LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 12/1 pp. 20-22
  • Kienet Iffavorita Ferm Minn Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kienet Iffavorita Ferm Minn Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Privileġġ Taʼ L-​Għaġeb Tagħha
  • Issir Mart Ġużeppi
  • Marija Kellha Tfal Oħrajn
  • Omm Li Tibżaʼ Minn Alla
  • Marija Bħala Dixxiplu Taʼ Ġesù
  • Privileġġi Eterni
  • “Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Marija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġarrbet xabla taʼ niket kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Waslet “Għal Konklużjonijiet f’Qalbha”
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 12/1 pp. 20-22

Kienet Iffavorita Ferm Minn Jehovah

“L-​GĦODWA T-​TAJBA, waħda ffavorita ferm, Jehovah hu miegħek.” X’tislima dik! Il-​kelliemi m’hu ħadd ħlief l-​anġlu Gabrijel. Qiegħed jindirizza lil mara żagħżugħa taʼ qalb umli​—Marija, bint raġel jismu Eli. Is-​sena hija 3 Q.E.K., u l-​post huwa l-​belt taʼ Nazzaret.—Luqa 1:26-28.

Marija hi mwiegħda għaż-​żwieġ lil Ġużeppi l-​mastrudaxxa. Skond il-​liġi u d-​drawwa tal-​Lhud, hija meqjusa bħala l-​mara mwiegħda tiegħu. (Mattew 1:18) Bħalha, hu taʼ stat soċjali umli fil-​ħajja. L-​anġlu, allura, għala jsellmilha bħala waħda li hi ffavorita ferm?

Il-​Privileġġ Taʼ L-​Għaġeb Tagħha

Gabrijel iżid: “Tibżax, Marija, għax int sibt favur m’Alla; u, ħares! se tnissel f’ġufek u twelled iben, u trid issemmih Ġesù. Dan il-​wieħed se jkun kbir u se jkun imsejjaħ Bin l-​Iktar Għoli; u Alla Jehovah se jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u hu se jaħkem bħala sultan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma se jkun hemm ebda tmiem għas-​saltna tiegħu.”—Luqa 1:29-33.

Mgħaġġba u mħawda, Marija tistaqsi: “Kif jistaʼ jkun dan, ladarba mhux qed ikolli x’naqsam maʼ raġel?” Gabrijel iwieġeb: “Spirtu qaddis se jiġi fuqek, u qawwa taʼ l-​Iktar Għoli se titfaʼ d-​dell tagħha fuqek. Għal dik ir-​raġuni wkoll dak li jitwieled se jissejjaħ qaddis, l-​Iben t’Alla.” Biex ineħħi kwalunkwe dubju, l-​anġlu jżid: “Ħares! Eliżabetta l-​qariba tiegħek hi nfisha wkoll nisslet iben, fi xjuħitha, u dan huwa s-​sitt xahar għaliha, l-​hekk imsejħa mara ħawlija; għaliex m’Alla ebda dikjarazzjoni ma se tkun ħaġa impossibbli.”—Luqa 1:34-37.

Marija taċċetta immedjatament dan il-​privileġġ taʼ servizz meraviljuż. Minn jeddha, imma bl-​umiltà, twieġeb: “Ħares! L-​irsira taʼ Jehovah! Ħa jsir minni skond id-​dikjarazzjoni tiegħek.” Wara dan, Gabrijel jitlaq. Marija tgħaġġel lejn belt fir-​reġjun muntanjuż taʼ Ġuda. Kif tasal fid-​dar tal-​qassis Żakkarija u martu, Eliżabetta, issib il-​kundizzjonijiet eżattament bħalma ddeskriviehom l-​anġlu. X’ferħ jimla lil qalb Marija! Xofftejha jinfexxu fi kliem taʼ tifħir lil Jehovah.—Luqa 1:38-55.

Issir Mart Ġużeppi

Verġni kellha tissupplixxi l-​ġisem uman taʼ Ġesù, għax twelid bħal dan kien imbassar. (Isaija 7:14; Mattew 1:22, 23) Imma għala kienet meħtieġa verġni mwiegħda għaż-​żwieġ? Sabiex jiġi pprovdut missier putattiv li jistaʼ jgħaddi lit-​tifel id-​dritt legali għat-​tron tas-​Sultan David. Kemm Ġużeppi u kemm Marija jappartjenu lit-​tribù taʼ Ġuda u huma dixxendenti tas-​Sultan David. Għalhekk id-​drittijiet taʼ wirt taʼ Ġesù se jkunu stabbiliti d-​doppju. (Mattew 1:2-16; Luqa 3:23-33) Dan huwa għala iktar tard l-​anġlu jassigura lil Ġużeppi li m’għandux jitnikker biex jieħu lil Marija bħala l-​mara leġittima tiegħu, għalkemm tinsab tqila.—Mattew 1:19-25.a

Digriet taʼ tassazzjoni maħruġ minn Awgustu Ċesri jobbliga lil Ġużeppi u lil Marija biex jirreġistraw f’Betlehem. Waqt li kienu hemm, twelled lill-​iben imwieled l-​ewwel tagħha. Ir-​ragħajja jiġu biex jaraw lit-​tarbija, u jagħtu tifħir lil Missieru, Jehovah. Wara 40 jum taʼ purifikazzjoni skond il-​Liġi Mosajka, Marija tmur fit-​tempju f’Ġerusalemm biex tagħmel tpattija għal dnubietha. (Levitiku 12:1-8; Luqa 2:22-24) Iva, ladarba ma kenitx ikkonċepita b’mod immakulat, u għalhekk ma kenitx ħielsa mit-​tebgħa tad-​dnub, l-​imperfezzjonijiet naturali tagħha jridu jiġu mgħottijin permezz taʼ sagrifiċċji taʼ tpattija.—Salm 51:5.

Waqt li Marija u Ġużeppi jinsabu fit-​tempju, Xmun li kien imdaħħal fiż-​żmien u l-​profetessa xwejħa Anna huma pprivileġġjati li jaraw l-​Iben t’Alla. Marija mhix iċ-​ċentru taʼ l-​attenzjoni. (Luqa 2:​25-38) Iktar tard, Maġi jagħmlu att taʼ reverenza mhux lilha imma lil Ġesù.—Mattew 2:1-12.

Wara li jaħarbu lejn l-​Eġittu u jibqgħu hemm sakemm Erodi li kien mill-​agħar imut, il-​ġenituri taʼ Ġesù jirritornaw u jissetiljaw fir-​raħal ċkejken taʼ Nazzaret. (Mattew 2:13-23; Luqa 2:39) Huwa hemmhekk li Ġużeppi u Marija jrabbu lil Ġesù taħt kundizzjonijiet taʼ familja qaddisa.

Marija Kellha Tfal Oħrajn

Maż-​żmien, Marija u Ġużeppi jipprovdu lil Ġesù b’aħwa subjien u bniet naturali. Meta l-​ministeru taʼ Ġesù jġibu lejn il-​belt fejn twieled taʼ Nazzaret, dawk li kienu jafuh fi tfulitu jagħrfuh. “Dan mhux bin il-​mastrudaxxa?” huma jistaqsu. “Ommu mhux Marija jisimha, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-​bniet, mhux kollha qegħdin magħna?” (Mattew 13:55, 56) In-​nies taʼ Nazzaret qegħdin jirreferu għall-​familja fiżika taʼ Ġużeppi u Marija, inklużi l-​ulied subjien u bniet li huma jafuhom bħala l-​aħwa subjien u bniet naturali taʼ Ġesù.

Dawn l-​aħwa subjien u bniet m’humiex il-​kuġini taʼ Ġesù. Lanqas m’huma d-​dixxipli tiegħu, jew aħwa nisa u rġiel spiritwali, għax Ġwann 2:12 jagħmel distinzjoni ċara bejn iż-żewġ gruppi billi jistqarr: “Hu [Ġesù] u ommu u ħutu u d-​dixxipli tiegħu niżlu lejn Kapernaum.” Snin wara f’Ġerusalemm, l-​appostlu Pawlu ra lil Kefa, jew Pietru, u żied: “Ma rajt lill-​ebda wieħed mill-​appostli l-​oħrajn; rajt biss lil Ġakbu, ħu l-​Mulej.” (Galatin 1:19, The Jerusalem Bible) Barra minn hekk, l-​istqarrija li Ġużeppi ‘ma kellux x’jaqsam maʼ [Marija] sakemm welldet iben’ tindika li l-​missier putattiv taʼ Ġesù tassew li kellu relazzjonijiet magħha wara u sar missier l-​ulied l-​oħrajn tagħha. (Mattew 1:25) Fi qbil maʼ dan, Luqa 2:7 isejjaħ lil Ġesù l-​iben “l-​ewwel imwieled” tagħha.

Omm Li Tibżaʼ Minn Alla

Bħala omm li tibżaʼ minn Alla, Marija tikkopera maʼ Ġużeppi f’li tistruwixxi lil uliedha fit-​tjieba. (Proverbji 22:6) Li hi studenta ħabrieka taʼ l-​Iskrittura jidher minn kif esprimiet ruħha b’mod spiritwalment rikk meta sellmitilha Eliżabetta. F’dak iż-​żmien omm Ġesù tirrepeti sentimenti mill-​għanja taʼ Ħannah u turi għarfien tas-​salmi, tal-​kitbiet storiċi u profetiċi, u tal-​kotba taʼ Mosè. (Ġenesi 30:13; 1 Samwel 2:1-10; Proverbji 31:28; Malakija 3:12; Luqa 1:46-55) Marija daħħlet ġrajjiet u qwiel profetiċi ġol-​memorja tagħha, għożżithom f’qalbha, u għarblithom f’moħħha. Hi għalhekk armata tajjeb biex tieħu sehem f’li tagħti struzzjoni taʼ ġenitur liż-​żagħżugħ Ġesù.—Luqa 2:19, 33.

Ġesù li taʼ 12-il sena kien mgħallem tajjeb juri għarfien Skritturali li jgħaġġeb lill-​istudjużi fit-​tempju. Minħabba li ġie sseparat mill-​ġenituri tiegħu matul dak l-​istaġun tal-​Qbiż, ommu tgħid: “Ibni, għaliex ittrattajtna b’dan il-​mod? Hawnhekk missierek u jien b’niket mentali konna qegħdin infittxuk.” Ġesù jwieġeb: “Għalfejn kellkom tmorru tfittxuni? Ma kontux tafu li jien irrid inkun fid-​dar taʼ Missieri?” Billi ma setgħetx tifhem is-​sinjifikat taʼ din ir-​risposta, Marija terfagħha f’qalbha. Wara li jirritorna lejn Nazzaret, Ġesù jkompli “jagħmel progress fl-​għerf u fit-​tkabbir fiżiku u fil-​favur m’Alla u mal-​bnedmin.”—Luqa 2:42-52.

Marija Bħala Dixxiplu Taʼ Ġesù

Kemm huwa xieraq li Marija għandha eventwalment issir dixxiplu devot taʼ Ġesù! Hi ġwejda u m’għandha l-​ebda ambizzjoni biex tibbrilla minkejja l-​inkarigu uniku tagħha mogħti minn Alla. Marija tafha l-​Iskrittura. Jekk tfittex fiha inti stess, m’intix se ssibha deskritta b’xi dijadema, bil-​qiegħda fuq tron bħala “sultana-omm” u mdawra bil-​glorja riflessa taʼ Kristu. Minflok, se ssibha fuq waranett, ’il bogħod miċ-​ċentru taʼ attenzjoni.—Mattew 13:53-56; Ġwann 2:12.

Ġesù ma tax ċans illi tinbet xi ħaġa bħalma hija l-​Marijolatrija fost is-​segwaċi tiegħu. Waqt li kien qiegħed jitkellem f’okkażjoni waħda, “mara minn ġol-​folla għajtet, ‘Imbierek il-​ġuf li ġarrek u s-​sider li nutrik!’ ‘Minflok,’ hu wieġeb, ‘imberkin huma dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jżommuha.’” (Luqa 11:27, 28, The New American Bible, tradotta minn membri taʼ l-​Assoċjazzjoni Biblika u Kattolika taʼ l-​Amerka) Waqt festa taʼ tieġ, Ġesù qal lil Marija: “X’għandi x’naqsam miegħek, mara? Is-​siegħa tiegħi għadha ma ġietx.” (Ġwann 2:4) Traduzzjonijiet oħrajn jgħidu: “Ħalli l-​kwistjoni f’idejja.” (Weymouth) “Tipprovax tidderiġini.” (An American Translation) Iva, Ġesù rrispetta lil ommu, imma ma poġġihiex fuq pedestall.

Privileġġi Eterni

Xi privileġġi gawdiet Marija! Welldet lil Ġesù. Imbagħad rabbiet u ħarrġet lit-​tfajjel żagħżugħ. Fl-​aħħarnett, eżerċitat fidi, billi saret dixxiplu taʼ Kristu u oħtu spiritwali. Fl-aħħar ħarsa Skritturali tagħna dwar Marija, narawha f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. Qiegħda hemmhekk flimkien maʼ l-​appostli taʼ Ġesù, uliedha s-​subjien l-​oħrajn, u xi nisa leali—kollha adoraturi taʼ Jehovah.—Atti 1:13, 14.

Maż-żmien, Marija mietet u ġisimha rritorna lejn it-​trab. Bħas-​segwaċi oħrajn bikrin u midlukin taʼ binha l-​għażiż, hi raqdet fil-​mewt saż-​żmien maħtur t’Alla biex jirxoxtaha bħala ħlejqa spirtu b’ħajja immortali fis-​sema. (1 Korintin 15:44, 50; 2 Timotew 4:8) Kemm bil-​fors li qiegħda titgħaxxaq din il-​“waħda ffavorita ferm” fil-​preżenza t’Alla Jehovah u taʼ Ġesù Kristu! (94 11/15)

[Nota taʼ taħt]

a Li kieku Marija ma kenitx verġni, min kien se jkun irid jiżżewwiġha? Il-​Lhud insistew dwar li tfajla tkun verġni.—Dewteronomju 22:13-19; qabbel Ġenesi 38:24-26.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja