LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 4/8 pp. 19-23
  • It-​Tfittxija Tagħna Għall-​Ġustizzja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-​Tfittxija Tagħna Għall-​Ġustizzja
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Problemi Mal-​Knejjes
  • Il-​Militar u Ż-​Żwieġ
  • L-​Oppożizzjoni Stinata Tiegħi
  • It-​Tfittxija Tiegħi Għall-​Ġustizzja Ssodisfata
  • Sa Fl-​Aħħar Intlaħqet Qalbi
  • Naħdem Fil-​Ministeru Full-Time
  • Meta L-​Ġustizzja Se Sseħħ Għalkollox
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Stenbaħ!—1997
g97 4/8 pp. 19-23

It-​Tfittxija Tagħna Għall-​Ġustizzja

KIF IRRAKKONTATA MINN ANTONIO VILLA

Fl-​1836, il-​ġellieda minn Texas li ddefendew The Alamo​—li kienu inqas minn 200​—inqatlu minn armata Messikana taʼ madwar 4,000 suldat. Wara dik it-​telfa, l-​għajta “Remember the Alamo” (Ftakru fl-​Alamo) bdiet tintuża biex tħeġġeġ il-​ġlieda għall-​indipendenza, li nkisbet iktar tard dik is-​sena. Fl-​1845, dik li darba kienet parti mill-​Messiku saret parti mill-​Istati Uniti, u l-​Messikani sabu rwieħhom f’territorju ostili. Differenzi etniċi għadhom ma ntesewx.

JIEN twelidt fl-​1937, mhux ’il bogħod minn San Antonio, ġewwa Texas, fejn hemm The Alamo. Dak iż-​żmien il-​latrini, l-​għejjun taʼ l-​ilma, u faċilitajiet oħrajn pubbliċi kienu mmarkati “Bojod Biss” u “Oħrajn.” Malajr tgħallimt li l-​kelma “Oħrajn” kienet tinkludi lil dawk bħali li kienu taʼ dixxendenza Messikana.

Meta kienu jmorru jaraw xi film fit-​teatru, il-​Messikani u s-​suwed kienu jitħallew joqogħdu biss fil-​gallarija, mhux fis-​sala prinċipali. Bosta restoranti u postijiet tan-​negozju ma kinux iservu lill-​Messikani. Darba minnhom meta marti, Velia, u oħtha daħlu f’ħanut tas-​sbuħija, il-​propjetarji lanqas biss kellhom id-​diċenza jgħidulhom: “Il-​Messikani m’humiex milqugħin hawnhekk.” Kulma għamlu kien li nfaqgħu jidħku f’wiċċhom sakemm Velia u oħtha ħassewhom avveliti u telqu.

Xi drabi, irġiel bojod​—ġeneralment meta jkunu fis-​sakra—​kienu jfittxu nisa Messikani għax ħafna kienu jqisuhom li huma immorali di natura. Kont naħseb, ‘M’humiex lesti li jitħalltu magħna f’latrina jew ħdejn għajn taʼl-ilma, imma lesti li jitħalltu maʼ nisa Messikani fis-​sodda.’ Dawn l-​inġustizzji għall-​ewwel ġagħluni nħossni nieqes mis-​sigurtà, u iktar tard ma ridtx noqgħod għalihom.

Problemi Mal-​Knejjes

L-​ipokresija tar-​reliġjon kompliet tħarraxni. Il-​bojod, is-​suwed, u l-​Messikani kellhom knejjes għalihom. Meta kont qed inlesti għall-​Preċett bħala Kattoliku, il-​qassis tani xi invilopsijiet b’data miktuba fuqhom minn qabel biex nagħtihom lil missieri. Suppost li kellna nagħtuh lura invilops wieħed kull ġimgħa b’kontribuzzjoni fih. Ma damx il-​qassis ma qalli: “Aħjar tistaqsi ’l missierek x’sar minnhom dawk l-​invilopsijiet, għax mhux qed jasluli.” Il-​kliem inkorlat taʼ missieri ħalla impressjoni fuqi: “F’hekk biss interessati​—fil-​flus!”

Kienet ħaġa komuni li jsiru skandli fejn xi predikaturi kienu jaħarbu maʼ nisa mill-​kongregazzjonijiet tagħhom. Esperjenzi bħal dawn wassluni biex ngħid kemm-il darba: “Ir-​reliġjon għandha biss żewġ għanijiet​—jew biex jiħdulek flusek jew biex jiħdulek lil martek.” B’hekk, meta x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu jiġu jħabbtulna l-​bieb, kont neħles minnhom billi ngħidilhom: “Jekk irrid xi reliġjon, infittixha jien.”

Il-​Militar u Ż-​Żwieġ

Fl-​1955, ingaġġajt mal-​Qawwa taʼ l-​Ajru Amerikana, fejn kont nittama li, billi nibbrilla fix-​xogħol tiegħi, stajt nirbaħ dak ir-​rispett miċħud lili bħala Messikan. Billi tfajt ruħi għax-​xogħol, ngħatajt l-​għarfien mistħoqq u wara xi żmien inħtart biex nieħu ħsieb il-​kontroll tal-​kwalità. Dan kien jinvolvi li nevalwa dipartimenti oħrajn tas-​servizzi armati.

Fl-1959 iżżewwiġt lil Velia. Velia minn dejjem kienet imxaqilba lejn ir-​reliġjon. Madankollu, kienet ħarġet iddiżappuntata bid-​diversi knejjes li attendiet. Darba minnhom fl-​1960, waqt li kienet qalbha sewda ferm, talbet: “Jekk jogħġbok, O Alla, jekk teżisti, urini li int hemm. Irrid insir nafek.” Dak inhar stess marret iżżurha waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Petaluma, ġewwa California.

Ftit wara dan, iżda, Velia tilfet il-​kuntatt max-​Xhieda peress li l-​militar bagħatni x’imkien ieħor. Damet sa l-​1966, waqt li jien kont il-​Vjetnam, qabel ma reġgħet bdiet l-​istudju tal-​Bibbja magħhom f’Seminole, ġewwa Texas. Meta rġajt lura d-​dar mill-​Vjetnam kmieni s-​sena taʼ wara, ma ħadtx pjaċir meta sibtha qiegħda tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda.

L-​Oppożizzjoni Stinata Tiegħi

Ħassejt li Velia kienet se tiġi mqarrqa u ddiżappuntata mir-​reliġjon. Allura ddeċidejt li noqgħod nismaʼ x’qed jgħidu biex nara fejn nistaʼ nikxef l-​inqas ħjiel taʼ ipokresija. Meta l-​mara li kienet tiġi qalet li x-​Xhieda kienu newtrali politikament, jien interrompejt: “Fiex jaħdem ir-​raġel tiegħek?”

“F’għalqa tal-​qoton,” wieġbet.

“Aħa!” għedtilha b’mod arroganti. “L-​uniformijiet tal-​militar huma magħmulin mill-​qoton. Mela tagħtu appoġġ lill-​isforz għall-​gwerra!” Bdejt ngħolli leħni u ma nirraġunax.

Għalkemm f’Ġunju taʼ l-​1967 kariga militari ġdida ħaditna ’l bogħod, lejn Minot, ġewwa North Dakota, ix-​Xhieda t’hemmhekk ikkuntattjaw lil Velia u reġgħet bdiet l-​istudju tal-​Bibbja. Bdejt nopponi qisni tifel. Kont nasal apposta fil-​ħin taʼ l-​istudju u nibda nsabbat il-​bibien, nitlaʼ t-​taraġ b’mod li jismagħni kulħadd, nitfaʼ ż-​żraben bl-​addoċċ, u nifflaxxja diversi drabi.

Velia kienet mara sottomessa li bil-​kemm titniffes u qatt m’għamlet xi ħaġa mingħajr il-​permess tiegħi. Għalkemm kontra qalbi ħallejtha tieħu studju tal-​Bibbja, kienet taf li kienet se tkun problema akbar biex tattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda. Meta kienu jħeġġuha biex tattendi, dejjem kienet twieġeb: “Aħjar le. Ma rridx indejqu wisq lil Tony.”

Madankollu, darba waħda Velia qrat fil-​Bibbja: “Tnikktux l-​Ispirtu s-​Santu taʼ Alla.” (Efesin 4:​30) “X’ifisser dan?” staqsiet. Ix-​Xhud li kienet tistudja magħha spjegatilha: “Ara, l-​ispirtu qaddis t’Alla nebbaħ il-​kitba tal-​Bibbja. Allura jekk ma nagħmlux dak li tgħid il-​Bibbja nkunu qegħdin innikktu lill-​ispirtu qaddis t’Alla. Per eżempju, xi wħud ma jattendux il-​laqgħat, avolja jafu li l-​Kelma t’Alla tgħid li għandhom jattendu.” (Lhud 10:​24, 25) Il-​qalb umlija taʼ Velia dak kulma kellha bżonn. Minn dak inhar ’il quddiem bdiet tattendi l-​laqgħat kollha minkejja li kont nopponilha.

Kont naħtafha: “Mnejn sa fejn titlaq ’il barra meta għadek ma lestejtlix l-​ikel fuq il-​mejda?” Velia malajr tgħallmet tħallili platt sħun x’niekol dejjem. Allura bdejt nuża skużi oħrajn: “Int mhux veru tħobbna lili u lit-​tfal. Tabbandunana biex tattendi dawk il-​laqgħat.” Jew meta kont nattakka t-​twemmin tax-​Xhieda u Velia kienet tipprova tiddefendihom bil-​ħlewwa, kont ngħajjarha bocona​—“ilsienek twil”​—u ngħidilha li ma tafx x’inhuma rispett u sottomissjoni.

Xorta waħda, Velia baqgħet tattendi l-​laqgħat, waqt li spiss kienet toħroġ mid-​dar tibki minħabba l-​kliem kiefer tiegħi. Għall-​inqas żammejt xi prinċipji. Qatt ma rfajt idi fuqha u lanqas qatt m’għaddieli minn moħħi li nitlaqha minħabba l-​fidi ġdida li kienet sabet. Imma kont ninkwieta li ma jmurx ikun hemm xi wieħed gustuż f’dawk il-​laqgħat li jibda jinteressa ruħu fiha. Xorta kont għadni naħseb li fejn tidħol ir-​reliġjon dan kien ‘jew biex jiħduli flusi jew biex jiħduli ’l marti.’ Waqt li Velia tkun qed tilbes għal-​laqgħat kont spiss nilmenta: “Int tiddandan għal xi ħadd ieħor u għalija qatt.” Allura meta ddeċidejt għall-​ewwel darba li nattendi waħda mil-​laqgħat, għedtilha: “Ġej miegħek​—imma biex noqgħod għassa tiegħek!”

Il-motiv veru tiegħi, madankollu, kien biex insib xi ħaġa kontra x-​Xhieda. F’waħda mill-​ewwel laqgħat li attendejt, ngħatat taħdita dwar li tiżżewweġ “basta fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:​39) Meta wasalna d-​dar, gergirt bl-​aħrax: “Qed tara! Huma l-​istess bħall-​oħrajn​—preġudikati kontra kulmin mhux tal-​fidi tagħhom.” Velia wieġbet b’mod ġwejjed: “Imma mhux huma jgħidu hekk. Il-​Bibbja tgħid hekk.” Malajr weġibt billi bdejt nagħti bil-​ponn mal-​ħajt u ngħajjat: “Hemm hi l-​bocona, reġgħet!” Fil-​fatt, kont qed inħossni frustrat għax kont naf li kellha raġun.

Komplejt nattendi l-​laqgħat u naqra l-​letteratura tax-​Xhieda, imma l-​motiv tiegħi kien li nipprova nsib maʼ xiex niggranfa. Anki bdejt inwieġeb fil-​laqgħat​—imma biss biex nuri lin-​nies li jien ma kontx xi “Messikan baħnan.”

It-​Tfittxija Tiegħi Għall-​Ġustizzja Ssodisfata

Fl-​1971 il-​karriera militari tiegħi ħaditna f’Arkansas. Hemmhekk komplejt nattendi l-​laqgħat maʼ Velia, li f’Diċembru taʼ l-​1969 kienet tgħammdet b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħha lil Jehovah. Ma kontx għadni nopponilha, imma lanqas ma ridt li xi ħadd jistudja l-​Bibbja miegħi. L-​għarfien li ksibt bħala riżultat tal-​qari taʼ letteratura dwar il-​Bibbja kien żdied ferm. Iżda, dan kien biss għarfien taʼ ħafna fatti​—prodott tax-​xewqa tiegħi li nkun l-​aqwa wieħed f’kulma kont nagħmel. Madankollu, bil-​mod il-​mod, is-​sħubija max-​Xhieda taʼ Jehovah bdiet teffettwa ’l qalbi.

Per eżempju, innotajt li s-​suwed kellhom sehem f’li jgħallmu fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Imma għall-​ewwel kont ngħid bejni u bejn ruħi, ‘U iva, jagħmlu hekk biss bejn erbaʼ ħitan.’ Meta attendejna konvenzjoni fi stejdjum kbir tal-​baseball, madankollu, inħsadt meta rajt li s-​suwed kellhom sehem fil-​programm hemmhekk ukoll. Kelli nammetti li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni fost ix-​Xhieda. Huma jipprattikaw il-​ġustizzja vera.

Wasalt ukoll li napprezza li x-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom imħabba ġenwina lejn xulxin. (Ġwann 13:34, 35) U meta ħdimt magħhom fix-​xogħol taʼ bini tas-​Sala tas-​Saltna tagħhom, stajt nara li kienu sempliċement nies ordinarji. Rajthom jgħajjew, jiżbaljaw, u anki jkollhom xi jgħidu meta tmur xi ħaġa ħażina. Minflok ma ħassejtni mfixkel b’dawn l-​imperfezzjonijiet, bdejt inħossni iżjed komdu u rasi mistrieħa magħhom. Forsi għaraft li kien għad hemm xi tama għalija minkejja l-​ħafna nuqqasijiet tiegħi.

Sa Fl-​Aħħar Intlaħqet Qalbi

Irrealizzajt għall-​ewwel darba li kont qed niżviluppa relazzjoni maʼ Jehovah meta fl-​1973 The Watchtower spjega li t-​tipjip huwa “tidnis tal-​ġisem” u jitqies bħala offiża li twassal għal qtugħ mis-​sħubija. (2 Korintin 7:1) Dak iż-​żmien kont inpejjep bejn pakkett u żewġ pakketti kuljum. Kemm-il darba kont ipprovajt naqtagħhom qabel imma ma rnexxilix. Issa, madankollu, kull darba li kienet tiġini l-​leblieba għal sigarett, kont nitlob minn taħt l-​ilsien għall-​għajnuna taʼ Jehovah biex naqtaʼ dak il-​vizzju maħmuġ. B’sorpriża għal kulħadd, qatt ma pejjipt iżjed.

Kont qed noqrob biex nirtira mill-​militar fl-​1 taʼ Lulju, 1975. Irrealizzajt li jekk ridt nagħmel dak li kienet tgħallem il-​Bibbja, kien se jkolli niddedika ħajti lil Jehovah. Qatt ma kelli studju persunali tal-​Bibbja, u għalhekk l-​anzjani tal-​kongregazzjoni nħasdu mhux ħażin meta, f’Ġunju taʼ l-​1975, għedtilhom li ridt nitgħammed malli ntemm il-​karriera militari tiegħi. Huma spjegawli li l-​ewwel kelli nwettaq il-​kmand taʼ Ġesù li nieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. (Mattew 28:19, 20) Dan għamiltu fl-​ewwel Sibt taʼ Lulju. Dak inhar stess iltqajt m’anzjan u weġibt il-​mistoqsijiet mill-​Bibbja li jrid iwieġeb kulmin ikun irid jitgħammed. Tliet ġimgħat wara tgħammidt.

Malli raw lili nitgħammed, it-​tlett itfal tagħna​—Vito, Venelda, u Veronica​—bdew jagħmlu progress spiritwali mgħaġġel. Fi żmien sentejn, tgħammdu t-​tnejn il-​kbar u warajhom tgħammdet iż-​żgħira erbaʼ snin wara. Meta nitkellem maʼ rġiel li jafu l-​verità tal-​Bibbja imma ma jagħmlu xejn dwarha, spiss ngħidilhom dwar il-​konsegwenzi taʼ li jżommu lura milli jaġixxu. Ngħidilhom li, avolja wliedhom forsi ma jgħiduhiex, huma jkunu qed jaħsbu, ‘Jekk il-​verità mhix daqshekk importanti għal missieri, allura lanqas m’hi daqshekk importanti għalija.’

Naħdem Fil-​Ministeru Full-Time

Ilkoll kemm aħna bħala familja dħalna għall-​ministeru full-time bħala pijunieri f’Marshall, Arkansas. Jien u Velia bdejna fl-​1979, u t-​tfal ngħaqdu magħna fix-​xogħol matul is-​snin taʼ wara hekk kif spiċċaw l-​iskola sekondarja.

Kmieni fis-​snin 80, smajna rapporti dwar l-​għatx għall-​għarfien mill-​Bibbja li kien hemm fost in-​nies taʼ l-​Ekwador, fl-​Amerka t’Isfel, u għamilnieha l-​mira tagħna li mmorru noqogħdu hemm. Sa l-​1989 it-​tfal kienu kibru u saru kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Għalhekk f’dik is-​sena għamilna żjara qasira fl-​Ekwador biex ‘nitkixxfu l-​art.’​—Qabbel Numri 13:​1, 2.

F’April taʼ l-​1990 wasalna l-​Ekwador, id-​dar il-​ġdida tagħna. Peress li l-​finanzi tagħna kienu limitati​—konna qed ngħixu fuq il-​pensjoni militari tiegħi​—kellna noqogħdu attenti x’nonfqu. Imma l-​ferħ li jiġi mill-​ministeru full-time f’dan it-​territorju hekk produttiv spiritwalment patta sew għal kwalunkwe sagrifiċċju finanzjarju. Għall-​ewwel, ħdimna fil-​belt fejn hemm il-​port taʼ Manta, u hemmhekk kellna bejn 10 u 12-il studju tal-​Bibbja kull wieħed x’nikkonduċu kull ġimgħa. Imbagħad, fl-​1992, bdejt naqdi bħala ministru vjaġġatur, imsieħeb maʼ marti. Aħna nżuru kongregazzjoni differenti kull ġimgħa.

Meta L-​Ġustizzja Se Sseħħ Għalkollox

Meta nħarsu lura, jien u Velia nistgħu naraw li l-​inġustizzji li għaddejna minnhom meta konna qed nikbru issa jgħinuna fil-​ministeru tagħna. Aħna konxji b’mod speċjali li ma nitkabbrux maʼ min forsi hu fqir jew taʼ inqas skola minna jew li għandu sfond etniku differenti minn tagħna. Nindunaw, ukoll, li ħafna minn ħutna l-​Kristjani rġiel u nisa jgħaddu minn inġustizzji soċjali ferm agħar minn dawk li għaddejna minnhom aħna. Imma, ma jgergrux. Iżommu għajnejhom imsammrin fuq is-​Saltna t’Alla li ġejja dalwaqt, u hekk tgħallimna nagħmlu aħna. Ilna li waqafna nipprovaw insibu ġustizzja f’din is-​sistema; minflok, qegħdin inqattgħu ħajjitna nidderieġu lin-​nies lejn l-​unika soluzzjoni vera għall-​inġustizzja, is-​Saltna t’Alla.​—Mattew 24:14.

Tgħallimna wkoll li dawk fostna li kienu sensittivi ħafna għall-​inġustizzji jridu joqogħdu attenti li ma jippretendux xi ġustizzja perfetta fost il-​poplu t’Alla. Dan għaliex ilkoll kemm aħna imperfetti u nistgħu niżbaljaw. (Rumani 7:​18-​20) Madankollu, nistgħu ngħidu onestament li sibna sħubija multinazzjonali t’aħwa li verament jafu jħobbu u li jistinkaw biex jagħmlu dak li hu sewwa safejn jistgħu. Hija t-​tama tagħna li, flimkien mal-​poplu t’Alla kullimkien, nidħlu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla fejn se tgħammar il-​ġustizzja.​—2 Pietru 3:​13.

[Kumment fʼpaġna 20]

Malajr weġibt billi bdejt nagħti bil-​ponn mal-​ħajt

[Stampa fʼpaġna 21]

Maʼ Velia, meta ingaġġajt mal-​qawwa taʼ l-​ajru

[Stampa fʼpaġna 23]

Maʼ Velia, fl-​1996

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja