtah minnkom.’—1 Pietru 5:7.
Dan xi jfisser: Alla żgur se jisimgħek meta titolbu. (Salm 55:22; 65:2) Minħabba li hu jimpurtah minnek, hu se jgħinek tifhem kemm inti prezzjuża.
“Il-fatt li bdejt nitgħallem dwar Ġeħova għenni biex l-uġigħ emozzjonali li kelli jonqos. Issa nistaʼ niftaħ qalbi m’Alla billi nitolbu. Hu bħal ħabib li jifhem kif inkun qed inħossni.”—Ana, il-Belize.
Xi darba Alla se jwaqqafhom lil dawk li jittrattaw ħażin lin-nisa?
Vers mill-Bibbja: ‘Ġeħova . . . se jara li ssir ġustizzja mal-orfni u maʼ dawk li jiġu ttrattati ħażin, ħalli ma jibqgħux jibżgħu minn sempliċi bniedem.’—Salm 10:17, 18.
Dan xi jfisser: Alla dalwaqt se jwaqqaf l-inġustizzji li qed isiru, inkluż il-moħqrija u l-vjolenza kontra n-nisa.
“Meta tgħallimt li Ġeħova dalwaqt se jwaqqaf lil dawk li jittrattaw ħażin lin-nisa u l-bniet, kien bħal terapija li għenitni nħossni aħjar. Issa qed inħossni fil-paċi.”—Roberta, il-Messiku.
Biex titgħallem iktar dwar kif il-Bibbja tagħtina tama, għala tistaʼ tafda l-wegħdi li nsibu fiha, u kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jgħinuk permezz tal-Bibbja, biex tiġi żżurek.
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Ġeħova hu l-isem t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-artiklu “Min hu Ġeħova?”