Il-Kirurġija Mingħajr Demm Il-Benefiċċji Tagħha Jiġu Rrikonoxxuti
FL-1996, ir-Royal College of Surgeons of England ippubblika ktejjeb imsejjaħ il-Code of Practice for the Surgical Management of Jehovah’s Witnesses (Kodiċi taʼ Prattika għat-Trattament Kirurġiku tax-Xhieda taʼ Jehovah). F’dan il-ktejjeb, il-kirurgi jagħmlu din l-osservazzjoni: “Minħabba l-perikli assoċjati mat-trasfużjonijiet tad-demm, ikun taʼ benefiċċju jekk wieħed jikkunsidra miżuri alternattivi meta dan ikun possibbli.”
Ir-rivista AHA NEWS, ippubblikata mill-American Hospital Association, ukoll irrapportat dwar għala ġew irrikonoxxuti l-benefiċċji tal-kirurġija mingħajr demm. “Dak li beda bħala twemmin reliġjuż qed jevolvi fi preferenza medika u teknoloġija avanzata,” osservat din ir-rivista li toħroġ kull ġimgħa. “Il-mediċina u l-kirurġija mingħajr demm, li f’parti huma mmotivati mid-duttrini tax-Xhieda taʼ Jehovah, qed javanzaw lil hinn mill-bżonnijiet taʼ soċjetà spiritwali għal ġos-swali taʼ l-operazzjonijiet mal-pajjiż kollu.”
Is-suġġett għala ħafna tobba qegħdin jippromwovu l-kirurġija mingħajr demm ġie ppubblikat f’suppliment fl-edizzjoni tal-ħarifa taʼ l-1997 tar-rivista Time. “Il-biżaʼ mill-AIDS huwa biss raġuni waħda,” qal l-artiklu. L-artiklu rrapporta b’mod partikulari dwar ix-xogħol li qiegħed isir fl-Englewood Hospital’s New Jersey Institute for the Advancement of Bloodless Medicine and Surgery, f’Englewood, New Jersey.
Ir-rivista Time osservat: “Din l-organizzazzjoni qiegħda fuq quddiemnett fost iktar minn 50 sptar ieħor fl-Istati Uniti li issa qed jipprattikaw il-kirurġija mingħajr demm. Mingħajr ma jużaw ebda demm tad-donaturi, huma joffru għażla kbira taʼ proċeduri kirurġiċi li s-soltu jkunu jinkludu t-trasfużjonijiet, flimkien maʼ tekniki li jnaqqsu bil-bosta, jew tistaʼ tgħid jeliminaw, it-telf taʼ demm.”
Effettiva u Sigura
Fl-introduzzjoni taʼ l-artiklu fir-rivista Time kien hemm l-esperjenza taʼ Henry Jackson, li sofra emorraġija interna kbira li minħabba fiha tilef 90 fil-mija taʼ demmu u l-livell taʼ l-emoglobina niżillu għal 1.7 grammi kull deċilitru, u dan kien perikoluż. Jackson ittieħed lejn l-Englewood Hospital minn sptar ieħor fi New Jersey, fejn ma ridux jagħtuh il-kura mingħajr ma jużaw trasfużjonijiet tad-demm.
Fil-faċilità taʼ Englewood, taħt il-kura taʼ Dr. Aryeh Shander, Jackson ingħata “formulazzjonijiet potenti ferm taʼ supplimenti tal-ħadid u vitamini, kif ukoll ‘dożi qawwijin’ taʼ droga li tqawwi d-demm, l-erythropoietin sintetiku, li jistimula l-mudullun biex jipproduċi ċ-ċelloli ħomor tad-demm. Finalment, injettawlu xi likwidi fil-vini biex jistimulaw il-ftit ċirkulazzjoni li kien għad fadallu.”
Ir-rivista Time irrapportat li ftit jiem wara, “irċevew telefonata mill-ewwel sptar biex jistaqsu jekk Jackson kienx miet. Bla ma qagħad jaħbi s-sodisfazzjon tiegħu, Shander qalilhom, ‘Mhux talli m’huwiex mejjet, imma talli jinsab tajjeb u lest biex joħroġ mill-isptar, u dalwaqt jerġaʼ lura għall-ħajja normali tiegħu.’”
F’intervista fuq it-televixin fit-28 taʼ Novembru, 1997, Dr. Edwin Deitch, id-direttur mediku tal-programm taʼ kura mingħajr demm fil-University Hospital, fi Newark, New Jersey, spjega kif żviluppat ir-riċerka dwar il-kirurġija mingħajr demm: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah . . . kienu jieħdu battikata kbira biex jipprovaw isibu lil xi ħadd li jkun lest li jopera mingħajr demm. Xi wħud mir-riżultati taʼ dawk l-istudji wrew li huma kienu marru aħjar milli kien mistenni, [minn] nies li ħadu d-demm.”
Dr. Deitch żied: “Id-demm jistaʼ jdgħajjef is-sistema taʼ l-immunità u jikkaġuna problemi b’infezzjonijiet taʼ wara l-operazzjoni; jistaʼ jżid ir-riskju taʼ wieħed li jkollu kanċer rikorrenti, u għalhekk id-demm, għalkemm kien taʼ benefiċċju f’ċerti ċirkustanzi, jirriżulta li għandu l-ikrah tiegħu wkoll.” Dwar il-kirurġija mingħajr demm, Dr. Deitch ikkonkluda: “B’mod ċar, il-konsegwenzi fuq il-pazjent ikunu aħjar għax ikun hemm inqas komplikazzjonijiet, u [din] tqum inqas flus. U, għalhekk, din hija tassew l-aqwa fi kwalunkwe ċirkustanza.”
B’hekk, bħalma qalet ir-rivista Time, “iktar u iktar pazjenti qegħdin jinsistu li jridu għażliet iktar siguri u effettivi mit-trasfużjonijiet.” Ir-rivista rrapportat ukoll: “Skond xi kalkoli, 25% tat-trasfużjonijiet fl-Istati Uniti m’hemmx bżonnhom. Hemm ukoll indikazzjonijiet li l-pazjenti ma jittollerawx livelli għoljin taʼ emoglobina kif konna naħsbu qabel u li ż-żgħażagħ speċjalment, għandhom ħażna taʼ demm ġewwa fihom. . . . [Shander] huwa konvint illi li nżommu lura milli nużaw id-demm hija għażla vijabbli u preferibbli għall-biċċa l-kbira tal-pazjenti.”
Għalkemm li xi ħadd ilaqqat xi marda mit-trasfużjonijiet tad-demm huwa wieħed mill-akbar perikli, hemm perikli oħrajn. “Id-demm maħżun, wara li jiġi mkessaħ u maħżun, ma jkollux il-kapaċità li għandu d-demm frisk biex iġorr l-ossiġnu,” spjega Dr. Shander. “Għadna biss qed nibdew nifhmu x’inkunu qed nagħmlu meta nagħtu trasfużjoni.”
“Il-Livell tad-Deheb”
“Finalment,” ikkonkludiet ir-rivista Time, “hemm il-prezz: jekk kull trasfużjoni tkun tiswa bejn wieħed u ieħor $500 [Lm200], u maʼ dan jiżdiedu l-ispejjeż amministrattivi, il-kont totali jiġi bejn il-biljun [Lm400 miljun] u ż-żewġ biljun dollaru [Lm800 miljun] kull sena, u dan hu inċentiv biżżejjed biex wieħed jikkunsidra l-alternattivi.” Il-prezz inkredibbli tat-trasfużjonijiet tad-demm issa jidher li huwa waħda mill-akbar raġunijiet għala l-kirurġija mingħajr demm saret daqshekk popolari.
Sharon Vernon, id-direttriċi tas-Center for Bloodless Medicine and Surgery fis-St. Vincent Charity Hospital, fi Cleveland, Ohio, qalet dan dwar it-trattament taʼ pazjenti mingħajr l-użu tad-demm: “Dan qed jiżdied għaliex it-tobba qegħdin jirrikonoxxu li l-mediċina mingħajr l-użu tad-demm hija l-livell tad-deheb f’ambjent li qed jekonomizza. L-esperjenza tagħna kienet li anki l-kumpaniji taʼ l-assigurazzjoni li mhux soltu tagħhom jaħdmu id f’id magħna, qed jibagħtulna n-nies, għaliex dan jiffrankalhom il-flus.”
B’mod ċar, il-kirurġija mingħajr demm malajr qed tiġi rrikonoxxuta fil-komunità medika, u dan minħabba għadd taʼ raġunijiet.
[Kaxxa fʼpagna 19]
DEĊIŻJONIJIET REĊENTI TAL-QRATI
Żewġ deċiżjonijiet tal-qrati li ttieħdu uffiċjalment fl-istat taʼ Illinois, fl-Istati Uniti, f’Novembru u Diċembru taʼ l-1997 kienu sinjifikanti. Fl-ewwel waħda, Mary Jones, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, ngħatat $150,000 [Lm60,000] għad-danni għaliex kienet ingħatat trasfużjoni taʼ żewġ units taʼ demm fl-1993, minkejja l-oġġezzjoni ċara tagħha għal dan it-tip taʼ kura. Din hi l-akbar somma li qatt ħa xi Xhud għall-ħsara emozzjonali li sofra bħala riżultat taʼ trasfużjoni tad-demm mhix mixtieqa.
It-tieni każ kien jinvolvi lil Xhud bl-isem taʼ Darlene Brown, li dak iż-żmien kienet tqila, u li ngħatat trasfużjoni bil-forza minħabba t-tarbija taʼ 34 ġimgħa li kellha fil-ġuf. Fil-31 taʼ Diċembru, 1997, il-Qorti taʼ l-Appell taʼ Illinois spjegat id-deċiżjoni tagħha billi qalet li “trasfużjoni tad-demm hija proċedura medika li tinvadi u li ma tippermettix lil adult kompetenti jerfaʼ r-responsabbiltà taʼ dak li jsir fuq ġismu.” Il-Qorti taʼ l-Appell ġabret id-deċiżjoni tagħha fil-qosor billi qalet li “taħt il-liġi taʼ dan l-Istat, . . . ma nistgħux nimponu obbligu legali fuq mara tqila biex tagħti l-kunsens tagħha għal proċedura medika li tinvadi.”
Fid-9 taʼ Frar, 1998, il-Qorti Għolja taʼ Tokyo reġġgħet lura d-deċiżjoni taʼ qorti iktar baxxa, li kienet iddeċidiet li tabib kien iġġustifikat f’li jagħti trasfużjoni tad-demm lil Misae Takeda waqt li kienet qed tiġi operata fl-1992. Il-Qorti Għolja ddikjarat li “d-dritt tal-pazjent li jagħżel il-kura għandu jiġi rrispettat. Kienet xi ħaġa illegali li tingħata trasfużjoni tad-demm.” Misae Takeda ngħatat kumpens taʼ 550,000 yen (Lm1,680) għad-danni.