LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 1/8 pp. 12-13
  • Ħrabna Mill-​bombi ​—50 Sena Wara!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħrabna Mill-​bombi ​—50 Sena Wara!
  • Stenbaħ!—1998
  • Materjal Simili
  • Il-Gżira li Dehret u Sparixxiet
    Stenbaħ!—2004
  • Iħabbru s-Saltna t’Alla fil-Gżejjer Fiġi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Stenbaħ!—1998
g98 1/8 pp. 12-13

Ħrabna Mill-​bombi ​—50 Sena Wara!

“Dalwaqt se jisplodu l-​bombi hawnhekk. Kulħadd jiġri biex jistkenn!”

B’DAK il-​kliem jien u r-​raġel tiegħi ġejna mwissijin minn pulizija biex nitilqu mid-​dar u nfittxu refuġju f’xelter tal-​konkrit li kien fil-​qrib. Dan l-​avviż ħasadna mhux ftit. Wara kollox, ma konniex f’xi reġjun tad-​dinja fejn kien hemm xi gwerra; konna qed inżuru lil xi ħbieb f’waħda mill-​gżejjer sbieħ tal-​qroll li jinsabu fuq in-​naħa taʼ barra tal-​Marshall Islands, fil-​Mikroneżja.

Konna morna nqattgħu ġimgħa maʼ ħabiba u r-​raġel tagħha fil-​gżira żgħira taʼ Tõrwã. Il-​mara kienet l-​unika Xhud taʼ Jehovah li kien hemm fil-​gżira, u aħna ridna ngħinuha tippriedka lin-​nies li jgħixu hemm.

In-nies tal-​Marshall Islands għandhom natural dħuli u huma ħerqanin biex jitkellmu dwar il-​Bibbja. Minn mindu ħareġ il-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art bil-​lingwa lokali, kellna opportunità tajba biex inħallu għadd taʼ kopji man-​nies. Dawk kollha li riedu l-​ktieb aċċertawna li kienu se jaqrawh u li ma kinux se jużawh bħala ken karawan, jew “oġġett li jġib ir-​riżq,” biex ikeċċi d-​demonji. Drawwa popolari li għandhom hemmhekk hi li jirromblaw paġna mill-​Bibbja, ipoġġuha ġo flixkun u jdendluh maʼ travu jew maʼ siġra li tkun fil-​qrib, għax jaħsbu li dan iżomm ’il bogħod l-​ispirti mill-​agħar.

Għal diversi jiem konna qed nieħdu gost bil-​mawra tagħna, imma meta wasal is-​Sibt, malajr irrealizzajna li l-​affarijiet kienu se jieħdu xejra differenti. Konna bdejna l-​ġurnata b’għawma rifreskanti kmieni fil-​għodu, fl-​ilma ċar u sħun tal-​laguna. Waqt li konna mexjin lura mill-​bajja, rajna vapur griż riesaq, li d-​dehra tiegħu tqajjimlek ġismek xewk xewk. Ma domniex wisq ma sirna nafu x’kien ġab. Wieħed pulizija spjega li kien wasal tim taʼ sebat irġiel militari Amerikani biex jisplodu xi bombi qodma li kien hemm fuq il-​gżira. Biex tiġi aċċertata s-​sigurtà tal-​pubbliku, id-​djar kienu se jiġu evakwati u l-​abitanti tal-​gżira kien se jkollhom iqattgħu l-​ġurnata f’xeltrijiet li kienu nbnew mill-​Ġappuniżi matul it-​Tieni Gwerra Dinjija.

Dawn ix-​xeltrijiet, li jiġu nnotati immedjatament mill-​viżitaturi li jmorru Tõrwã, huma xiehda taʼ passat li jkexkex. Mill-​bogħod, il-​gżira tidher proprja ġenna tropikali, imma mill-​viċin jidher ċar li s-​sbuħija taʼ Tõrwã hija mħassra minħabba l-​marki li ħalliet warajha gwerra li ntemmet xi 50 sena ilu. Minħabba li darba kienet bażi taʼ l-​ajru Ġappuniża, il-​gżira hija miżgħuda b’affarijiet li jfakkruk fit-​Tieni Gwerra Dinjija. Kullimkien, hemm fdalijiet imsaddin tal-​gwerra​—ajruplani tal-​ġlied, kanuni mmontati, u torpidows—​mgħottijin bil-​ħaxix tropikali.

Madankollu, huma l-​bombi li għad fadal li huma l-​iktar allarmanti. Matul il-​gwerra, il-​forzi militari Amerikani tefgħu iktar minn 3,600 tunnellata taʼ bombi, napalm, u rókits fuq Tõrwã, u l-​forzi Ġappuniżi kellhom il-​ħażna tagħhom taʼ bombi u armi fuq l-​art. Fil-​waqt li m’huwiex probabbli li tisplodi bomba li għaddew ħamsin sena minn fuqha, dawn dejjem jistaʼ jkun hemm sogru fihom, u dan jispjega għala timijiet li jiddisponu mill-​bombi żaru l-​gżira mill-​inqas ħames darbiet mill-​1945 ’l hawn, is-​sena li fiha spiċċat il-​gwerra.

Aħna ma konniex ċerti jekk it-​twissija kinitx attwalment vera, u għalhekk imxejna sal-​post fejn il-​membri tat-​tim li jiddisponi mill-​bombi kienu niżlu l-​art u tkellimna magħhom. It-​twissija mhux talli kienet vera, qalu, imma talli l-​isplużjonijiet tal-​bombi kienu se jibdew fi żmien siegħa! Jekk ma konniex se mmorru fix-​xelter għall-​kenn, qalulna, kien se jkollna nitilqu mill-​gżira minnufih.

Il-ħabiba tagħna ddeċidiet li tibqaʼ f’Tõrwã u sabet kenn, flimkien maʼ diversi familji, ġewwa xelter kbir fejn qabel kienu jiġu installati l-​machine guns. Iktar tard qaltilna li l-​uniċi twieqi li kien hemm fix-​xelter qadim tal-​konkrit kienu l-​fetħiet għall-​ixkubetti, u li ġewwa kien hemm sħana tremenda u kien mimli daqs bajda. Il-​ġurnata li qattgħet hemm ġabitilha memorji tas-​snin tal-​gwerra, u stqarret li fil-​waqt li l-​ħoss taʼ bombi jisplodu kien jaffaxxinaha meta kienet żgħira, issa kien ibeżżagħha mhux ftit.

Ir-raġel tagħha kien qabel li jwassalna sa Wollet Island, li tinsab xi tmien kilometri ’l bogħod, b’dgħajsa mgħammra b’mutur. Konna ilna biss ftit minuti li tlaqna meta smajna ħoss kbir jirbombja. Meta dorna biex inħarsu lejn Tõrwã, rajna kolonna taʼ duħħan tielgħa minn ħdejn l-​inħawi residenzjali tal-​gżira. Malajr, smajna splużjoni oħra u mbagħad it-​tielet blast, li kien ħafna akbar.

Qattajna l-​ġurnata nippridkaw f’Wollet, u kienet ġurnata li sikwit kienet interrotta minn blastijiet taʼ bombi fil-​bogħod. Minn diversi xhur qabel kienu sabu l-​postijiet fejn kienu l-​bombi l-​qodma u mmarkawhom. Instabu splussivi militari kullimkien​—fuq ix-​xtut, fil-​qalba tal-​gżira ħdejn l-​airstrip, u anki fil-​btieħi tan-​nies! Biex jitnaqqas in-​numru taʼ splużjonijiet, it-​tim li jiddisponi mill-​bombi kienu ġabru għadd taʼ bombi iżgħar u mbagħad splodewhom f’daqqa.

Kienet kważi qed tinżel ix-​xemx x’ħin erġajna lura lejn Tõrwã. Hekk kif ersaqna eqreb lejn il-​gżira, innotajna li dak id-​duħħan familjari tan-​nar li kienu jsajru fuqu ma kienx hemm. Konna ċerti li kien ġara xi ħaġa. F’daqqa waħda, dgħajsa żgħira ġiet b’ħeffa lejna, u ġejna mwissijin biex ma nersqux eqreb. Kien għad fadal bomba kbira taħt l-​ilma ħdejn is-​sikka li kienet għad trid tiġi sploduta. B’hekk, hekk kif ħallejna l-​kurrent imexxina ’l barra maʼ l-​għabex, konna xhieda taʼ xi ħaġa li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies ħajjin illum qatt ma raw​—splużjoni taħt l-​ilma taʼ bomba tat-​Tieni Gwerra Dinjija, li tellgħet kolonna taʼ ilma u duħħan mijiet taʼ metri ’l fuq fl-​arja!

B’xorti tajba, ħadd ma weġġaʼ f’Tõrwã dak in-​nhar. Kien it-​tim li jiddisponi mill-​bombi fl-​aħħar ħeles lill-​gżira mill-​bombi kollha li kien għad fadal? Probabbilment li le. Il-​leader tat-​tim qal li kien jistenna li l-​abitanti tal-​gżira għad iridu jsibu iktar splussivi militari fil-​futur. M’għandniex xi ngħidu, dan serva biex ikollna fuqiex nitkellmu man-​nies hekk kif spiċċajna x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna f’Tõrwã. Kien veru privileġġ li ngħidu lil dawn in-​nies tal-​gżira dwar iż-​żmien meta s-​Saltna taʼ Jehovah se ‘twaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.’​—Salm 46:10 [46:​9, NW].

Kif irrakkontat minn Nancy Vander Velde

[Stampa fʼpaġna 13]

Bomba li ma kinitx splodiet

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja