Tkompli Tiżdied il-Ħtieġa għal Mediċina u Kirurġija Mingħajr Demm
“Dawk kollha involuti fid-demm u li jieħdu ħsieb pazjenti kirurġiċi għandhom jikkunsidraw il-kirurġija mingħajr demm.”—Dr. Joachim Boldt, professur taʼ l-anestesjoloġija, Ludwigshafen, Ġermanja.
IT-TRAĠEDJA taʼ l-AIDS ġagħlet lix-xjenzati u lit-tobba jieħdu iżjed passi ħalli l-operazzjonijiet isiru inqas perikolużi. Ovvjament, dan kien ifisser li d-demm kellu jiġi eżaminat b’mod iktar strett. Imma l-esperti jgħidu li anki b’dawn il-miżuri m’hijiex ħaġa ċerta li t-trasfużjonijiet ma jġorru l-ebda riskju. “Anki hekk kif is-soċjetà tonfoq riżorsi kbar biex tagħmel il-provvista tad-demm inqas perikoluża minn qatt qabel,” tgħid ir-rivista Transfusion, “nemmnu li l-pazjenti xorta se jipprovaw jevitaw trasfużjonijiet alloġeniċi [mogħti minn xi ħadd] għas-sempliċi fatt li l-provvista tad-demm qatt ma tistaʼ tkun bla periklu għalkollox.”
Mhux taʼ b’xejn li ħafna tobba qegħdin joqogħdu attenti ħafna rigward it-trasfużjonijiet tad-demm. “It-trasfużjonijiet tad-demm bażikament m’huma tajbin xejn, u aħna determinati ħafna li nevitawhom lil kulħadd,” jgħid Dr. Alex Zapolanski taʼ San Francisco, Kalifornja.
Il-pubbliku ġenerali wkoll qed isir konxju tal-perikli tat-trasfużjonijiet. Fil-fatt, stħarriġ taʼ l-1996 wera li 89 fil-mija tal-Kanadiżi jippreferu alternattiva għal demm mogħti minn xi ħadd. “Mhux il-pazjenti kollha jirrifjutaw trasfużjonijiet omoloġiċi bħalma jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah,” jiddikjara l-Journal of Vascular Surgery. ‘Madankollu, ir-riskju li tittieħed xi marda u r-riskju li jitbiddel il-mod kif taħdem is-sistema taʼ l-immunità jagħtu evidenza ċara li rridu nsibu alternattivi għall-pazjenti tagħna kollha.’
Metodu Preferut
Għallinqas teżisti alternattiva—mediċina u kirurġija mingħajr demm. Ħafna pazjenti ma jqisuhiex bħala soluzzjoni aħħarija imma bħala kura preferuta, u bir-raġun. Stephen Geoffrey Pollard, kirurgu speċjalista Britanniku, jinnota li r-rati taʼ tlaqqit taʼ mard u taʼ mewt fost dawk li jirċievu kirurġija mingħajr demm huma “minn taʼ l-inqas tajbin daqs taʼ dawk il-pazjenti li jirċievu d-demm, u f’ħafna każi jeħilsu mill-infezzjonijiet u l-komplikazzjonijiet taʼ wara l-operazzjoni li taʼ spiss jiġu kaġunati mid-demm.”
Kif żviluppat il-kura medika mingħajr demm? Minn banda l-mistoqsija hija daqsxejn stramba, peress li l-mediċina mingħajr demm fil-fatt kienet teżisti qabel ma beda jintuża d-demm. Tabilħaqq, kien biss mill-bidu tas-seklu 20 li t-teknoloġija tat-trasfużjonijiet avanzat sal-punt li kienet tintuża regolarment. Madankollu, fi snin reċenti xi wħud taw il-popolarità lill-qasam tal-kirurġija mingħajr demm. Per eżempju, matul is-snin 60 il-kirurgu magħruf Denton Cooley għamel ftit mill-ewwel operazzjonijiet bil-qalb miftuħa mingħajr ma uża d-demm.
Peress li żdiedet l-epatite fost dawk li ħadu t-trasfużjonijiet fis-snin 70, ħafna tobba bdew ifittxu alternattivi għad-demm. Sas-snin 80, għadd taʼ timijiet mediċi kbar kienu qed joperaw mingħajr demm. Imbagħad, meta faqqgħet l-epidemija taʼ l-AIDS, taʼ spiss timijiet oħrajn li kienu ħerqanin li jadottaw l-istess metodi kienu jikkonsultaw maʼ dawn it-timijiet. Matul is-snin 90 ħafna sptarijiet żviluppaw programmi li joffru lill-pazjenti tagħhom għażliet mingħajr demm.
Xi tobba issa rnexxielhom jużaw metodi mingħajr demm waqt operazzjonijiet u proċeduri t’emerġenza li s-soltu kienu jeħtieġu t-trasfużjonijiet. “Operazzjonijiet serji kardijaki, vaskulari, ġinekoloġiċi u ostetriċi, ortopediċi, u uroloġiċi jistgħu jsiru b’suċċess mingħajr ma jintuża d-demm jew prodotti tad-demm,” jinnota D.H.W. Wong, fil-Canadian Journal of Anaesthesia.
Vantaġġ wieħed tal-kirurġija mingħajr demm huwa li din tinkuraġġixxi kura taʼ kwalità aħjar. “Il-kapaċità tal-kirurgu hija taʼ l-akbar importanza fil-prevenzjoni taʼ telf taʼ demm,” jgħid Dr. Benjamin J. Reichstein, direttur tal-kirurġija fi Cleveland, Ohio. Ġurnal legali fl-Afrika t’Isfel jgħid li f’ċerti każi, il-kirurġija mingħajr demm tistaʼ ssir “iktar malajr, tkun iktar nadifa u inqas għalja.” Dan iżid: “Ċertament li l-kura taʼ wara f’ħafna każi tkun irħas u tieħu inqas żmien.” Dawn huma biss ftit mir-raġunijiet għala bħalissa hemm iktar minn 180 sptar madwar id-dinja li għandhom programmi li jispeċjalizzaw f’mediċina u kirurġija mingħajr demm.
Id-Demm u x-Xhieda taʼ Jehovah
Minħabba raġunijiet ibbażati fuq il-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrifjutaw trasfużjonijiet tad-demm.a Imma huma jaċċettaw—u jfittxu b’ruħhom u b’ġisimhom kollha—alternattivi mediċi għad-demm. “Ix-Xhieda taʼ Jehovah b’mod attiv ifittxu dak li hu l-aħjar fil-kura medika,” qal Dr. Richard K. Spence, meta kien direttur tal-kirurġija fi sptar taʼ New York. “Bħala grupp, huma l-iktar konsumaturi edukati tajjeb li qatt jistaʼ jiltaqaʼ magħhom kirurgu.”
Ħafna mill-metodi kirurġiċi, it-tobba pperfezzjonawhom fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah. Ikkunsidra l-esperjenza tal-kirurgu kardjovaskulari, Denton Cooley. F’perijodu taʼ 27 sena, it-tim tiegħu għamel kirurġija bil-qalb miftuħa mingħajr demm fuq 663 Xhud taʼ Jehovah. Ir-riżultati b’mod ċar juru li operazzjonijiet tal-qalb jistgħu jsiru b’suċċess mingħajr ma jintuża d-demm.
Veru, ħafna kkritikaw lix-Xhieda taʼ Jehovah talli jirrifjutaw id-demm. Imma ċerta gwida pubblikata mill-Assoċjazzjoni t’Anestetisti tal-Gran Britannja u l-Irlanda tqis il-pożizzjoni li għandhom ix-Xhieda bħala “sinjal taʼ rispett għall-ħajja.” Ngħiduha kif inhi, il-waqfa stretta tax-Xhieda kienet forza ewlenija biex il-kura medika b’inqas riskji ssir disponibbli għal kulħadd. “Ix-Xhieda taʼ Jehovah li kellhom bżonn il-kirurġija wrew it-triq u eżerċitaw pressjoni għal titjib f’settur importanti tas-servizz tas-saħħa Norveġiż,” jikteb il-Professur Stein A. Evensen, taʼ l-Isptar Nazzjonali tan-Norveġja.
Biex jgħinu lit-tobba f’li jipprovdu kura mingħajr l-użu tad-demm, ix-Xhieda taʼ Jehovah żviluppaw servizz utli taʼ koordinazzjoni. Bħalissa, madwar id-dinja hemm iktar minn 1,400 Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet li huma mgħammrin biex lit-tobba u lir-riċerkaturi jipprovdulhom letteratura medika meħuda minn kollezzjoni taʼ tagħrif li tinkludi iktar minn 3,000 artiklu konness mal-mediċina u l-kirurġija mingħajr demm. “Mhux ix-Xhieda taʼ Jehovah biss, imma l-biċċa l-kbira tal-pazjenti, illum il-ġurnata għandhom inqas ċans li jingħataw trasfużjonijiet tad-demm bla bżonn minħabba x-xogħol tal-Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet li għandhom ix-Xhieda,” jinnota Dr. Charles Baron, professur fl-Iskola tal-Liġi tal-Kulleġġ taʼ Boston.b
It-tagħrif fuq il-mediċina u l-kirurġija mingħajr demm li nġabar mix-Xhieda taʼ Jehovah kien taʼ benefiċċju għal ħafna wħud fil-qasam mediku. Per eżempju, huma u jippreparaw il-materjal għal ktieb intitolat Autotransfusion: Therapeutic Principles and Trends, l-awturi talbu lix-Xhieda taʼ Jehovah biex jipprovdulhom informazzjoni dwar l-alternattivi għat-trasfużjoni tad-demm. Ix-Xhieda taʼ Jehovah bil-ferħ laqgħu t-talba tagħhom. Iktar tard l-awturi qalu bi gratitudni: “F’dak kollu li qrajna dwar dan is-suġġett, qatt ma rajna lista konċiża u kompleta taʼ strateġiji bħal din biex tiġi evitata trasfużjoni omologa tad-demm.”
Il-progress li sar fil-qasam mediku ġiegħel lil ħafna jikkunsidraw il-mediċina mingħajr demm. Dan fejn se jwassalna? Il-professur Luc Montagnier, dak li skopra l-virus taʼ l-AIDS, jgħid: “L-evoluzzjoni tal-fehma tagħna f’dan il-qasam turi li t-trasfużjonijiet tad-demm xi darba jridu jsiru estinti.” Sadanittant, l-alternattivi għad-demm diġà qed isalvaw il-ħajjiet.
[Noti taʼ taħt]
b Meta jiġu mistidnin, il-Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet jagħmlu wkoll xi preżentazzjonijiet lill-persunal mediku taʼ l-isptarijiet. Iktar minn hekk, jekk l-għajnuna tagħhom tintalab speċifikament, huma jgħinu lill-pazjenti biex minn kmieni jkollhom komunikazzjoni sinċiera u kontinwa mat-tabib li jkun qed jieħu ħsiebhom.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]
X’Jgħidu xi Tobba
‘Il-kirurġija mingħajr demm m’hijiex biss għax-Xhieda taʼ Jehovah imma għall-pazjenti kollha. Naħseb li kull tabib għandu jkun involut fiha.’—Dr. Joachim Boldt, professur taʼ l-anestesjoloġija, Ludwigshafen, Ġermanja.
“Filwaqt li t-trasfużjonijiet tad-demm huma inqas perikolużi llum milli kienu fl-imgħoddi, xorta fihom ir-riskji, inkluż reazzjonijiet taʼ l-immunità u li jittieħdu l-epatite jew mard trasmess sesswalment.”—Dr. Terrence J. Sacchi, assistent professur kliniku tal-mediċina.
“Il-biċċa l-kbira tat-tobba jirreaġixxu awtomatikament għat-trasfużjonijiet u sempliċement jagħtuhom liberament u bla diskriminazzjoni. Jien le.”—Dr. Alex Zapolanski, direttur tal-kirurġija kardijaka fl-Istitut tal-Qalb taʼ San Francisco.
“Ma nistaʼ naħseb fl-ebda operazzjoni konvenzjonali fiż-żaqq fuq pazjent normali li bħala regola tkun teħtieġ trasfużjoni tad-demm.”—Dr. Johannes Scheele, professur tal-kirurġija, Jena, Ġermanja.
[Stampi]
Dr. Terrence J. Sacchi
Dr. Joachim Boldt
[Kaxxi/Stampi f’paġna 8, 9]
Mediċina u Kirurġija Mingħajr Demm
Ftit mill-Metodi
Fluwidi: Ringer’s lactate solution, dextran, hydroxyethyl starch, u oħrajn jintużaw biex iżommu l-volum tad-demm, u b’hekk jiġi evitat xokk minħabba li jitbaxxa l-volum tad-demm. Xi fluwidi li qed jiġu testjati bħalissa jistgħu jġorru l-ossiġnu.
Drogi: Proteini magħmulin ġenetikament jistgħu jistimulaw il-produzzjoni taċ-ċelluli ħomor tad-demm (erythropoietin), platelets tad-demm (interleukin-11), u diversi ċelluli bojod tad-demm (GM-CSF, G-CSF). Medikazzjonijiet oħrajn inaqqsu ħafna t-telf taʼ demm matul operazzjoni (aprotinin, antifibrinolytics) jew jgħinu biex ma jintilifx ħafna demm (desmopressin).
Emostati Bijoloġiċi: Garżi minsuġin tal-kollaġen u ċ-ċelluloża jintużaw biex iwaqqfu t-telf taʼ demm billi jiġu applikati direttament. Kolla u affarijiet li jissiġillaw tal-fibrin jistgħu jsoddu l-feriti meta ssir toqba jew jgħattu partijiet kbar minn nisġa taʼ ċelluli li tkun qed tnixxi d-demm.
Demm salvat: Magni li jsalvaw id-demm ma jitilfux id-demm li joħroġ matul l-operazzjoni jew f’każ taʼ xi ġrieħi gravi. Id-demm jitnaddaf u jistaʼ jerġaʼ jmur lura fil-pazjent f’ċirkwit bla ma jieqaf. F’każi estremi, litri sħaħ taʼ demm jistgħu ma jintilfux permezz taʼ sistema bħal din.
Għodod kirurġiċi: Ċertu apparat jaqtaʼ u jissiġilla l-vini tad-demm fl-istess ħin. Apparat ieħor jistaʼ jwaqqaf it-telf taʼ demm f’partijiet kbar taʼ tessuti. Strumenti laparoskopiċi u invadenti mill-inqas jippermettu li jsiru operazzjonijiet mingħajr it-telf taʼ demm assoċjat maʼ xi inċiżjoni kbira.
Metodi kirurġiċi: Ippjanar bir-reqqa taʼ l-operazzjoni, li jinkludi konsultazzjoni maʼ wħud li jispeċjalizzaw fil-prattika klinika, jgħin lit-tim taʼ kirurgi biex jevita l-komplikazzjonijiet. Huwa essenzjali li tittieħed azzjoni immedjata biex ma jkomplix jintilef id-demm. Dewmien taʼ iktar minn 24 siegħa jistaʼ jżid ħafna r-riskju li l-pazjent imut. Jekk operazzjonijiet kbar jinqasmu f’diversi wħud żgħar, it-total taʼ telf taʼ demm jonqos.
[Box/Pictures Page 10]
Mediċina Mingħajr Demm—“Il-Proċedura Normali taʼ Kura” l-Ġdida?
STENBAĦ! iddiskuta l-benefiċċji taʼ mediċina u kirurġija mingħajr demm m’erbaʼ esperti f’dan il-qasam.
Minbarra pazjenti li għal raġunijiet reliġjużi jirrifjutaw it-trasfużjonijiet tad-demm, min iktar qed jinteressa ruħu f’mediċina mingħajr demm?
Dr. Spahn: Fiċ-ċentru tagħna, dawk li jitolbu l-mediċina mingħajr demm ġeneralment ikunu pazjenti informati sew għall-aħħar.
Dr. Shander: Fl-1998, in-numru taʼ pazjenti li rrifjutaw id-demm għal raġunijiet persunali qabeż in-numru taʼ pazjenti li rrifjutaw id-demm għal raġunijiet reliġjużi.
Dr. Boyd: Per eżempju, hemm pazjenti bil-kanċer. Ħafna drabi ntwera li jekk huma ma jiħdux demm, dawn jipprogressaw aħjar u l-marda ma tantx terġaʼ titfaċċalhom.
Dr. Spahn: Taʼ spiss aħna nagħtu kura lil professuri taʼ l-università u lill-familji tagħhom mingħajr ma nużaw demm. Anki l-kirurgi jitolbuna biex nevitaw it-trasfużjonijiet! Per eżempju, kirurgu wieħed avviċinana rigward martu, li kellha bżonn t’operazzjoni. Qalilna: “Kunu żguri biss minn ħaġa waħda—li ma tingħatax trasfużjoni tad-demm!”
Dr. Shander: Membri tad-dipartiment tiegħi taʼ l-anestesija qalu: ‘Dawn il-pazjenti li mhux qed jieħdu demm sejrin daqstant tajjeb jekk mhux aħjar. Għalfejn għandu jkollna żewġ proċeduri normali taʼ kura? Jekk din hi l-aħjar kura, għandna nużawha għal kulħadd.’ Allura issa qed nittamaw li l-mediċina mingħajr demm issir il-proċedura normali taʼ kura.
Mr. Earnshaw: Veru li l-kirurġija mingħajr demm hija partikolarment rilevanti għax-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, aħna rridu nagħtu l-kura lil kulħadd b’dan il-mod.
Il-metodu taʼ mingħajr demm huwa iktar għali jew irħas?
Mr. Earnshaw: Dan jiffranka l-ispejjeż.
Dr. Shander: L-ispiża tonqos b’25 fil-mija bil-mediċina mingħajr demm.
Dr. Boyd: Għal din ir-raġuni biss ukoll għandna nużawh.
Kemm avanzajna fl-użu tal-kura medika mingħajr demm?
Dr. Boyd: Naħseb li hu progressiv ferm. Bl-ebda mod m’hu se jieqaf hemm. Darba wara l-oħra nsibu raġuni ġdida tajba biex ma nużawx id-demm.
[Stampi]
Dr. Donat R. Spahn professur taʼ l-anestesjoloġija, Zurich, Svizzera
Dr. Aryeh Shander professur kliniku assistent taʼ l-anestesjoloġija, Stati Uniti
Mr. Peter Earnshaw, FRCS, kirurgu ortopediku speċjalista, Londra, Ingilterra
Dr. Mark E. Boyd professur taʼ l-ostetriċja u l-ġinekoloġija, Kanada
[Kaxxa f’paġna 11]
L-Irwol tal-Pazjent
▪ Tkellem mat-tabib tiegħek dwar alternattivi mingħajr demm qabel ma tqum il-ħtieġa għal xi kura. Dan hu importanti speċjalment għal nisa tqal, ġenituri bi tfal żgħar, u l-anzjani.
▪ Niżżel bil-miktub dak li tixtieq, speċjalment jekk hemm dokument legali disponibbli għal dan l-għan.
▪ Jekk it-tabib tiegħek m’huwiex lest li jagħtik il-kura mingħajr demm, fittex tabib li se jaqbel max-xewqat tiegħek.
▪ Peress li xi alternattivi għad-demm jirrikjedu ż-żmien biex ikunu effettivi, tħallix għall-aħħar biex tfittex il-kura jekk taf li għandek bżonn t’operazzjoni.