LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ijwfq artiklu 58
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?
  • Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-edukazzjoni hi importanti ħafna
  • L-edukazzjoni għandha titqies b’mod realistiku
  • L-edukazzjoni għolja tistaʼ twassal għal perikli morali u spiritwali
  • L-Edukazzjoni—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Edukazzjoni bi Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ġenituri—X’Futur Tixtiequ Għal Uliedkom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Għandhom Uliedi Jmorru l-Iskola?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
ijwfq artiklu 58
Żgħażagħ lebsin it-toga u l-kappell waqt li jżommu d-diploma

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?

Aħna nibbażaw il-ħarsa tagħna lejn l-edukazzjoni fuq il-prinċipji li nsibu fil-Bibbja. Kull Xhud juża l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja biex jiddeċiedi kif se japplika l-prinċipji divini bħal dawn li ġejjin.a

  • L-edukazzjoni hi importanti ħafna

  • L-edukazzjoni għandha titqies b’mod realistiku

  • L-edukazzjoni għolja tistaʼ twassal għal perikli morali u spiritwali

  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipprovdu tagħlim reliġjuż għat-tfal waħedhom?

L-edukazzjoni hi importanti ħafna

L-edukazzjoni tgħin persuna biex tiżviluppa “l-għerf prattiku u l-abbiltà li taħseb,” kwalitajiet li l-Bibbja tfaħħarhom ħafna. (Proverbji 2:10, 11; 3:21, ntt., 22) Iktar minn hekk, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex ikunu għalliema tal-affarijiet li kkmandahom jagħmlu. (Mattew 28:19, 20) B’hekk, aħna nħeġġu u ngħinu lil dawk fil-kongregazzjoni biex ikollhom edukazzjoni tajba, inkluż li jkunu jafu jiktbu, jaqraw, u jikkomunikaw b’mod tajjeb,b kif ukoll li jkollhom għarfien dwar reliġjonijiet u kulturi oħra.—1 Korintin 9:20-22; 1 Timotju 4:13.

Anki l-gvernijiet jaraw il-valur tal-edukazzjoni, u għalhekk spiss jagħmlu l-iskola primarja u sekondarja obbligatorja. Aħna nobdu dawn il-liġijiet fi qbil mal-kmand: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri,” jew il-gvernijiet. (Rumani 13:1) Barra minn hekk, aħna nħeġġu lit-tfal biex jirsistu fl-iskola u jagħmlu l-almu tagħhom u ma jkunux kuntenti bl-inqas possibbli.c Bħalma tgħid il-Kelma t’Alla: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin.”—Kolossin 3:23, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

L-edukazzjoni tgħinna nipprovdu għall-familji tagħna. Skont il-Bibbja, “jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) L-edukazzjoni sekulari tistaʼ tgħinna nwettqu dan l-obbligu sagru li nmantnu l-familji tagħna. Bħalma tgħid The World Book Encyclopedia, skop prinċipali tal-edukazzjoni hu li “tgħin lin-nies biex isiru membri produttivi tas-soċjetà . . . bħal ħaddiema fl-ekonomija.” Individwu tas-sengħa u bi kwalifiki jistaʼ jipprovdi għal familtu b’mod iktar faċli u taʼ min joqgħod fuqu iktar minn individwu li m’għandux sengħa u edukazzjoni bażika.—Proverbji 22:29.

Il-ġenituri jipprovdu għal uliedhom ukoll billi jippreparawhom għal meta jikbru, u l-iskola hi imprezzabbli f’dan ir-rigward. (2 Korintin 12:14) Aħna ninkuraġġixxu lill-ġenituri biex jipprovdu edukazzjoni għal uliedhom anki f’postijiet fejn din ma tiġix provduta b’xejn, tkun diffiċli biex tiksibha, jew tmur kontra l-kultura tal-post.d Aħna nagħtu wkoll suġġerimenti prattiċi dwar kif il-ġenituri jistgħu jinvolvu ruħhom fl-edukazzjoni taʼ wliedhom.e

L-edukazzjoni għandha titqies b’mod realistiku

Aħna neżaminaw bir-reqqa l-għażliet taʼ edukazzjoni sekulari. Il-Bibbja tgħid: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.” (Proverbji 14:15) Aħna napplikaw dan il-prinċipju billi neżaminaw bir-reqqa l-għażliet li jkun hemm disponibbli taʼ edukazzjoni mhux obbligatorja u billi naraw il-pożittiv u n-negattiv taʼ kull waħda. Pereżempju, kors għal xi sengħa partikulari fuq perjodu raġunevoli taʼ żmien, spiss jistaʼ jkun taʼ valur.

L-edukazzjoni spiritwali għandha iktar valur mill-edukazzjoni sekulari. B’differenza għall-edukazzjoni sekulari, edukazzjoni bbażata fuq il-Bibbja tagħti l-għarfien dwar Alla li jsalva l-ħajjiet. (Ġwanni 17:3) Din tgħallem ukoll valuri morali, jiġifieri “s-sewwa u l-ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb.” (Proverbji 2:9) L-appostlu Pawlu rċieva edukazzjoni li llum tistaʼ titqabbel maʼ dik tal-università, madankollu hu rrikonoxxa “l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù.” (Filippin 3:8; Atti 22:3) Bl-istess mod illum, ħafna Xhieda taʼ Ġeħova rċivew edukazzjoni sekulari avvanzata, madankollu jemmnu li l-edukazzjoni spiritwali tagħhom għandha iktar valur.f

Raġel żagħżugħ jieħu b’idejn raġel ikbar; raġel żagħżugħ jagħti lura kartiera li kienet mitlufa; mara żagħżugħa tgħin mara anzjana timxi

L-edukazzjoni spiritwali tgħallem valuri morali mill-aħjar

L-edukazzjoni għolja tistaʼ twassal għal perikli morali u spiritwali

Proverbju tal-Bibbja jgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħossu li l-ambjent f’xi universitajiet jew postijiet taʼ edukazzjoni għolja jistaʼ jkun taʼ periklu morali u spiritwali. Għal din ir-raġuni, ħafna Xhieda jagħżlu li ma jinvolvux ruħhom jew lit-tfal tagħhom f’ambjent bħal dan. Huma jħossu li f’postijiet taʼ edukazzjoni għolja, spiss jiġu inkuraġġiti ideat żbaljati bħal dawn li ġejjin:

  • Idea żbaljata: Il-flus iġibu ferħ u sigurtà

    L-edukazzjoni għolja spiss tiġi inkuraġġita bħala l-iktar mod ċert għal xogħol b’paga tajba ħafna, u għalhekk numru li dejjem jiżdied taʼ studenti jmorru l-università primarjament biex jaqilgħu iżjed flus. Xi wħud jittamaw li l-flus se jġibulhom kuntentizza u sigurtà, madankollu l-Bibbja turi li raġunar bħal dan mhux minnu. (Ekkleżjasti 5:10) Iktar importanti minn dan, il-Bibbja tgħallem ukoll li “l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara” u spiss twassal biex wieħed jitlef il-fidi. (1 Timotju 6:10) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu kull sforz biex jevitaw li jinqabdu mill-“qawwa qarrieqa tar-rikkezzi.”—Mattew 13:22.

  • Idea żbaljata: Persuna għandha tara li tikseb l-unur jew l-istat soċjali li jiġi permezz taʼ edukazzjoni għolja

    Pereżempju, dwar il-ħarsa komuni f’pajjiżu, Nika Gilauri, eks prim ministru tal-Georgia, kiteb: “Li tiggradwa mill-università hija xi ħaġa kważi obbligatorja bħala indikazzjoni tal-istat soċjali fil-Georgia. . . . [Fil-passat,] iż-żgħażagħ li ma ggradwawx kienu l-għajb tal-familja tagħhom.”g B’kuntrast, il-Bibbja twissi kontra dawk li jfittxu l-prominenza f’din id-dinja. Lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu li kienu qed ifittxu l-glorja għalihom infushom, Ġesù qal: “Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw glorja mingħand xulxin?” (Ġwanni 5:44) L-ambjent tal-università jistaʼ jippromwovi l-kburija, xi ħaġa li Alla jobgħod.—Proverbji 6:16, 17; 1 Pietru 5:5.

  • Idea żbaljata: Kull persuna għandha dritt tara hi x’inhu tajjeb jew ħażin

    Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipprovaw jgħixu skont dak li Alla jgħid li hu tajjeb jew ħażin. (Isaija 5:20) Madankollu, skont artiklu ppubblikat mill-Journal of Alcohol and Drug Education, ħafna studenti f’universitajiet jaslu biex “jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-għarfien li kellhom qabel taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin” minħabba pressjoni minn dawk tamparhom.h Dan jaqbel mal-prinċipju tal-Bibbja: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Fl-universitajiet, prattiki li jobgħod Alla, bħas-sokor, abbuż mid-drogi, u sess barra ż-żwieġ spiss huma komuni, u saħansitra inkuraġġiti.—1 Korintin 6:9, 10; 2 Korintin 7:1.

  • Idea żbaljata: L-edukazzjoni għolja hi l-aqwa mod biex id-dinja tmur għall-aħjar

    Aħna nifhmu li ħafna jipprovaw ikollhom edukazzjoni għolja mhux biex isiru sinjuri, famużi, jew jieħdu pjaċir b’affarijiet mhux xierqa, imma biex itejbu lilhom infushom u d-dinja. Dawn huma miri tajbin, imma x-Xhieda taʼ Ġeħova għażlu triq differenti. Bħal Ġesù, aħna tal-fehma li s-Saltna t’Alla hi l-unika tama għal dinja aħjar. (Mattew 6:9, 10) Madankollu, għalkemm qed nistennew is-Saltna biex issolvi l-problemi tad-dinja, aħna xorta qed nagħmlu xi ħaġa. Bħal Ġesù, qed naqsmu “din l-aħbar tajba tas-saltna” madwar id-dinja. B’hekk, kull sena ngħinu eluf t’eluf taʼ nies biex ibiddlu ħajjithom għall-aħjar.i—Mattew 24:14.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipprovdu tagħlim reliġjuż għat-tfal waħedhom?

Le, aħna ma nisseparawx it-tfal għat-tagħlim reliġjuż. Il-Bibbja turi li Alla ried li n-nies iqimuh mingħajr ma jkunu separati skont l-età. Pereżempju, Alla kkmanda lill-Iżraelin: “Iġbor il-poplu, l-irġiel u n-nisa, it-tfal u l-barranin, li jkunu fl-ibliet tiegħek, biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-Mulej, Alla tagħkom, u jqisu li jagħmlu l-kliem kollu ta’ din il-liġi.” (Dewteronomju 31:12, Il-Bibbja, GħBM) Fil-laqgħat tagħna aħna nimxu fuq dan l-eżempju billi ninkuraġġixxu lill-familji joqogħdu bilqiegħda ħdejn xulxin. Il-ġenituri jafu x’jisimgħu wliedhom, u dan jgħinhom iwettqu r-responsabbiltà tagħhom biex jipprovdu tagħlim reliġjuż għal uliedhom.—Efesin 6:4.

a Żgħażagħ Xhieda li għadhom jgħixu d-dar għandhom jagħmlu skont kif ikunu jixtiequ l-ġenituri tagħhom rigward l-edukazzjoni, dment li dawn ix-xewqat ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla.—Kolossin 3:20.

b Infatti, aħna ppubblikajna iktar minn 11-il miljun kopja taʼ letteratura biex ngħinu lin-nies jaqraw u jiktbu, bħall-browxer Apply Yourself to Reading and Writing. Barra minn hekk, nikkonduċu lezzjonijiet b’xejn madwar id-dinja b’120 lingwa. Fil-fatt, bejn l-2003 u l-2017, għallimna iktar minn 70,000 ruħ jaqraw u jiktbu.

c Ara l-artiklu “Għandi Nitlaq mill-Iskola?”

d Pereżempju, aħna ninkuraġġixxu lill-ġenituri biex jibagħtu l-iskola kemm lil uliedhom subien kif ukoll lill-bniet. Ara l-artiklu “Għandhom Uliedi Jmorru l-Iskola?” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2003.

e Ara l-artiklu “Kif tgħin lit-tfal tiegħek imorru aħjar fl-eżamijiet.”

f Ara s-sezzjoni “Fehmiet dwar l-oriġini tal-ħajja” fuq jw.org.

g Practical Economics: Economic Transformation and Government Reform in Georgia 2004​—2012, paġna 170.

h Volum 61, Nru. 1, April 2017, paġna 72.

i Għal eżempji veri tal-qawwa tal-Kelma t’Alla u l-messaġġ tas-Saltna, ara s-sezzjoni “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet” fuq jw.org.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja