L-Għasel Duwa Ħelwa
XI RIĊERKATURI tal-mediċina huma entużjasti ħafna dwar x’qawwa għandu l-għasel f’li jikkumbatti l-infjammazzjoni u jaġixxi taʼ antisettiku. Il-gazzetta The Globe and Mail tal-Kanada tirrapporta li filwaqt li hemm ruxxmata antibijotiċi sofistikati li ma jaħdmux kontra l-mikrobi li saru reżistenti għalihom, l-għasel hu kapaċi jegħleb għall-inqas xi wħud minnhom speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-ġrieħi infettati.
X’hemm fl-għasel li kapaċi jgħin biex ifejjaq? It-tweġiba tinvolvi lin-naħla ħaddiema li tiġbor in-nektar mill-fjuri. Ir-riq tan-naħla fih il-glucose-oxidase, enzima importanti li taħdem il-glukosju li hemm fin-nektar. Permezz taʼ dan il-proċess joħroġ il-perossidu (hydrogen peroxide), li ġeneralment jintuża biex inaddaf u jiddiżinfetta l-ġrieħi. Normalment, il-perossidu ma tantx idum jagħmel effett meta jitpoġġa fuq ġerħa; imma l-għasel jagħmel effett differenti. “Malli jitpoġġa fuq il-ġerħa, l-għasel jinħall xi ftit bil-fluwidi tal-ġisem, u dan inaqqas l-aċidità naturali taʼ l-għasel,” jgħid ir-rapport tal-Globe. L-enzima tibda taħdem f’dan l-ambjent inqas aċiduż. Iz-zokkor fl-għasel jibda jinħadem ftit ftit u b’mod kontinwu. Dan il-proċess jibda jerħi bil-mod il-mod il-perossidu u jipproduċi ammonti kbar biżżejjed biex joqtol il-batterji li jkun hemm, u fl-istess ħin ma ssirx ħsara liċ-ċelluli b’saħħithom li jkun hemm madwarhom.
L-għasel fih diversi karatteristiċi li jistgħu jeffettwaw il-fejqan tal-ġrieħi, skond il-Globe. “Kisja rqiqa t’għasel toħloq ambjent niedi li jipproteġi lill-ġilda u b’hekk ma tifformax qoxra iebsa [fuq il-ġerħa]. L-għasel jistimula t-tkabbir u l-formazzjoni taʼ kapillari ġodda tad-demm u jġiegħel liċ-ċelluli li jipproduċu ġilda ġdida biex jikbru.” Iktar minn hekk l-anti-ossidanti fl-għasel jiġġeneraw azzjoni kontra l-infjammazzjoni li tgħin biex “tonqos in-nefħa, titjieb iċ-ċirkulazzjoni u tgħin biex il-ġerħa ma ‘tnixxix.’”
“Madankollu, l-għasel ma jgħoddx għal kulħadd,” iwissi r-rapport. Huwa kalkulat li 5 fil-mija taʼ l-għasel fih ċelluli li jifformaw minn batterju velenuż imsejjaħ botulinum. Aġenziji bħas-Servizz taʼ Referenza dwar il-Botuliżmu tar-rivista Health Canada, kif ukoll għaqdiet pedjatriċi huma tal-parir li tfal taʼ taħt is-sena m’għandhomx jingħataw għasel għax it-trabi ma jkunux għadhom żviluppaw biżżejjed organiżmi fl-imsaren biex jipproteġuhom mill-batterju.