Tassew Li X-Xjenzati Sabu T-Toqob Suwed?
DONNHOM affarijiet tal-fantaxjenza—stilel li darba kienu jiddu jsiru inviżibbli, mgħaffġin mill-forza tal-gravità tagħhom stess, u xejn, lanqas saħansitra d-dawl, ma jiskappa minn taħt idejhom. Ħafna astronomi jemmnu li toqob suwed bħal dawn jistgħu jkunu xi ħaġa komuni fl-univers. Tixtieq tkun taf iktar dwarhom? L-istorja tibda fil-kostellazzjoni sabiħa fin-naħa tat-Tramuntana msejħa Cygnus, li tfisser “iċ-Ċinju.”
Cygnus X-1—Toqba Sewda?
Mis-snin 60 ’l hawn, l-astronomi kienu qed jinteressaw ruħhom f’naħa partikulari tal-kostellazzjoni Cygnus. Osservatorji li jorbitaw u li ntbagħtu fl-ispazju ’l fuq mill-atmosfera taʼ l-Art skoprew sors qawwi taʼ X rays ġejjin minn din in-naħa, li ġiet mogħtija l-isem Cygnus X-1.
Ix-xjenzati ilhom jafu li iktar ma oġġett ikun jikwi, iktar jarmi enerġija b’wavelengths elettromanjetiċi iqsar u iktar enerġetiċi. Jekk tikwi biċċa ħadida ġo forn jaħraq ħafna, għall-ewwel din tibda ssir ħamra, u hekk kif il-ħadida ssir tikwi iktar, din issir safra u mbagħad bajda. F’dan ir-rigward, l-istilel huma bħall-ħadid. Stilel li huma relattivament kesħin, b’temperatura taʼ madwar 3,000 K, għandhom kulur ħamrani, fil-waqt li stilla safra, bħax-Xemx, għandha temperatura tal-wiċċ viċin is-6,000 K.a Madankollu, trid issaħħan il-gass stellari sa ma jilħaq temperatura taʼ miljuni taʼ kelvins biex tipproduċi r-radjazzjoni taʼ l-X rays li toħroġ minn Cygnus X-1. Ebda stilla m’għandha temperatura tal-wiċċ bħal din.
Fil-post fejn hemm Cygnus X-1, l-astronomi sabu stilla li għandha temperatura tal-wiċċ li hija kkalkulata li tilħaq it-30,000 K—verament taħraq ħafna, imma ma taħraqx biżżejjed biex tkun is-sors taʼ l-X rays. Huwa stmat li din l-istilla, bl-isem taʼ HDE 226868, hija massiva xi 30 darba iktar mix-Xemx, u tinsab 6,000 sena tad-dawl ’il bogħod mill-Art. Din is-superġganta għandha seħbitha, u t-tnejn qed iduru u jagħqdu madwar xulxin f’żifna orbitali kull 5.6 ġranet. Ix-xjenzati jikkalkulaw li din is-sieħba tinsab biss ftit miljuni taʼ kilometri ’l bogħod minn HDE 226868. Skond kif jgħidu xi sorsi, din is-sieħba hija massiva xi għaxar darbiet iktar mix-Xemx. Imma hemm xi ħaġa verament stramba dwar din is-sieħba—din hija inviżibbli. Ebda stilla normali taʼ dak il-kobor m’għandha tkun inviżibbli f’din id-distanza mill-Art. Oġġett daqshekk enormi li jidher li jarmi l-X rays imma ma jarmix id-dawl viżibbli hemm possibbiltà kbira li jkun toqba sewda, jgħidu x-xjenzati.
Mawra sa Toqba Sewda
Immaġina li tistaʼ tmur sa Cygnus X-1. Jekk nassumu li din tassew hi toqba sewda, dak li se tara għandu mnejn jixbah lill-istampa f’paġna 17. L-istilla l-kbira hija HDE 226868. Fil-waqt li din l-istilla għandha dijametru taʼ miljuni taʼ kilometri, it-toqba sewda għandha mnejn ikollha dijametru taʼ madwar 60 kilometru. It-tikka sewda żgħira fiċ-ċentru tas-sħaba tobrom taʼ gassijiet jiddu hija l-event horizon, jew il-wiċċ, tat-toqba sewda. Madankollu, dan m’huwiex wiċċ solidu, imma iktar jixbah lil xi dell. Huwa t-tarf tar-reġjun li fih il-gravità madwar it-toqba sewda tant hi qawwija li lanqas id-dawl ma jistaʼ jiskappa. Ħafna xjenzati jaħsbu li ġewwa dan l-orizzont, fiċ-ċentru tat-toqba sewda, jeżisti punt fejn il-volum huwa żero u d-densità hija infinita, magħruf bħala singularità, li ġo fih tkun sparixxiet il-materja kollha taʼ ġot-toqba sewda.
It-toqba sewda qed tiġbed is-saffi taʼ barra tal-gass taʼ l-istilla seħbitha. Il-gass mill-istilla jieħu l-forma taʼ plattin jiddi hekk kif il-gass idur b’veloċità li dejjem tiżdied, u jibda jisħon bil-frizzjoni taʼ madwar it-toqba sewda. Dan il-plattin taʼ gass jaħraq ħafna jipproduċi l-X rays eżatt barra t-toqba sewda, hekk kif il-gass jiġi aċċellerat mill-gravità intensa u jilħaq veloċità li ma titwemminx. M’għandniex xi ngħidu, ladarba l-gass jaqaʼ ġot-toqba sewda, ebda X rays oħrajn—jew kwalunkwe ħaġa oħra—ma jkunu jistgħu jiskappaw iżjed.
Cygnus X-1 hija dehra spettakolari, imma tersaqx viċin iżżejjed! Mhux l-X rays tagħha biss huma fatali imma anki l-gravità tagħha. Fuq l-Art, teżisti differenza żgħira fil-forza tal-gravità bejn rasek u saqajk meta tkun bil-wieqfa. Din id-differenza toħloq ġibda żgħira ħafna li ma tinħassx. Madankollu, f’Cygnus X-1, din id-differenza żgħira hija mmoltiplikata għal 150 biljun darba, u b’hekk toħloq forza li attwalment kieku ġġebbidlek ġismek, bħallikieku xi par idejn inviżibbli qed iġebbdulek saqajk lejn naħa u rasek lejn in-naħa l-oħra!
Cygnus A—Hija Din Toqba Sewda Supermassiva?
Hemm naħa oħra misterjuża fil-kostellazzjoni Cygnus. Viżwalment, f’din in-naħa hemm biss tikka żgħira li ma tantx tidher u li fil-fatt hija galassja fil-bogħod, imma din tarmi mewġ radjoloġiku (radio waves) mill-iktar qawwi fis-sema. Din hija msejħa Cygnus A, u x-xjenzati ilhom iħabblu moħħhom dwarha minn mindu ġiet skoperta, iktar minn 50 sena ilu.
Moħħna ma jistax jimmaġina l-iskala taʼ Cygnus A. Fil-waqt li Cygnus X-1 tinsab fil-galassja tagħna stess, xi ftit eluf taʼ snin tad-dawl ’il bogħod, huwa maħsub li Cygnus A tinsab mijiet taʼ miljuni taʼ snin tad-dawl ’il bogħod. Għalkemm Cygnus X-1 u s-sieħba viżibbli tagħha jinsabu biss xi minuta tad-dawl ’il bogħod minn xulxin, il-kolonni fformati miż-żewġ ġetts taʼ mewġ radjoloġiku f’Cygnus A jinsabu mijiet taʼ eluf taʼ snin tad-dawl ’il bogħod minn xulxin.b Evidentement, xi ħaġa fiċ-ċentru taʼ Cygnus A ilha tispara dawn il-ġetts intensi taʼ enerġija f’direzzjonijiet opposti għal mijiet taʼ eluf jew saħansitra miljuni taʼ snin, bħal xi speċi taʼ xkubetta li tispara raġġi kosmiċi. Mapep radjoloġiċi ddettaljati taċ-ċentru taʼ Cygnus A jirrivelaw li, meta mqabbla mal-ġetts, l-ixkubetta li tispara r-raġġi hija żgħira ħafna, inqas minn xahar tad-dawl fid-daqs. Kieku kienet qed tixxengel matul dan iż-żmien kollu, ir-raġġi kienu jkunu mgħawġin. Imma l-ġetts misterjużi huma perfettament dritti, bħallikieku l-ixkubetta li sparathom kienet ġiet stabbilizzata minn ġiroskopju enormi.
X’jistaʼ jkun qed jiġri? “Mill-viżibilju taʼ ideat li kienu ġew ipproponuti sa kmieni fis-snin 80 biex jagħtu spjegazzjoni tal-magna ċentrali,” jikteb il-Professur Kip S. Thorne, “waħda biss kienet tagħti x’tifhem li jeżisti ġiroskopju taʼ l-għaġeb li għandu ħajja twila, taʼ daqs iżgħar minn xahar tad-dawl, u b’kapaċità li jiġġenera ġetts qawwijin. Din l-idea unika kienet toqba sewda ġganteska, li ddur b’veloċità kbira.”
Suspetti Oħrajn taʼ Toqob Suwed
Fl-1994 it-Teleskopju Spazjali Hubble, li kien għadu kif sarulu xi tiswijiet, eżamina mill-qrib il-galassja “viċina” M87, li huwa kkalkulat li tinsab 50 miljun sena tad-dawl ’il bogħod. Bil-kwalitajiet ottiċi immodernizzati tiegħu, il-Hubble skopra sħaba tobrom taʼ gass fiċ-ċentru taʼ l-M87, li kienet qed iddur u tagħqad madwar xi oġġett b’veloċità li tbellhek taʼ żewġ miljun kilometru fis-siegħa. X’jistaʼ jġiegħel lill-gass jiċċaqlaq b’veloċità bħal din? Il-kalkoli wrew li l-oġġett taʼ ġos-sħaba tobrom bilfors li għandu massa li hija ugwali, mill-inqas, għal dik taʼ żewġ biljun Xemx. Imma dak l-oġġett huwa mdeffes ġo spazju “ċkejken” id-daqs tas-sistema solari tagħna. L-unika ħaġa li x-xjenzati jistgħu jimmaġinaw li għandha mnejn taqbel maʼ din id-deskrizzjoni hija toqba sewda supermassiva.
Possibbiltajiet oħrajn taʼ toqob suwed ġew skoperti reċentement fiċ-ċentru taʼ għadd taʼ galassji li jinsabu fil-viċin, inkluż il-ġâra “taʼ bieb maʼ bieb magħna,” il-galassja Andromeda, li tinsab biss madwar żewġ miljun sena tad-dawl ’il bogħod. Imma għandu mnejn teżisti toqba sewda ġganteska saħansitra iktar viċin tagħna minn Andromeda! Osservazzjonijiet reċenti jissuġġerixxu li għandu mnejn hemm toqba sewda mill-kbarnett fiċ-ċentru tal-galassja tagħna stess, it-Triq tal-Ħalib. Xi ħaġa li qiegħda xi mkien fiċ-ċokon, u li l-massa tagħha huwa kkalkulat li hi daqs dik taʼ 2.4 miljun Xemx, qed iġġiegħel lill-istilel taʼ ħdejn iċ-ċentru tal-galassja tagħna jorbitaw madwarha b’veloċitajiet tremendi. Il-fiżiku Thorne josserva: “L-evidenza, li akkumulat gradwalment matul is-snin 80, tissuġġerixxi li toqob bħal dawn jeżistu mhux biss fil-qalba tal-biċċa l-kbira tal-kwasari u l-galassji li jarmu l-mewġ radjoloġiku, imma anki fil-qalba tal-biċċa l-kbira tal-galassji kbar normali (li ma jarmux mewġ radjoloġiku), bħat-Triq tal-Ħalib u l-Andromeda.”
Ix-xjenzati tassew skoprew it-toqob suwed? Jistaʼ jkun. Ċertament li skoprew oġġetti strambi ħafna fil-kostellazzjoni Cygnus u fi mkejjen oħrajn li fil-preżent jistgħu faċilment jiġu spjegati bħala toqob suwed. Imma tagħrif ġdid jistaʼ wkoll jisfida teoriji li huma aċċettati minn ħafna.
Iktar minn 3,500 sena ilu, Alla staqsa lil Ġob: “Taf hekk sewwa l-liġijiet tas-sema?” (Ġob 38:33) Minkejja l-progress xjentifiku impressjonanti li sar, din il-mistoqsija xorta għadha f’waqtha. Wara kollox, huwa biss meta l-bniedem jibda jaħseb li jistaʼ jifhem l-univers li titfaċċa xi osservazzjoni ġdida mhux mistennija biex twaqqagħlu t-teoriji li jkun bena b’tant reqqa. Sadanittant, nistgħu noqogħdu nħarsu mmeraviljati lejn il-kostellazzjonijiet u nitpaxxew bis-sbuħija tagħhom!
[Noti taʼtaħt]
a Kelvin (K) hija skala tat-temperatura, użata mix-xjenzati, li tibda miż-0 assolut (li huwa maħsub li hija l-iktar temperatura kiesħa possibbli) u titlaʼ fi gradi Celsius. Ladarba ż-0 assolut huwa -273 gradi Celsius, allura 0 gradi Celsius huwa 273 K.
b Sena tad-dawl hija unit taʼ tul li huwa ugwali għad-distanza li jivvjaġġa d-dawl ġo vakwu f’sena, jew madwar 9,461,000,000,000 kilometru. Bl-istess prinċipju, minuta tad-dawl hija d-distanza li jivvjaġġa d-dawl f’minuta, xahar tad-dawl id-distanza li jivvjaġġa d-dawl f’xahar, u nibqgħu sejrin hekk.
[Kaxxa fʼpaġna 16, 17]
Kif Tiġi Fformata Toqba Sewda?
SKOND il-fehma preżenti tax-xjenza, l-istilel jiddu minħabba taqbida li ma taqtaʼ xejn bejn il-gravità u l-forzi nukleari. Mingħajr il-gravità biex tross il-gass ġo l-istilla, ma jistax ikun hemm fużjoni nukleari. Mill-banda l-oħra, mingħajr il-fużjoni nukleari biex tirreżisti l-ġibda tal-gravità, jistgħu jiġru affarijiet straordinarji lill-istilel.
Ix-xjenzati jemmnu li meta stilel bejn wieħed u ieħor id-daqs tax-xemx tagħna jaħlu l-fjúwil nukleari kollu tagħhom taʼ idroġenu u ħeljum, il-gravità tgħaffiġhom sa ma jsiru ġamar jaħraq bejn wieħed u ieħor daqs id-dinja, imsejħin nani bojod (white dwarfs). Nanu abjad jistaʼ jkollu massa daqs kemm għandha x-xemx, imma din tkun marsusa ġo spazju miljun darba iżgħar.
Tistaʼ timmaġina l-materja ordinarja bħala li hija fil-biċċa l-kbira spazju vojt, bi kważi l-massa kollha taʼ kull atomu ġo nukleu ċkejken imdawwar minn sħaba ferm akbar taʼ elettroni. Imma ġewwa nanu abjad, il-gravità tgħaffeġ lis-sħaba taʼ elettroni u ġġibha daqs frazzjoni żgħira tal-volum li kellha qabel, u b’hekk iġġiegħel lill-istilla tinxtorob sa ma ssir daqs pjaneta. Fil-każ taʼ stilel bejn wieħed u ieħor daqs ix-xemx tagħna, f’dan il-punt ikun hemm effett taʼ bilanċ bejn il-gravità u l-forzi li jippossiedu l-elettroni, u dan ma jħallix lill-istilla tiġi kkompressata iktar.
Imma xi ngħidu għal stilel li huma itqal mix-xemx, u għandhom iktar gravità? Fil-każ taʼ stilel li huma massivi iktar minn 1.4 darbiet daqs ix-xemx, il-forza tal-gravità tant hija kbira li s-sħaba taʼ elettroni titgħaffeġ sakemm ma tibqax teżisti. Il-protoni u l-elettroni mbagħad jingħaqdu u jsiru newtronji. In-newtronji jifilħu jirreżistu li jitgħaffġu iktar, dment li l-gravità ma tkunx qawwija żżejjed. Minflok nanu abjad id-daqs taʼ pjaneta, ir-riżultat ikun stilla newtronja daqs asterojdi żgħira. L-istilel newtronji huma magħmulin mill-iktar materjal dens li nafu bih fl-univers.
X’jiġri, iżda, jekk il-gravità tiżdied iktar? Ix-xjenzati jemmnu li, fil-każ taʼ stilel li għandhom massa xi tliet darbiet daqs dik tax-xemx, il-gravità tkun qawwija wisq għan-newtronji biex jifilħu għaliha. Ebda forma taʼ materja li jafu biha l-fiżiki ma tiflaħ tirreżisti l-forza kumulattiva taʼ din il-gravità kollha. Jidher li l-ballun taʼ newtronji, li jkun id-daqs t’asterojdi, kien jitgħaffeġ mhux sempliċement sa ma jsir ballun iżgħar, imma sa ma jiġi fix-xejn, sa ma jasal f’punt imsejjaħ singularità, jew xi entità teoretika li s’issa għadha ma ġietx spjegata. L-istilla mid-dehra kienet tisparixxi, u warajha tħalli biss il-gravità tagħha u toqba sewda fil-post fejn kienet. It-toqba sewda tifforma dell gravitazzjonali fil-post fejn qabel kien hemm l-istilla. Dan ikun reġjun li fih il-gravità tant kienet qawwija li xejn—lanqas id-dawl—ma setaʼ jiskappa.
[Stampi fʼpaġna 16]
Fil-kostellazzjoni Cygnus, fost oħrajn, hemm in-North American Nebula (1) u l-Veil Nebula (2). Cygnus X-1 (3) tinsab ftit ’l isfel fl-għonq taċ-ċinju
Cygnus (iċ-Ċinju)
[Sors]
Tony and Daphne Hallas/Astro Photo
Tony and Daphne Hallas/Astro Photo
[Stampi fʼpaġna 17]
Cygnus X-1 fit-Teorija
It-toqob suwed jiġu skoperti minħabba l-effetti tagħhom fuq oġġetti oħrajn. Din l-istampa turi gassijiet minn stilla qed jinbelgħu minn toqba sewda
Idea artistika taʼ toqba sewda (ġor-rettanglu aħmar), u kif tidher meta mkabbra (taħt)
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 14]
Einstein: Ritratt taʼ l-U.S. National Archives