It-Tolleranza Minn Estrem Għal Ieħor
IX-XENA mill-isbaħ tal-Wied taʼ Kaxmir qanqlet lil wieħed filosfu tas-seklu 16 biex jesklama: “Jekk hemm ġenna x’imkien, hija hawnhekk!” Jidher ċar li dan ma kellu ebda ħjiel taʼ x’kien se jiġri iktar tard f’dik il-parti tad-dinja. Matul dawn l-aħħar ħames snin inqatlu hemmhekk minn taʼ l-inqas 20,000 ruħ fi ġlied bejn separatisti u l-Armata Indjana. Il-ġurnal Ġermaniż Süddeutsche Zeitung issa jiddeskrivi r-reġjun bħala “wied taʼ dmugħ.” Il-Wied taʼ Kaxmir joffri lezzjoni sempliċi imma siewja: L-intolleranza tistaʼ tirrovina post li jistaʼ jkun ġenna.
X’ifisser li tkun tolleranti? Skond il-Collins Cobuild English Language Dictionary, “Jekk int tolleranti, tippermetti li ħaddieħor ikollu l-attitudnijiet jew it-twemmin tiegħu, jew li jaġixxi b’xi manjiera partikulari, anki jekk int ma taqbilx jew ma tapprovax.” Kemm hi kwalità mill-aħjar li wieħed jistaʼ juri! Żgur li se nħossuna komdi maʼ nies li jirrispettaw it-twemmin u l-attitudnijiet tagħna, saħansitra meta dawn ikunu differenti minn tagħhom.
Minn Tolleranza Għal Bigottiżmu
L-oppost taʼ tolleranza hi intolleranza, li għandha diversi gradi taʼ intensità. L-intolleranza tistaʼ tibda billi wieħed b’moħħ magħluq ma japprovax l-aġir taʼ xi ħadd jew il-mod taʼ kif dan jagħmel l-affarijiet. Moħħ magħluq joħnoq il-pjaċir mill-ħajja u jagħlaq il-moħħ taʼ dak li jkun għal ideat ġodda.
Per eżempju, wieħed li dejjem serju jistaʼ jinġibed lura mill-entużjażmu taʼ tfajjel fuq ruħu. Żagħżugħ jistaʼ jittewweb għall-manjieri meditattivi taʼ xi ħadd akbar minnu fiż-żmien. Itlob lil persuna kawta biex taħdem maġenb xi ħadd avventuruż, u t-tnejn li huma jistgħu jinnervjaw ruħhom. Għala l-ġibda lura, it-titwiba, u l-innervjar? Għaliex, f’kull każ, wieħed isibha diffiċli li jittollera l-attitudnijiet jew l-imġiba taʼ l-ieħor.
Fejn titrawwem l-intolleranza, moħħ magħluq jistaʼ jeskala fi preġudizzju, li huwa mibegħda lejn xi grupp, razza, jew reliġjon. Iktar intens mill-preġudizzju huwa l-bigottiżmu, li jistaʼ jinfexx f’mibegħda vjolenti. Ir-riżultat huwa miżerja u tixrid taʼ demm. Aħseb dwar għal liema ħaġa wasslet l-intolleranza matul il-Kruċjati! Saħansitra llum, l-intolleranza hija fattur fit-taqbid li hemm fil-Bosnja, fl-Irwanda, u fil-Lvant Nofsani.
It-tolleranza teħtieġ il-bilanċ, u li wieħed iżomm il-bilanċ xieraq m’huwiex faċli. Aħna bħal pendlu t’arloġġ, nixxejru minn naħa għal oħra. Kultant, nuru ftit wisq tolleranza; kultant, iżżejjed.
Minn Tolleranza Għal Immoralità
Huwa possibbli li wieħed ikun tolleranti żżejjed? Dan Coats, Senatur mill-Istati Uniti, f’diskors li għamel fl-1993, iddeskriva “taqtigħa fuq it-tifsira u l-prattika tat-tolleranza.” X’ried ifisser? Is-senatur ilmenta li, f’isem it-tolleranza, xi wħud “jabbandunaw twemmin fil-verità morali—fit-tajjeb u l-ħażin, f’dak li hu sewwa u f’dak li hu żbaljat.” Nies bħal dawn iħossu li s-soċjetà m’għandha l-ebda dritt li tiġġudika liema hija mġiba tajba u liema ħażina.
Fl-1990, Lord Hailsham, politikant Britanniku, kiteb li “l-iktar għadu qattiel tal-moralità m’huwiex l-ateiżmu, l-anjostiċiżmu, il-materjaliżmu, ir-regħba, lanqas kwalunkwe wieħed mill-kaġuni aċċettati. Il-veru għadu tal-moralità huwa n-niħiliżmu, li wieħed ma jkun jemmen, litteralment, f’xejn.” Ovvjament, jekk aħna ma nemmnu f’xejn, m’għandna ebda livelli taʼ mġiba xierqa u kollox jistaʼ jiġi ttollerat. Imma huwa xieraq li nittolleraw kull forma taʼ kondotta?
Kap taʼ skola sekondarja Daniża ma ħasibhiex hekk. Hu kiteb artiklu f’gazzetta kmieni fis-snin 70, fejn ilmenta dwar riklami fl-istampa għal wirjiet pornografiċi li kienu juru atti sesswali bejn annimali u bnedmin. Dawn ir-riklami tħallew isiru minħabba t-“tolleranza” tad-Danimarka.
Jidher ċar li l-problemi jinqalgħu mhux biss meta nuru ftit wisq tolleranza imma wkoll meta nkunu tolleranti żżejjed. Għala huwa iebes li nevitaw l-estremi u nżommu bilanċ xieraq? Jekk jogħġbok aqra l-artiklu li jmiss.
[Stampa fʼpaġna 3]
Li nirreaġixxu żżejjed għall-iżbalji tat-tfal jistaʼ jkun taʼ dannu għalihom
[Stampa fʼpaġna 4]
Li nittolleraw kulma jagħmlu t-tfal m’huwiex se jippreparahom għar-responsabbiltajiet tal-ħajja