LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 3/1 pp. 30-31
  • Hija Marija “Omm Alla”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija Marija “Omm Alla”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Marija—“Mimlija bil-​Grazzja” minn Alla
  • ‘Qim b’Tali Mod li Jixraq lil Ħlejjaq li Kapaċi Jaħsbu’
  • Hi Marija omm Alla?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • “Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Kienet Iffavorita Ferm Minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Marija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 3/1 pp. 30-31

Hija Marija “Omm Alla”?

“INFITTXU L-​KENN FIL-​PROTEZZJONI TAL-​ĦNINIET TIEGĦEK, GĦAŻIŻA OMM ALLA; TIĊĦADX IS-​SUPPLIKI TAGĦNA FIL-​BŻONN IŻDA SALVANA MILL-​QERDA, O INT LI WAĦDEK IMBIERKA.”

TALBA bħal din tiġbor is-​sentimenti taʼ ħafna miljuni taʼ rġiel u nisa devoti lejn Marija, omm Ġesù Kristu. Huma jarawha bħala omm ħanina li tistaʼ tidħol għalihom quddiem Alla u b’xi mod tinfluwenzah biex jiffavorihom.

Madankollu, hija Marija verament “Omm Alla”?

Marija—“Mimlija bil-​Grazzja” minn Alla

Żgur li Marija kienet “mimlija bil-​grazzja,” jew favorita ferm—fil-​fatt, kienet favorita iktar minn kull mara oħra li qatt għexet. (Luqa 1:28) L-​anġlu Gabrijel dehrilha u spjegalha kemm kienet se tkun verament privileġġata. “Ara,” qalilha hu. “Inti se tnissel fil-​ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-​Għoli.” Kif setgħet isseħħ din il-​ġrajja mirakoluża? Gabrijel kompla: “L-​Ispirtu s-​Santu jiġi fuqek, u l-​qawwa taʼ l-​Għoli tixħet id-​dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”—Luqa 1:​31, 32, 35.

Marija qaltlu: “Jiena l-​qaddejja tal-​Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek.” (Luqa 1:38) Għalhekk, bl-​umiltà kollha Marija aċċettat din id-​direzzjoni divina u maż-​żmien wildet lil Ġesù.

Madankollu, matul il-​bosta sekli li ġew wara, dawk li kienu devoti lejha għollewha mill-​pożizzjoni umli tagħha bħala “qaddejja t’Alla” għal dik taʼ “reġina omm” b’awtorità kbira fis-​smewwiet. Il-​mexxejja tal-​knisja ddikjarawha uffiċjalment bħala “Omm Alla” fis-​sena 431 E.K. fil-​Konċilju t’Efesu. X’wassal għal din il-​bidla? Il-​Papa Ġwanni Pawlu II spjega fattur wieħed: “Id-​devozzjoni vera lejn Omm Alla . . . għandha l-​għeruq imqabbdin fis-​sod mal-​Misteru tat-​Trinità Mqaddsa.”—Crossing the Threshold of Hope.

Għalhekk, min jaċċetta lil Marija bħala “Omm Alla” bilfors li jkun jemmen fit-​Trinità. Madankollu, hija t-​Trinità duttrina tal-​Bibbja?a Jekk jogħġbok, eżamina x’kiteb l-​appostlu Pietru fil-​Bibbja. Hu wissa kontra “għalliema qarrieqa, li jdaħħlu minn taħt ereżiji misħutin . . . u għar-​regħba jinnegozjawkom bi kliem qarrieq.” (2 Pietru 2:​1, 3, KŻ) Waħda minn dawn l-​ereżiji kienet id-​duttrina tat-​Trinità. Ladarba din ġiet aċċettata, l-​idea li Marija kienet “Omm Alla” (bil-Grieg: Theotokos, li tfisser “ġarret ’l Alla”) kienet tidher loġika. Fil-​ktieb tiegħu The Virgin, Geoffrey Ashe jistqarr li “jekk Kristu kien Alla, it-​Tieni Persuna tat-​Trinità,” bħalma jirraġunaw it-​Trinitarjani, “allura ommu meta hu kien bniedem kienet Omm Alla.”

Jekk Ġesù hu “Alla sħiħ u kollu kemm hu,” bħalma jistqarr il-​Catechism of the Catholic Church il-​ġdid, allura bix-​xieraq Marija tistaʼ tissejjaħ “Omm Alla.” Madankollu, irridu ngħidu li ħafna Trinitarjani sabuha diffiċli biex jaċċettaw dan it-​tagħlim meta ġie propost—bħalma jsibuha diffiċli t-​Trinitarjani Protestanti llum. Ġie msejjaħ bħala “kontradizzjoni tad-​devozzjoni, ‘lilu li lanqas is-​smewwiet ma jżommuh ġie miżmum ġo ġufha.’” (The Virgin)—Qabbel l-​1 Slaten 8:27.

Iżda huwa Ġesù Kristu verament “Alla sħiħ u kollu kemm hu”? Le, hu qatt ma għamel din l-​istqarrija. Minflok, hu dejjem irrikonoxxa li jinsab f’pożizzjoni inqas minn dik taʼ Missieru.—Ara Mattew 26:39; Mark 13:32; Ġwann 14:28; 1 Korintin 15:​27, 28.

‘Qim b’Tali Mod li Jixraq lil Ħlejjaq li Kapaċi Jaħsbu’

B’danakollu, il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex jużaw il-​qawwa tar-​raġuni meta jagħtu qima. Ma tgħidilniex biex ikollna fidi għamja f’dak li jissejjaħ misteru. Minflok, l-​appostlu Pawlu jgħid li għandna ‘nqimu b’tali mod li jixraq lil ħlejjaq li kapaċi jaħsbu.’—Rumani 12:​1, The Jerusalem Bible.

“Qatt ma inkuraġġewna biex naħsbu dwarha,” tgħid Anne, li trabbiet bħala Kattolika. “Aħna qatt ma ġewna dubji dwarha. Konna sempliċement nemmnu li Ġesù kien Alla, allura Marija kienet ‘Omm Alla’—kienet vera xi ħaġa mill-​iktar stramba!” Tinsiex li l-​Catechism of the Catholic Church jgħid li kull membru taʼ l-​“Unità divina” hu “Alla sħiħ u kollu kemm hu.” Din tistqarr li m’hemmx tliet allat separati. Allura, għandna aħna nemmnu li hekk kif iċ-​ċelluli ħajjin f’ġuf Marija nqasmu u reġgħu nqasmu, “Alla sħiħ u kollu kemm hu” kien miżmum ġo embriju li matul l-​ewwel xahar tat-​tqala kiber inqas minn sitt millimetri fit-​tul u kulma kellu sempliċi għajnejn u widnejn?

Ftakar li l-​anġlu Gabrijel qal lil Marija li binha kellu jissejjaħ “Bin l-​Iktar Għoli” u “Bin Alla,” mhux “Alla l-​Iben.” Fil-​fatt, kieku Ġesù verament kien Alla li Jistaʼ Kollox, l-​anġlu Gabrijel għala m’użax l-​istess terminu li jużaw it-​Trinitarjani llum—“Alla l-​Iben”? Gabrijel m’użax dan it-​terminu għaliex dan it-​tagħlim ma kienx jinsab fil-​Bibbja.

M’għandniex xi ngħidu, aħna limitati safejn nistgħu nifhmu x-​xogħlijiet t’Alla. Iżda jekk nifhmu l-​Iskrittura kif suppost, dan se jgħinna nemmnu li Alla li Jistaʼ Kollox, il-​Ħallieq tal-​ħajja, għandu l-​qawwa li b’mod mirakoluż jittrasferixxi l-​ħajja taʼ l-​Iben maħbub tiegħu, Ġesù Kristu, għal ġo ġuf Marija u mbagħad jipproteġi l-​iżvilupp tiegħu permezz tal-​forza attiva Tiegħu, jew l-​ispirtu qaddis, sakemm Marija kellha ssir omm Ġesù—Bin Alla.

Iva, Marija ġiet imbierka bil-​kbir bħala omm dak il-​wieħed li sar il-​Kristu. Ma nkunux qed nonqsuha mir-​rispett meta naċċettaw it-​tagħlim ċar tal-​Bibbja—inkluż dak li hemm imniżżel dwar l-​umiltà taʼ Marija stess—li jelimina għalkollox li tissejjaħ “Omm Alla.”

[Nota taʼ taħt]

a Jekk jogħġbok ara Għandek Int Temmen fit-​Trinità? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja