LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 1/8 pp. 7-9
  • Flessibbli, U Madankollu Marbut Maʼ Livelli Divini

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Flessibbli, U Madankollu Marbut Maʼ Livelli Divini
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħallieq​—L-​Akbar Eżemplar Tagħna
  • Sodi, u Madankollu Flessibbli
  • In-​Nassa Taʼ Li Nkunu Tolleranti Żżejjed
  • Relazzjoni Soda Maʼ Jehovah
  • Iż-​Żminijiet Qegħdin Jinbidlu
  • It-​Tolleranza Minn Estrem Għal Ieħor
    Stenbaħ!—1997
  • Il-Bibbja Kif Tistaʼ Tgħinna Ma Nurux Preġudizzju?
    Iktar Suġġetti
  • It-tolleranza
    Stenbaħ!—2015
  • Bilanċ Xieraq Jistaʼ Jagħti Ħlewwa Lil Ħajtek
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1997
g97 1/8 pp. 7-9

Flessibbli, U Madankollu Marbut Maʼ Livelli Divini

“IRĠIEL tolleranti qatt m’huma stupidi, u rġiel stupidi qatt m’huma tolleranti,” jgħid qawl Ċiniż. Hemm iktar minn nitfa verità f’dak il-​qawl, ladarba li wieħed ikun tolleranti huwa sfida li tirrikjedi dedikazzjoni lejn livelli xierqa taʼ mġiba. Imma maʼ liema livelli għandna nintrabtu? Ma jkunx loġiku li nsegwu livelli stabbiliti mill-​Kreatur taʼ l-​umanità, bħalma hu spjegat fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja Mqaddsa? Alla nnifsu jagħti l-​aħjar eżempju f’li jżomm mal-​livelli tiegħu.

Il-​Ħallieq​—L-​Akbar Eżemplar Tagħna

Alla li jistaʼ kollox, Jehovah, huwa bbilanċjat perfettament fit-​tolleranza, billi la juri wisq u lanqas ftit wisq. Għal eluf taʼ snin, hu ttollera lil dawk li jmaqdru lil ismu, li jikkorrompu lill-​bniedem, u li jużaw l-​art ħażin. L-​appostlu Pawlu kiteb, bħalma huwa ddokumentat f’Rumani 9:22, li Alla “ssaporta b’sabar kbir l-​oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda.” Alla għala ilu tolleranti daż-żmien kollu? Għaliex it-​tolleranza tiegħu għandha skop.

Alla hu paċenzjuż mal-​bniedem “għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Il-​Ħallieq ta l-​Bibbja lill-​umanità u inkariga lill-​qaddejja tiegħu biex jagħmlu l-​livelli tiegħu taʼ mġiba magħrufin kullimkien. Il-​Kristjani veri huma marbutin maʼ dawn il-​livelli. Imma jfisser dan li l-​qaddejja t’Alla jridu jkunu riġidi fiċ-​ċirkostanzi kollha?

Sodi, u Madankollu Flessibbli

Ġesù Kristu inkuraġġixxa lil dawk li kienu qegħdin ifittxu l-​ħajja taʼ dejjem biex ‘jgħaddu mill-​bieb id-​dejjaq.’ Imma li wieħed jgħaddi mill-​bieb id-​dejjaq ma jfissirx li wieħed ikollu moħħu dejjaq. Jekk aħna inklinati li nkunu dominanti jew dommatiċi meta nkunu m’oħrajn, żgur li se jagħmel il-​ħajja iktar pjaċevoli għal kulħadd jekk inrażżnu din it-​tendenza. Imma kif?​—Mattew 7:​13; 1 Pietru 4:​15.

Theofano, studentessa Griega li spjegat li ħin imqattaʼ maʼ nies minn ambjenti differenti wassal biex hi setgħet tifhimhom aħjar, qalet: “Huwa vitali li nipprovaw noqorbu lejn il-​mod taʼ kif jaħsbuha huma minflok ma nisforzawhom biex jibdew jaħsbuha bħalna.” Għaldaqstant, meta nsiru nafu lil xi ħadd aħjar, nistgħu niskopru li l-​ikel li jippreferi u saħansitra l-​aċċent tiegħu m’humiex daqstant strambi daqs kemm inkunu ħsibna. Minflok ma noqogħdu dejjem inpaċpċu żżejjed jew ninsistu li l-​aħħar kelma tkun tagħna, nistgħu nitgħallmu ħafna affarijiet utli billi nagħtu widen għall-​opinjoni tiegħu. Tabilħaqq, nies taʼ moħħ miftuħ jibbenefikaw iktar mill-​ħajja.

Kull meta jkun hemm involuti l-​preferenzi persunali, għandna nkunu flessibbli u nippermettu lil oħrajn igawdu l-​għażliet tagħhom. Imma meta l-​imġiba hija kwestjoni t’ubbidjenza lejn il-​Ħallieq tagħna, għandna nkunu sodi. Alla li jistaʼ kollox ma japprovax kull xorta taʼ mġiba. Dan werieh bil-​mod taʼ kif ittratta mal-​qaddejja tiegħu fl-​imgħoddi.

In-​Nassa Taʼ Li Nkunu Tolleranti Żżejjed

Eli, qassis il-​kbir tal-​ġens Israelit tal-​qedem, kien qaddej t’Alla li kien inqabad fin-​nassa li jkun tolleranti żżejjed. L-​Israeliti kienu ntrabtu f’relazzjoni taʼ patt m’Alla, fejn qablu li jobdu l-​liġijiet tiegħu. Imma Ħofni u Fineħas, iż-​żewġ ulied t’Eli, kienu rgħiba u immorali u kellhom diżrispett kbir lejn Dak li jistaʼ kollox. Eli, għalkemm kien midħla sew tal-​Liġi t’Alla, tahom tbeżbiżiet żgħar u kien laxk fid-​dixxiplina tiegħu. Għamel l-​iżball li ħaseb li Alla kien se jittollera l-​ħażen. Il-​Ħallieq jagħmel distinzjoni bejn dgħjufija u ħażen. Talli kisru apposta l-​Liġi t’Alla, l-​ulied ħżiena t’Eli ġew ikkastigati bl-​aħrax​—u bix-​xieraq ukoll.​—1 Samwel 2:​12-​17, 22-​25; 3:​11-​14; 4:​17.

Xi traġedja tkun għalina li nkunu tolleranti żżejjed fil-​familja tagħna billi nagħlqu għajnejna għall-​ħażen ripetut min-​naħa taʼ wliedna! Kemm ikun aħjar li nrabbuhom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej”! Dan ifisser li rridu nżommu sod mal-​livelli divini taʼ kondotta aħna nfusna u nsammruhom sewwa f’uliedna.​—Efesin 6:4.

B’mod simili, il-​kongregazzjoni Kristjana ma tistax tittollera l-​ħażen. Jekk membru jipprattika xi ħażen serju u jirrifjuta li jindem, irid jitneħħa. (1 Korintin 5:​9-​13) Madankollu, ’il barra miċ-​ċirku tal-​familja u l-​kongregazzjoni, il-​Kristjani veri ma jipprovawx ibiddlu lis-​soċjetà inġenerali.

Relazzjoni Soda Maʼ Jehovah

L-​intolleranza titrawwem f’atmosfera t’anzjetà. Jekk, madankollu, għandna relazzjoni persunali mill-​qrib m’Alla, ingawdu sens taʼ sigurtà li jgħinna nżommu bilanċ xieraq. “Isem il-​Mulej hu torri qawwi; fih jistkenn il-​ġust b’moħħu mistrieħ,” naqraw fi Proverbji 18:10. Ċertament li m’hemm ebda ħsara li tistaʼ tiġri lilna jew lill-​maħbubin tagħna li l-​Ħallieq mhux se jieħu ħsiebha meta jidhirlu li jkun il-​waqt.

Xi ħadd li bbenefika bil-​kbir minn relazzjoni mill-​qrib m’Alla kien l-​appostlu Pawlu. Bħala Lhudi magħruf bl-​isem taʼ Sawlu, hu ppersegwita lis-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu u kien ħati taʼ tixrid tad-​demm. Imma Sawlu nnifsu sar Kristjan u, bħala l-​appostlu Pawlu, iktar tard ħa sehem fl-​evanġelizzar full-time. Pawlu wera attitudni taʼ moħħ miftuħ f’li ppriedka lin-​nies kollha, “il-​ Griegi u l-​Barbari, għorrief u mhumiex.”​—Rumani 1:​14, 15; Atti 8:​1-3.

Kif irnexxielu jinbidel? Billi kiseb għarfien eżatt taʼ l-​Iskrittura u billi kabbar imħabbtu għall-​Ħallieq, li hu imparzjali. Pawlu tgħallem li Alla hu ġust fis-​sens li hu jiġġudika lil kull individwu, mhux skond il-​kultura jew ir-​razza, imma skond dak li hu jew hi huma jew jagħmlu. Iva, għal Alla, l-​għemejjel huma importanti. Pietru nnota li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa.” (Atti 10:34, 35) Alla li jistaʼ kollox m’huwiex ippreġudikat. Dan huwa kuntrarju għal uħud mill-​mexxejja tad-​dinja, li għandhom mnejn jużaw l-​intolleranza għall-​finijiet taʼ moħħhom.

Iż-​Żminijiet Qegħdin Jinbidlu

Skond John Gray, taʼ l-​Università t’Oxford fl-​Ingilterra, it-​tolleranza hija “virtù li dan l-​aħħar sabet l-​intoppi.” Imma dan se jinbidel. It-​tolleranza bbilanċjata b’għerf divin se tiddomina.

Fid-dinja l-​ġdida t’Alla li hija imminenti, l-​intolleranza mhix se tkun iżjed. Forom estremi taʼ intolleranza, bħalma huma l-​preġudizzju u l-​bigottiżmu, m’humiex se jkunu iżjed. L-​imħuħ magħluqa qatt iżjed m’huma se joħonqu l-​pjaċiri tal-​ħajja. Imbagħad se jkun hemm ġenna ferm iktar grandjuża milli qatt setaʼ jkun possibbli fil-​Wied taʼ Kaxmir.​—Isaija 65:17, 21-​25.

Qiegħed int tħares ’il quddiem lejn ħajja f’dik id-​dinja l-​ġdida? Xi privileġġ u x’għaxqa se tkun dik!

Naqraw il-​Bibbja kuljum.​—Ġożwè 1:8; Mattew 4:4

Intejbu l-​fakultajiet t’osservar tagħna permezz taʼ taħriġ Skritturali.​—Lhud 5:​14

Niżviluppaw relazzjoni eqreb m’Alla.​—Salm 73:28

Nikkultivaw kull waħda mill-​frottiet taʼ l-​ispirtu.​—Galatin 5:​22, 23

Intejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna.​—Filippin 4:​6, 7

Insiru iktar effettivi fl-​ippridkar u t-​tagħlim.​—1 Timotju 4:​15, 16

Naqraw u nimmeditaw fuq kull ħarġa tar-​rivisti Torri Taʼ L-​Għassa u Stenbaħ!​—Salm 49:3

[Stampa fʼpaġna 8]

L-​appostlu Pawlu wera bilanċ xieraq għax kellu relazzjoni m’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja