LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 4/8 pp. 24-27
  • It-​Trobbija Tan-​Naħal—Storja “Ħelwa”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-​Trobbija Tan-​Naħal—Storja “Ħelwa”
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Indokratur Tal-​“Mirakli Taʼ Kuljum”
  • Fatturi Importanti Għal Suċċess Fit-​Trobbija Tan-​Naħal
  • Prodotti Differenti
  • “Għorrief” Bl-​Istint
  • Naħla Meta Ma Tkunx Naħla?
    Stenbaħ!—1997
  • L-Għasel Duwa Ħelwa
    Stenbaħ!—2002
  • Alla Għala Kien u Għadu Daqshekk Paċenzjuż?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Stenbaħ!—1997
g97 4/8 pp. 24-27

It-​Trobbija Tan-​Naħal—Storja “Ħelwa”

Minn korrispondent taʼ Stenbaħ! fil-​Greċja

ID-​DAWL newwiemi taż-​żerniq jifrex il-​kulur delikat tiegħu bil-​mod il-​mod minn naħa għal oħra tas-​sema. Fost il-​ksieħ u ċ-​ċpar taʼ fil-​għodu kmieni, trakk żgħir jieqaf bla ħoss mal-​ġenb tat-​triq in-​naħa t’isfel tan-​niżla taʼ muntanja. Joħorġu żewġ figuri bħal dellijiet​—imlibbsin l-​ingwanti, il-​bwiez, il-​ġagagi tal-​ħajt, u kpiepel b’faldi kbar mgħottijin b’velu. B’movimenti bl-​attenzjoni imma ħerqanin, jgħabbu għadd taʼ kaxxi taʼ l-​injam għal fuq it-​trakk. Huma dawn xi żewġ ħallelin li qegħdin jagħmlu xi serqa faċli? Le, dawn huma żewġ persuni li jrabbu n-​naħal u li qegħdin jieħdu ħsieb tajjeb taʼ l-​armata taʼ naħal prezzjużi tagħhom​—lesti biex jivvjaġġaw lejn destinazzjoni oħra fejn hemm pjanti li jipproduċu n-​nektar.

Dawk li jrabbu n-​naħal huma tip speċjali taʼ nies, li jgawdu relazzjoni interattiva maʼ tip speċjali taʼ insett. Fuq naħa, għandek in-​naħla taʼ l-​għasel, forsi l-​iktar insett prezzjuż ekonomikament mill-​insetti kollha, li tipproduċi l-​għasel u x-​xemgħa tan-​naħal u li ddakkar varjetà kbira taʼ wċuħ tar-​rabaʼ. Fuq in-​naħa l-​oħra, hemm in-​nies li bi tbatija biex jaqilgħu l-​għajxien tagħhom billi jrabbu n-​naħal u li fl-​istess ħin iħobbu lil dawn il-​kreaturi żgħar u “jifhmu sew dwarhom,” bħalma jpoġġiha wieħed minnhom.

Indokratur Tal-​“Mirakli Taʼ Kuljum”

Li tibda trabbi n-​naħal għandu mnejn jinstemaʼ faċli: Akkwista numru taʼ doqqajsiet mimlijin b’kolonji tan-​naħal, poġġihom f’lok fejn jipproduċi n-​nektar, u erġaʼ mur wara ftit xhur biex tiġbor il-​prodotti. Imma dan m’huwiex minnu. Biex insiru nafu dan x’jinvolvi attwalment, tkellimna maʼ John u Maria, nies professjonali li jrabbu n-​naħal, li ħadu gost jgħidulna dwar ix-​xogħol li tant iħobbu.

“Li trabbi n-​naħal huwa eżerċizzju f’mirakli taʼ kuljum,” jirrimarka John hekk kif imil lejn doqqajs miftuħ. “S’issa, ħadd għadu ma fehem ċar il-​ħajja tal-​komunità li tant għandha struttura tajba, il-​kapaċitajiet avanzati taʼ komunikazzjoni, u d-​drawwiet brillanti taʼ kif taħdem in-​naħla taʼ l-​għasel.”

Billi mar lura fl-​istorja tat-​trobbija tan-​naħal, John isemmi li fil-​passat in-​nies li rabbew in-​naħal ġabru l-​għasel billi kissru l-​kolonji tan-​naħal, li kienu jinsabu ġewwa siġar vojta u ħofor oħrajn. Fl-​1851, madankollu, Lorenzo Lorraine Langstroth, Amerikan li jistudja n-​naħal, skopra li n-​naħal iħallu spazji taʼ madwar 6 millimetri bejn ix-​xehdiet tax-​xemgħa. B’hekk, doqqajsiet taʼ l-​injam magħmulin mill-​bniedem, li fihom jitħalla spazju simili bejn l-​oqfsa tax-​xehdiet, setgħu jiġu wżati. Issa sar possibbli li jitneħħew l-​oqfsa individwali mid-​doqqajs u jinġabru l-​għasel u x-​xemgħa mingħajr ma tiġi meqruda l-​kolonja.

“Biex trabbi n-​naħal b’suċċess,” ikompli John, “irid ikollok affezzjoni kbira għall-​kolonji tan-​naħal tiegħek. Int qisek missier għan-​naħal tiegħek, u jien nemmen li huma jirrealizzawh dan u jirreaġixxu fi qbil maʼ dan. Issir ukoll it-​tabib tagħhom, l-​indokratur tagħhom, dak li jipprovdilhom l-​ikel matul iż-​żminijiet diffiċli tax-​xitwa.”

Maria żżid: “Wieħed li jaf jieħu ħsieb in-​naħal sew jistaʼ jsir jaf ħafna b’ħarsa waħda biss lejn id-​doqqajs, li normalment ikun fih bejn tmint elef u tmenin elf naħla. Jekk int taʼ l-​esperjenza, meta tiftaħ id-​doqqajs, il-​ħoss taż-​żanżin biss, jgħidlek jekk il-​kolonja hijiex tiffjorixxi, produttiva, u ‘ferħana’; jekk għandhiex ġuħ; jekk hijiex ‘orfni’ minħabba li tkun mietet ir-​reġina; jekk hijiex aġitata minħabba xi ħaġa kerha; u ħafna, ħafna iżjed.”

Fatturi Importanti Għal Suċċess Fit-​Trobbija Tan-​Naħal

“Għażla għaqlija tal-​lok fejn wieħed li jrabbi n-​naħal ipoġġi d-​doqqajsiet tiegħu hija kruċjali,” jispjega John. “Aħna nagħmlu sforz kbir biex insibu għelieqi bil-​fjuri fejn in-​naħal jistgħu jsibu l-​ikel.

“Dak li jrabbi n-​naħal jistaʼ jfittex fejn hemm il-​fjur tas-​siġar tal-​larinġ u tat-​tilju sabiex iżomm lill-​kolonji tiegħu biżlin. Matul is-​sajf u l-​ħarifa, biċċa art mimlija siġar taʼ l-​arżnu u ż-​żnuber isservi biex tipproduċi għasel taʼ kwalità tajba li jkollu kulur ċar ħamrani, li jġib prezz tajjeb fis-​suq. Għelieqi tal-​fjur tas-​sagħtar salvaġġ jagħmlu l-​aħjar tip t’għasel​—ir-​re taʼ l-​għasel, kif isejħulu dawk li jistudjaw in-​naħal. In-​naħal ifittxu l-​ikel ukoll fuq silla bajda, silla ħelwa safra, u alfalfa.”

Is-sens komun huwa importanti ferm. Maria tispjega: “Meta npoġġu d-​doqqajsiet f’reġjun muntanjuż, ikun vantaġġuż li npoġġuhom ħdejn in-​naħa t’isfel tal-​muntanja. In-​naħal b’hekk jistgħu jtiru ’l fuq, iżuru s-​siġar mimlijin bil-​fjuri, u mbagħad​—mgħobbijin—​itiru f’passaġġ għan-​niżla u eħfef lura lejn id-​doqqajsiet tagħhom. Kieku d-​doqqajsiet kienu fil-​parti taʼ fuq taʼ l-​għolja u ogħla mis-​siġar, dan kien jgħejji lin-​naħal u jeffettwa ħażin il-​produttività tal-​kolonja.”

“Kull min irabbi n-​naħal jifhem l-​irwol vitali li għandha r-​reġina għall-​ġid u l-​produttività tal-​kolonja,” jgħid John hekk kif bl-​attenzjoni jgħolli wieħed mill-​oqfsa tad-​doqqajs b’reġina żagħżugħa mgeddsa fiċ-​ċentru tiegħu. “F’doqqajsiet li jipproduċu ammonti miżeri taʼ naħal u għasel, ir-​reġina jkollha tinqatel u tinbidel. Kolonji bi rġejjen żgħażagħ jagħmlu l-​iżjed għasel. Ukoll, meta nkunu rridu noħolqu kolonji ġodda, nieħdu doqqajs doppju b’saħħtu li jkun iffollat bin-​naħal u nisseparaw il-​kaxxi taʼ fuq u taʼ taħt. Nofs wieħed iżomm ir-​reġina, u għalhekk inpoġġu reġina żagħżugħa mgħammra fin-​nofs l-​ieħor. Sakemm jiftħu l-​fjuri, ir-​reġina l-​ġdida tkun qiegħda tbid il-​bajd, biex b’hekk timla d-​doqqajs b’naħal ħaddiema żgħar.”

Kemm iddum ħajja n-​naħla? Qalulna li t-​tul taʼ ħajjet in-​naħla ħaddiema huwa proporzjonalment kuntrarju għall-​bżulija tagħha. Fis-​sajf, meta naħla tkun qiegħda tfittex l-​ikel minn fuq il-​fjuri għal madwar 15-il siegħa kuljum u ttir b’veloċità taʼ xi 21 kilometru fis-​siegħa, din tgħix sitt ġimgħat biss. Ix-​xitwa hija taʼ inqas strapazz fiżiku għan-​naħal, għaliex jaħdmu bejn sagħtejn u tliet sigħat biss kuljum, u b’hekk għandu mnejn jirnexxilhom jgħixu għal diversi xhur.

Prodotti Differenti

L-​ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna meta nitkellmu dwar in-​naħal huwa, naturalment, l-​għasel. Dan il-​fluwidu ħelu u vixxidu huwa nektar maħdum min-​naħla ħaddiema. Bejn wieħed u ieħor, doqqajs kummerċjali jistaʼ jipproduċi 29 kilogramm fis-​sena. Ix-​xemgħa tan-​naħal hija prodott sekondarju prezzjuż ieħor taʼ l-​attività tan-​naħal. Xehda taʼ l-​għasel hija utli għal madwar ħames sa sitt snin. Sa dak iż-​żmien, il-​kulur tagħha jkun skura minħabba diversi mikrobi u parassiti li jgħixu fuqha u din trid tiġi mibdula. Ix-​xehdiet mormijin jiġu pproċessati għax-​xemgħa tan-​naħal tagħhom. Il-​medja tal-​produzzjoni kummerċjali hija taʼ 9 sa 18-il kilogramm taʼ xemgħa tan-​naħal għal kull tunnellata t’għasel miġbur.

It-trab tad-​dakkir​—li huwa s-​sors prinċipali taʼ proteini, vitamini, minerali, u xaħam għall-​iżvilupp tar-​reġina, il-​ħaddiema, u n-​naħla raġel—​huwa wkoll imfaħħar minn xi nies bħala mediċina naturali mill-​aħjar għal numru taʼ mardiet fiżiċi. Doqqajs wieħed jistaʼ jagħti madwar 5 kilogrammi minnu f’sena waħda. Il-​propoli huwa sustanza li n-​naħal jużaw biex jiżolaw id-​doqqajs tagħhom u biex jaqbdu kwalunkwe intruż li huwa kbir wisq biex jitneħħa.

Direttament jew indirettament, il-​produzzjoni taʼ madwar kwart taʼ l-​ikel li nikkonsmaw tiddependi fuq l-​abbiltà tan-​naħla li ddakkar l-​uċuħ tar-​rabaʼ. It-​tuffieħ, il-​lewż, id-​dulliegħ, l-​għajnbaqar, il-​lanġas, il-​ħjar, u t-​tipi differenti taʼ ċirasa kollha jiddependu fuq in-​naħal biex jiddakkru. Hekk ukoll jagħmlu d-​diversi ħxejjex taż-​żrieragħ, inklużi l-​karrotti, il-​basal, u saħansitra l-​ġirasol. Il-​laħam u l-​prodotti magħmulin mill-​ħalib huma wkoll effettwati min-​naħal, li jdakkru l-​alfalfa li ssir għalf għall-​bhejjem.

“Għorrief” Bl-​Istint

“Jien naħseb li l-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li jrabbu n-​naħal jemmnu f’Alla,” tgħid Maria, waqt li tfakkarna fin-​nuqqas t’abbiltà tagħna li nispjegaw il-​komplessitajiet taʼ l-​istruttura soċjali tan-​naħal, l-​iżvilupp affaxxinanti tagħhom taʼ ħajja komunitarja komplessa, u l-​abbiltajiet eċċellenti tagħhom fl-​orjentazzjoni u l-​komunikazzjoni. Ħafna nies li jistudjaw u jieħdu ħsieb in-​naħal mill-​ewwel se jattribwixxu dan kollu lejn il-​fatt li n-​naħal huma “għorrief” bl-​istint, u li istint bħal dan ġie mogħti ġenerożament lilhom mill-​Ħallieq Grandjuż tagħna, Alla Jehovah.​—Qabbel Proverbji 30:24.

[Kaxxa/Stampi fʼpaġna 26]

Mill-​Fjura Għall-​Mejda Tiegħek

1 In-​naħla taʼ l-​għalqa żżur fjura u tiġbor in-​nektar

Hekk kif iżuru l-​fjuri, in-​naħal jiġbru n-​nektar fil-​borża taʼ l-​għasel tagħhom, li hija l-​parti mkabbra taʼ l-​esofagu tagħhom. Biex timla din il-​borża, in-​naħla trid tagħmel bejn 1,000 u 1,500 żjara lill-​fjur individwali

2 Lura fid-​doqqajs, in-​nektar jiġi maħżun fix-​xehda

Hekk kif tidħol fid-​doqqajs, in-​naħla taʼ l-​għalqa ttellaʼ l-​kontenut tal-​borża taʼ l-​għasel tagħha għal ġol-​ħalq taʼ naħla ħaddiema żagħżugħa. In-​naħla ħaddiema mbagħad tiddepożita n-​nektar ġewwa ċellola u tagħmel il-​ħidmiet neċessarji biex tibdel in-​nektar f’għasel

3 Dak li jrabbi n-​naħal jiġbor l-​għasel

B’xafra msaħħna, iqaxxar ix-​xemgħa li tiksi ċ-​ċelloli ġewwa kull qafas. Imbagħad ipoġġi l-​oqfsa f’pompa li tiġbed, li tneħħi l-​għasel permezz taʼ forza ċentrifuga

4 L-​għasel imferraʼ ġewwa vażetti jew porzjonijiet individwali

Tabelli fuq vażetti taʼ l-​għasel juru liema pjanti ntużaw min-​naħal. Jekk il-​vażett huwa trasparenti, int tkun tistaʼ tiċċekkja l-​kwalità mill-​kulur taʼ l-​għasel

5 L-​għasel huwa tajjeb għal Saħħtek!

L-​għasel jiġi assimilat malajr mill-ġisem u mibdul malajr f’enerġija. Rapporti juru li jistaʼ jintuża bħala kura għal ħruq u diversi tipi taʼ ġrieħi fil-​ġisem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja